“Imħejjija Għal Kull Opra Tajba”
“Imħejjija Għal Kull Opra Tajba”
“FAKKARHOM biex joqogħdu għall-maġistrati u għall-awtorità, jobduhom u jkunu dejjem imħejjija għal kull opra tajba.” (Titu 3:1) Liema opri tajbin kellu f’moħħu Pawlu meta kiteb dan il-kliem lil sħabu fit-twemmin? L-istudjuż tal-Bibbja E. F. Scott enfasizza tip wieħed t’opri tajbin, u qal: “Il-Kristjani mhux biss kellhom jobdu lill-awtorità, imma għandhom ikunu mħejjija għal kull opra tajba. . . . Kulmeta jkun hemm bżonn, il-Kristjani għandhom ikunu minn taʼ quddiem biex juru interess fin-nies. Ħafna drabi kien jaqbad xi nar xi mkien, tfaqqaʼ xi pesta, iqumu gwajijiet differenti, meta ċ-ċittadini tajbin kollha xtaqu jgħinu lill-proxxmu tagħhom.”
Il-Kristjani jieħdu sehem f’ċerti opri li jinteressaw lill-pubbliku sakemm dawn l-opri ma jmorrux kontra l-liġijiet t’Alla. (Atti 5:29) Per eżempju, l-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Jehovah fil-Ġappun, li jinsab f’Ebina, segwa d-direzzjoni li ngħata mid-dipartiment lokali tan-nar biex kull sena jagħmel eżerċizzju taʼ taħriġ ħalli kulħadd ikun jaf x’għandu jagħmel f’każ li jaqbad xi nar xi mkien. F’dawn l-okkażjonijiet, il-membri kollha tal-familja taʼ Betel jiltaqgħu flimkien biex jisimgħu xi istruzzjonijiet mogħtijin minn rappreżentant tad-dipartiment lokali tat-tifi tan-nar.
Iktar minn hekk, l-uffiċċju tal-fergħa kkoopera maʼ l-awtoritajiet lokali f’wirja sponsorjata li kienet maħsuba biex teduka lin-nies ħalli jkunu jafu kif jilqgħu lin-nar minn qabel. Fil-wirja, il-kumpaniji tal-belt juru kemm huma preparati biex jitfu u jikkontrollaw in-nar. Il-fergħa spiss ngħatat premjijiet għall-abbiltajiet u l-kooperazzjoni tal-membri tagħha. Fl-2001, ħadu l-premju taʼ l-ewwel post fil-wirja. Huma mħejjijin biex jagħmlu opra tajba li tistaʼ ssalva l-ħajja f’każ taʼ nar.
Servizz Siewi
Madankollu, ix-Xhieda taʼ Jehovah huma interessati f’tip taʼ opra tajba iktar importanti, li ssalva l-ħajjiet ukoll. Huma jżuru regolarment lill-proxxmu tagħhom biex jaqsmu l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. (Mattew 24:14) Ix-Xhieda jinkuraġġixxu lin-nies biex jitgħallmu u japplikaw il-prinċipji Bibliċi f’ħajjithom sabiex itejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom issa u jkollhom tama taʼ ħajja eterna f’dinja fejn se jittrijonfaw il-paċi u s-sigurtà veri.
Xi wħud għandhom mnejn ma japprezzawx kemm hu siewi s-servizz li jipprovdu x-Xhieda taʼ Jehovah, imma jqisuhom bħala fitti. Madankollu, l-Imħallef Jean Crepeau mill-Qorti Superjuri taʼ Quebec fil-Kanada kellu opinjoni differenti. Ix-Xhieda taʼ Jehovah t’hemmhekk appellaw kontra ċerta liġi tal-belt taʼ Blainville, fil-Quebec, li kienet titlob li sabiex iżuru lin-nies minn bieb għal bieb, ix-Xhieda kellhom bżonn permess. Fid-deċiżjoni tal-qorti, l-Imħallef Crepeau qal: “Iż-żjajjar mix-Xhieda taʼ Jehovah huma servizz Kristjan fil-komunità u . . . il-pubblikazzjonijiet
li joffru x-Xhieda lil ċittadini interessati huma letteratura serja, li tittratta dwar suġġetti bħalma huma r-reliġjon, il-Bibbja, id-drogi, l-alkoħoliżmu, l-edukazzjoni taż-żgħażagħ, il-problemi fiż-żwieġ u d-divorzju.” Id-deċiżjoni kompliet tgħid: “Il-qorti tistaʼ biss tikkonkludi li meta wieħed iqabbel lix-Xhieda taʼ Jehovah maʼ bejjiegħa tat-triq ikun qed jinsulta, jonqos mir-rispett, iweġġaʼ, u jimmalafama.”Ix-Xhieda taʼ Jehovah jaħdmu għall-ġid tal-komunità fejn jgħixu billi jgħinu lin-nies jegħlbu l-problemi fil-ħajja taʼ kuljum u jagħtuhom tama għall-futur. Il-Bibbja tħejjihom biex iwettqu dan ix-xogħol. “L-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-sewwa, biex hekk il-bniedem taʼ Alla jkun perfett, mħejji għal kull ħidma tajba.”—2 Timotju 3:16, 17.
Tixtieq tkun taf kif ix-Xhieda taʼ Jehovah isiru “mħejjija għal kull opra tajba”? Nistidnuk taċċetta l-għajnuna tagħhom biex titgħallem iktar dwar il-Bibbja, u b’hekk tieħu vantaġġ minn dan is-servizz vitali li jagħmlu fil-komunità fl-inħawi tiegħek u mad-dinja kollha.
[Stampi f’paġna 30, 31]
Ix-Xhieda taʼ Jehovah ifittxu li jikkooperaw maʼ l-awtoritajiet sekulari
[Stampa f’paġna 31]
Ix-Xhieda huma magħrufin għall-għajnuna li jagħtu lill-proxxmu tagħhom