Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Dejjem Għandek Bżonn Kmand tal-Bibbja?

Dejjem Għandek Bżonn Kmand tal-Bibbja?

Dejjem Għandek Bżonn Kmand tal-​Bibbja?

META kont żgħir, x’aktarx li l-​ġenituri tiegħek għamlulek ħafna regoli. Waqt li bdejt tikber, sirt tapprezza li huma kienu qed jagħmlu dan għall-​ġid tiegħek. Issa li int adult, forsi għadek tgħix fi qbil maʼ ċerti prinċipji li huma naqqxu ġo fik, avolja m’għadekx taħt l-​awtorità tagħhom.

Missierna tas-​sema, Jehovah, jagħtina numru taʼ kmandi diretti permezz tal-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. Per eżempju, hu jipprojbixxi l-​idolatrija, il-​fornikazzjoni, l-​adulterju, u s-​serq. (Eżodu 20:​1-​17; Atti 15:​28, 29) Waqt li aħna “nikbru f’kollox” spiritwalment, nibdew napprezzaw li Jehovah irid l-​aħjar għalina u li l-​kmandi tiegħu m’humiex restrittivi żżejjed.​—Efesin 4:​15; Isaija 48:​17, 18; 54:13.

Madankollu, hemm ħafna sitwazzjonijiet li għalihom m’hemmx kmand dirett. Għalhekk, xi wħud iħossu li peress li m’hemmx liġi diretta fil-​Bibbja, huma ħielsa li jagħmlu dak li jridu. Huma jgħidu li jekk Alla ħass li kien neċessarju, kieku hu kien jesprimi r-​rieda tiegħu permezz taʼ kmand dirett.

Dawk li jħossuhom hekk spiss jieħdu deċiżjonijiet mhux għaqlin biex imbagħad iktar tard jiddispjaċihom. Huma jonqsu li jaraw li l-​Bibbja fiha mhux biss liġijiet imma wkoll indikazzjonijiet dwar kif jaħsibha Alla. Waqt li nistudjaw il-​Bibbja u nsiru nafu kif Jehovah iħares lejn l-​affarijiet, aħna niżviluppaw kuxjenza mħarrġa fuq il-​Bibbja u niġu megħjunin nieħdu deċiżjonijiet li jirriflettu l-​mogħdijiet tiegħu. Meta nagħmlu dan, aħna nferrħulu qalbu u naħsdu l-​benefiċċji li jirriżultaw milli nieħdu deċiżjonijiet għaqlin.​—Efesin 5:1.

Eżempji Bibliċi li Jispikkaw

Meta nħarsu lejn rakkonti Bibliċi taʼ qaddejja t’Alla fi żminijiet tal-​qedem, insibu sitwazzjonijiet fejn dawn qiesu kif jaħsibha Jehovah anki meta ma kinux taħt kmand dirett. Ikkunsidra l-​eżempju taʼ Ġużeppi. F’dak iż-​żmien meta kien qed jiffaċċja tentazzjonijiet immorali mill-​mara taʼ Putifar, ma kien hemm ebda liġi ispirata minn Alla kontra l-​adulterju. Madankollu, saħansitra mingħajr liġi diretta, Ġużeppi fehem li l-​adulterju kien dnub mhux biss kontra l-​kuxjenza tiegħu stess imma anki “kontra Alla.” (Ġenesi 39:9) B’mod evidenti, Ġużeppi rrikonoxxa li l-​adulterju hu vjolazzjoni kontra l-​ħsieb u r-​rieda t’Alla, bħalma wera Alla nnifsu f’Għeden.​—Ġenesi 2:​24.

Ikkunsidra eżempju ieħor. F’​Atti 16:​3, aħna nitgħallmu li qabel ma ħa lil Timotju fil-​vjaġġi Kristjani tiegħu, Pawlu għamillu ċ-​ċirkonċiżjoni. Madankollu, fil-​vers 4 naqraw li Pawlu u Timotju mbagħad ivvjaġġaw fil-​bliet iwasslu “d-​digrieti taʼ l-​appostli u l-​presbiteri taʼ Ġerusalemm.” Fost dawk id-​digrieti kien hemm id-​deċiżjoni li l-​Kristjani ma kinux għadhom taħt il-​liġi li jagħmlu ċ-​ċirkonċiżjoni! (Atti 15:​5, 6, 28, 29) Pawlu għala ħass li kien neċessarju li Timotju jagħmel iċ-​ċirkonċiżjoni? ‘Minħabba l-​Lhud taʼ dawk l-​inħawi, għax kollha kienu jafu li missier [Timotju] kien Grieg.’ Pawlu ma riedx jikkaġuna offiża jew ikun taʼ tfixkil bla bżonn. Hu kien konċernat dwar li l-​Kristjani jħallu ‘l-​kuxjenza taʼ kull bniedem tiġġudikah hi quddiem Alla.’​—2 Korintin 4:2; 1 Korintin 9:​19-​23.

