Għala Jmorru l-Knisja
Għala Jmorru l-Knisja
“IR-REPUBBLIKA tal-Korea issa għandha Presbiterjani kważi erbaʼ darbiet iktar milli għandha l-Amerika.” Din l-istqarrija fir-rivista Newsweek għandha mnejn ħasdet lil ħafna qarrejja, ladarba ħafna jaħsbu li l-Korea hija soċjetà Konfuċjana jew Buddista. Illum, min imur hemmhekk se jsib numru mhux ħażin taʼ knejjes “Kristjani” li normalment jingħarfu minn slaleb imdawlin b’neon aħmar. Nhar taʼ Ħadd, huwa komuni li tara nies fi gruppi taʼ tnejn jew tlieta, bil-Bibbja f’idhom, sejrin il-knisja. Skond stħarriġ li sar fl-1998, kważi 30 fil-mija min-nies Koreani jattendu jew knisja Kattolika jew waħda Protestanta, iktar minn dawk li jgħidu li huma Buddisti.
Illum il-ġurnata diffiċli biex f’xi pajjiż tara persentaġġ kbir taʼ nies imorru l-knisja regolarment. Però, dan qed iseħħ mhux biss fil-Korea imma anki f’pajjiżi Asjatiċi oħra, kif ukoll fl-Afrika u l-Amerika Latina. Għala hemm ħafna li għadhom jgħidu li jemmnu f’Alla meta l-apatija u l-indifferenza reliġjuża qishom qed joħonqu d-dinja? Għala jmorru l-knisja?
Stħarriġ taʼ Gallup wera li iktar minn nofs dawk li jattendu l-knisja fil-Korea qed ifittxu serħan il-moħħ; madwar terz ħajja eterna wara l-mewt; u 1 f’kull 10 qed ifittex is-saħħa, il-ġid, u s-suċċess.
Ħafna nies fiċ-Ċina jmorru l-knisja bit-tama li jsibu xi ħaġa li timla l-vojt spiritwali li rriżulta hekk kif l-ambizzjonijiet kapitalisti bil-mod il-mod ħadu post l-ideoloġija Komunista. Kull sena, miljuni taʼ kopji tal-Bibbja jiġu stampati u mqassmin fiċ-Ċina, u n-nies qishom qed jaqrawha bħalma kienu jaqraw il-ktejjeb b’qoxra ħamra taʼ Mao.
Xi Kattoliċi ġol-Brażil, speċjalment dawk taʼ ġenerazzjoni żagħżugħa, m’humiex kuntenti bil-wegħda taʼ ferħ fil-ħajja li ġejja—huma jridu l-ferħ fil-ħajja taʼ issa. Ir-rivista taʼ l-aħbarijiet Tudo
tosserva: “Jekk kienet it-teoloġija tal-liberazzjoni li qanqlet il-qlub u l-imħuħ fis-snin 70, illum hija t-teoloġija tal-prosperità li qed tagħmel dan.” Stħarriġ fil-Britannja staqsa lil dawk li jattendu l-knisja biex isemmu ħaġa waħda li togħġobhom dwar il-knisja tagħhom. Il-maġġuranza minnhom għażlu s-sħubija.Dan kollu juri li waqt li numru mhux ħażin taʼ nies għadhom jemmnu f’Alla, il-maġġuranza huma iktar konċernati dwar dak li jistgħu jiksbu issa milli dak li se jiġi fil-futur—jew saħansitra dwar Alla nnifsu. X’taħseb li hija r-raġuni għala għandek temmen f’Alla? Il-Bibbja x’tgħid dwar dan? It-tweġiba se ssibha fl-artiklu li jmiss.