Dan it-​tip taʼ tħassib kien tipiku għal Pawlu u Timotju. Aqra rakkonti bħal Rumani 14:​15, 20, 21 u l-​1 Korintin 8:​9-​13; 10:​23-​33, u ara kemm Pawlu kien verament konċernat dwar is-​saħħa spiritwali t’oħrajn, speċjalment taʼ dawk li setgħu jitfixklu minħabba xi ħaġa li, wara kollox, ma kinitx ħażina. U Pawlu kiteb dwar Timotju: “’Il ħadd ma għandi bħalu li minn qalbu jieħu ħsiebkom sewwa. Kulħadd ifittex li jaqbel lilu u mhux dak li hu taʼ Ġesù Kristu. Intom tafu bit-​tiġrib tiegħu; kif bħal iben maʼ missieru ħadem miegħi għat-​tixrid taʼ l-​Evanġelju.” (Filippin 2:​20-​22) X’eżempju mill-​aqwa ħallew għalina llum dawn iż-​żewġt irġiel Kristjani! Minflok m’għażlu dak li jaqblilhom jew dak li jippreferu personalment meta ma kinux taħt kmand divin, huma imitaw l-​imħabba taʼ Jehovah u taʼ Ibnu billi kkunsidraw kif id-​deċiżjonijiet persunali tagħhom setgħu jeffettwaw lil oħrajn spiritwalment.

Ikkunsidra lil Ġesù Kristu, l-​aqwa eżempju. Fil-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja, hu spjega biċ-​ċar li wieħed li jifhem l-​ispirtu tal-​liġijiet t’Alla se jobdihom saħansitra iżjed minn dak li hu kmandat jew projbit speċifikament. (Mattew 5:​21, 22, 27, 28) La Ġesù, la Pawlu, la Timotju, u lanqas Ġużeppi m’addottaw ir-​raġunar li fejn m’hemmx liġi divina speċifika, bniedem jistaʼ jagħmel li jrid. Sabiex jaqblu mal-​ħsieb t’Alla, dawn l-​irġiel għexu b’dak li Ġesù identifikahom bħala l-​aqwa żewġ kmandamenti​—li tħobb lil Alla u li tħobb lil għajrek.​—Mattew 22:​36-​40.

Xi Ngħidu għall-​Kristjani Llum?

Huwa ċar li m’għandniex inħarsu lejn il-​Bibbja bħallikieku xi dokument legali​—billi nistennew li kull obbligu jkun imniżżel bl-​eżatt, kelma b’kelma. Kemm inferrħu bil-​kbir lil qalb Jehovah meta nagħżlu li nagħmlu dak li jirrifletti l-​ħsieb tiegħu, anki meta m’hemmx liġi speċifika biex tgħidilna x’għandna nagħmlu. Fi kliem ieħor, minflok ma dejjem nistennew li xi ħadd jgħidilna x’għandna nagħmlu, aħna nistgħu nfittxu jew ‘nagħrfu x’inhi r-​rieda tal-​Mulej.’ (Efesin 5:​17; Rumani 12:​2, korsiv tagħna.) Dan għala jferraħ lil Jehovah? Għaliex juri li m’aħniex iktar konċernati dwar li nfittxu l-​preferenzi persunali u d-​drittijiet tagħna milli li nogħġbu lilu. Juri wkoll li aħna napprezzaw l-​imħabba tiegħu sal-​punt li nkunu rridu nimitawha, billi nagħmlu din l-​imħabba l-​qawwa li timmotivana. (Proverbji 23:15; 27:11) Iktar minn hekk, azzjonijiet ibbażati fuq dak li hu indikat fl-​Iskrittura jikkontribwixxu għal saħħa spiritwali u ħafna drabi fiżika wkoll.

Ejja naraw kif dan il-​prinċipju jistaʼ jiġi applikat f’affarijiet persunali.

L-​Għażla tad-​Divertiment

Ikkunsidra l-​każ taʼ żagħżugħ li jixtieq jixtri album ġdid tad-​diski. Dak li ġa semaʼ mill-​album huwa tal-​widna, imma hu mħasseb peress li l-​qoxra taʼ wara tindika li l-​kliem huwa espliċitu sesswalment u profan. Imbagħad, ukoll, hu jara li ħafna mid-​diski taʼ l-​artist huma taʼ ton irrabjat u aggressiv. Bħala xi ħadd li jħobb lil Jehovah, dan iż-​żagħżugħ hu interessat fil-​ħsibijiet u s-​sentimenti Tiegħu fuq il-​kwistjoni. Kif jistaʼ jagħraf x’inhi r-​rieda t’Alla f’dan?

Fl-ittra tiegħu lill-​Galatin, l-​appostlu Pawlu jsemmi l-​għemejjel tal-​ġisem u l-​frott taʼ l-​ispirtu t’Alla. X’aktarx li taf f’hiex jikkonsisti l-​frott taʼ l-​ispirtu t’Alla: l-​imħabba, l-​hena, il-​paċi, is-​sabar, il-​ħniena, it-​tjieba, il-​fidi, il-​ħlewwa, u r-​rażan. Imma l-​attivitajiet taʼ l-​għemejjel tal-​ġisem f’hiex jikkonsistu? Pawlu jikteb: “L-​għemejjel tal-​ġisem huma magħrufa: żína, faħx, nuqqas taʼ rażan, idolatrija, seħer, mibegħda, ġlied, għira, korla, ambizzjoni, firda, partiti, invidja, sokor, tbahrid, u ħwejjeġ bħal dawn. Nwissikom, bħalma wissejtkom qabel, min jagħmel dawn il-​ħwejjeġ ma jiritx is-​saltna taʼ Alla.”​—Galatin 5:​19-​23.

Innota l-​aħħar espressjoni f’dik il-​lista​—“ħwejjeġ bħal dawn.” (Korsiv tagħna.) Pawlu ma tax lista li ma tieqaf qatt taʼ dak kollu li jistaʼ jitqies bħala għemejjel tal-​ġisem. Ma jfissirx li wieħed jistaʼ jirraġuna, ‘L-​Iskrittura tħallini nieħu sehem fi kwalunkwe attività li mhix fil-​lista taʼ Pawlu taʼ l-​għemejjel tal-​ġisem.’ Minflok, il-​qarrejja jridu jużaw il-​qawwiet perċettivi tagħhom sabiex jidentifikaw l-​affarijiet li forsi m’humiex fuq din il-​lista imma huma “bħal dawn.” Dawk li bla ndiema jkomplu jieħdu sehem fi prattiċi li m’humiex imsemmijin imma huma “bħal dawn” mhux se jirtu l-​barkiet tas-​Saltna t’Alla.

B’hekk, irridu nifhmu, jew nagħrfu, dak li ma jogħġobx lil Jehovah. Huwa diffiċli dan? Ejja ngħidu li t-​tabib jgħidlek li għandek bżonn tiekol iktar frott u ħaxix, u biex tevita l-​ġelat u affarijiet bħal dawn. Ikun diffiċli li tiddetermina fuq liema lista għandu jitpoġġa l-​kejk? Issa erġaʼ ħares lejn il-​frott taʼ l-​ispirtu t’Alla u l-​għemejjel tal-​ġisem. Maʼ liema lista għandu jitpoġġa l-​album tad-​diski msemmi fuq? Żgur li m’għandu xejn x’jaqsam maʼ l-​imħabba, it-​tjieba, ir-​rażan, jew il-​kwalitajiet l-​oħra assoċjati mal-​frott taʼ l-​ispirtu t’Alla. Wieħed m’għandux bżonn liġi diretta biex jagħraf li dan it-​tip taʼ mużika mhux fi qbil maʼ kif jaħsibha Alla. L-​istess prinċipji japplikaw għal dak li naqraw, films, programmi tat-​televixin, logħob tal-​kompjuter, Web sites, u nibqgħu sejrin.

Dehra Persunali Aċċettabbli

Il-​Bibbja tipprovdi wkoll prinċipji li jitfgħu dawl fuq il-​kwistjonijiet taʼ l-​ilbies u d-​dehra persunali. Dawn iħallu lil kull Kristjan ikun gwidat biex iżomm dehra persunali xierqa u li tingħoġob. F’dan l-​aspett ukoll, dak li jħobb lil Jehovah jara opportunità f’dan, mhux biex jagħmel dak li jrid, imma biex jagħmel dak li jferraħ lil Missieru tas-​sema. Bħalma diġà rajna, il-​fatt li Jehovah ma taniex regoli speċifiċi fuq il-​kwistjoni ma jfissirx li ma jinteressahx f’dak li jagħmlu n-​nies tiegħu. L-​istili huma differenti minn post għall-​ieħor, u anki fl-​istess post dawn jistgħu jinbidlu kull tant żmien. Madankollu, Alla jipprovdi prinċipji bażiċi li għandhom jiggwidaw lill-​poplu tiegħu f’kull ħin u f’kull post.

Per eżempju, l-​1 Timotju 2:​9, 10 jgħid: “Hekk ukoll nixtieq li n-​nisa jiżżejjnu bi lbies xieraq, bil-​modestja u bl-​għaqal, mhux b’xagħarhom midfur, anqas bid-​deheb jew ġawhar jew ilbies lussuż, imma bl-​għemil it-​tajjeb, kif jixraq lil nisa li [“jgħidu li jqimu lil Alla,” NW].” B’hekk, nisa Kristjani​—kif ukoll irġiel​—għandhom jaħsbu dwar liema tip t’apparenza jistennew in-​nies taʼ fejn joqogħdu huma mingħand nies li “jgħidu li jqimu lil Alla.” Huwa xieraq b’mod speċjali li Kristjan jaħseb sew dwar kif l-​apparenza tiegħu se ġġiegħel lil oħrajn jaħsbu dwar il-​messaġġ tal-​Bibbja li hu jġorr. (2 Korintin 6:3) Kristjan eżemplari mhux biss se jkun konċernat iżżejjed mill-​preferenzi tiegħu jew id-​drittijiet imma, minflok, dwar li ma jsirx sors taʼ distrazzjoni jew taʼ xkiel għall-​oħrajn.​—Mattew 18:6; Filippin 1:​10, NW.

Meta Kristjan isib li ċertu stil fid-​dehra persunali għandu effett li joffendi jew ifixkel lil oħrajn, hu jistaʼ jimita lill-​appostlu Pawlu billi jpoġġi t-​tħassib dwar is-​saħħa spiritwali t’oħrajn qabel il-​preferenza persunali tiegħu. Pawlu qal: “Ixbhu lili bħalma jien nixbah lil Kristu.” (1 Korintin 11:1) U dwar Ġesù, Pawlu kiteb: “Kristu ma fittixx jogħġob lilu nnifsu.” L-​istruzzjoni taʼ Pawlu lil Kristjani hija ċara: “Aħna li aħna sħaħ fil-​fidi għandna ngħinu lid-​dgħajfa jerfgħu l-​piż tagħhom u mhux infittxu nogħġbu lilna nfusna. Kull wieħed minna għandu jfittex jogħġob lil għajru għall-​ġid tiegħu.”​—Rumani 15:​1-3.

Insaħħu l-​Qawwiet Perċettivi Tagħna

Kif nistgħu niżviluppaw il-​qawwiet perċettivi tagħna sabiex inkunu nafu kif nogħġbu lil Jehovah anki meta ma jkunx tana direzzjoni speċifika dwar xi kwistjoni? Jekk naqraw il-​Kelma tiegħu kuljum, nistudjawha regolarment, u nimmeditaw fuq dak li naqraw, se nikbru fil-​qawwiet perċettivi tagħna. Dan it-​tkabbir ma jseħħx f’daqqa. Bħal tifel żgħir li jikber fiżikament, it-​tkabbir spiritwali huwa pass wara pass u ma tistax tagħrfu mill-​ewwel. Għalhekk hemm bżonn il-​paċenzja, u m’għandniex nirrabjaw jekk ma ninnotawx titjib mill-​ewwel. Mill-​banda l-​oħra, iż-​żmien biss mhux se jsaħħaħ il-​qawwiet perċettivi tagħna. Dan il-​ħin għandu jimtela b’konsiderazzjoni regulari tal-​Kelma t’Alla bħalma semmejna qabel, u għandna napplikaw il-​Kelma f’ħajjitna bl-​aħjar mod li nistgħu.​—Lhud 5:​14.

Jistaʼ jingħad li waqt li l-​liġijiet t’Alla jittestjaw l-​ubbidjenza tagħna, il-​prinċipji tiegħu jittestjaw kemm l-​ispiritwalità tagħna hija profonda u kemm hija kbira x-​xewqa li nogħġbuh. Waqt li nikbru spiritwalment, aħna se npoġġu iktar enfasi fuq li nimitaw lil Jehovah u lil Ibnu. Aħna se nkunu ħerqanin biex nibbażaw id-​deċiżjoni tagħna fuq kif jaħsibha Alla fuq kwistjonijiet bħalma hu indikat fl-​Iskrittura. Waqt li nferrħu lil Missierna tas-​sema f’dak kollu li nagħmlu, aħna se nsibu li l-​ferħ tagħna stess se jiżdied ukoll.

[Stampi f’paġna 23]

Stili taʼ ħwejjeġ huma differenti minn post għal ieħor, imma l-​prinċipji Bibliċi għandhom jiggwidaw l-​għażliet tagħna