Ir-Raġuni t-Tajba biex Temmen
Ir-Raġuni t-Tajba biex Temmen
IL-KTIEB Korean 31 Reasons Why Young People Leave the Church jistqarr li ħafna ma jibqgħux imorru l-knisja għaliex ma jkunux jistgħu jsibu tweġibiet sodisfaċenti għall-mistoqsijiet tagħhom. Per eżempju, huma jistaqsu, ‘In-nies li jemmnu f’Alla għala jsofru?’ u ‘Għala għandna naċċettaw dak kollu li jgħallmu l-knejjes meta ħafna mit-tagħlim iħawwad lin-nies u jikkontradixxi?’
Peress li jkunu diżappuntati bit-tweġibiet li jagħtu l-kleru, ħafna jikkonkludu li m’hemmx tweġiba fil-Bibbja. Meta membru tal-kleru jagħti spjegazzjoni li tkun ibbażata biss fuq l-opinjoni persunali tiegħu, ir-riżultat spiss ikun li Alla u l-Bibbja jiġu mifhuma ħażin jew saħansitra jiġu miċħuda.
Din kienet l-esperjenza t’Abel, li trabba bħala Luteran fl-Afrika t’Isfel. Hu jgħid: “Il-knisja tgħallem li kulmin imut ikun ‘ħadu’ Alla. Imma ma stajtx nifhem għala Alla taʼ mħabba kien ‘jieħu’ lill-ġenituri minn uliedhom. Fil-kampanja taʼ l-Afrika, fejn jien trabbejt, ma konniex noqtlu tiġieġa sakemm jikbru l-flieles tagħha. Jekk insiru nafu li baqra kienet tqila ma konniex noqtluha sakemm l-għoġol jaqtaʼ l-ħalib t’ommu. Ma stajtx nifhem għala Alla kollu mħabba ma jurix l-istess konsiderazzjoni għall-bnedmin.”
Aram, raġel mill-Kanada, kellu dubji simili. “Meta kelli 13-il sena, miet missieri,” jgħid hu. “Fis-servizz funebri, membru prominenti tal-kleru spjega li Alla ried lil missieri jmut sabiex ikun eqreb lejn Alla fis-sema. ‘Alla jieħu lin-nies tajbin,’ qal hu,
‘għaliex Alla jħobb lill-ġusti.’ Ma stajtx nifhem kif Alla setaʼ jkun daqshekk egoist.”Maż-żmien, kemm Abel u kemm Aram iltaqgħu max-Xhieda taʼ Jehovah, studjaw il-Bibbja magħhom u, fl-aħħar, sabu t-tweġibiet għall-mistoqsijiet tagħhom. Huma żviluppaw imħabba għal Alla u fidi soda fih. Imbagħad iddedikaw ħajjithom lil Jehovah u saru qaddejja leali tiegħu.
Għarfien Eżatt—Muftieħ Importanti għat-Twemmin f’Alla
X’nistgħu nitgħallmu minn dawn l-esperjenzi? Huma juruna li rigward it-twemmin f’Alla, għarfien eżatt mill-Bibbja hu essenzjali. L-appostlu Pawlu qal lill-Kristjani fil-belt antika taʼ Filippi: “Jien dan nitlob: li l-imħabba tagħkom tikber u toktor dejjem iżjed [“b’għarfien eżatt,” NW] u b’kull dehen.” (Filippin 1:9) Pawlu hawnhekk juri li l-imħabba għal Alla u għal sħabna fit-twemmin għandha x’taqsam maʼ l-għarfien eżatt dwar Alla u mad-dehen taʼ li nagħmlu r-rieda tiegħu.
Dan hu raġunevoli, ladarba l-ewwel ħtieġa biex ikollok fiduċja f’xi ħadd hija li tkun taf lill-persuna—u iktar kemm tkun tafha bis-sħiħ u b’eżattezza jkun aħjar. B’mod simili, l-għarfien eżatt hu bżonnjuż sabiex int tiġi motivat biex temmen f’Alla. Pawlu qal: “Il-fidi hija pedament tal-ħwejjeġ li għandna nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ li ma narawx.” (Lhud 11:1) Twemmin f’Alla mingħajr għarfien eżatt tal-Bibbja huwa bħal kastell bil-karti tal-logħob. Jekk tonfoħlu ftit kollu jaqaʼ.
Studju tal-Bibbja jistaʼ jgħinek issib tweġibiet għal mistoqsijiet bħal dik li damet tħawwad lil Abel u lil Aram, In-nies għala jmutu? Il-Bibbja tispjega li “permezz taʼ bniedem wieħed li fid-dinja daħal id-dnub, u permezz tad-dnub il-mewt, u hekk il-mewt laħqet il-bnedmin kollha, għax kollha dinbu.” (Rumani 5:12) Il-bnedmin jixjieħu u jmutu, mhux għax Alla jiħodhom biex ikunu miegħu, imma minħabba li Adam dineb. (Ġenesi 2:16, 17; 3:6, 17-19) Barra minn hekk, il-Bibbja tirrivela t-tama vera li joffri Alla Jehovah. Permezz taʼ Ibnu, Ġesù Kristu, hu jipprovdi t-tama taʼ rxoxt għall-umanità midinba.—Ġwanni 5:28, 29; Atti 24:15.
Sabiex jgħinna napprezzaw il-verità dwar l-irxoxt, ir-rakkont tal-Bibbja fih diversi eżempji taʼ individwi li Ġesù qajjem mill-mewt. (Luqa 7:11-17; 8:40-56; Ġwanni 11:17-45) Waqt li taqra dawn ir-rakkonti tal-Bibbja, innota l-hena u l-ferħ kbir li esperjenzaw il-ħbieb u l-familja taʼ dawk li kienu ġew irxoxtati. Innota wkoll li huma ġew imqanqlin biex ifaħħru lil Alla u jpoġġu fidi f’Ġesù.
Għarfien eżatt dwar Alla u l-iskopijiet tiegħu jistaʼ jkollu l-istess effett fuq in-nies illum. Ħafna nies xi darba kienu mħawdin, imtaqqlin, u anki mfixklin minn mistoqsijiet importanti li għalihom ma setgħu jsibu l-ebda tweġiba sodisfaċenti. Imma waqt li studjaw il-Bibbja, huma sabu t-tweġibiet, u dan biddlilhom ħajjithom kompletament.
L-Imħabba għal Alla —L-Aqwa Raġuni biex Naqduh
Waqt li l-għarfien eżatt huwa essenzjali għall-fidi f’Alla, hemm iktar meħtieġ biex wieħed jitqanqal jobdih u jaqdih. Meta ġie mistoqsi liema hu l-akbar kmandament mingħand Alla, Ġesù qal: “Għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha.” (Mark 12:30) Jekk xi ħadd iħobb lil Alla bħalma indika Ġesù, żgur li se jkun lest jobdih u jaqdih. Huwa dan veru min-naħa tiegħek?
Rachel, li ilha taqdi bħala missjunarja fil-Korea għal għaxriet tas-snin, tagħti din ir-raġuni għall-fidi tagħha: “Jien naħseb dwar il-ġenerożità taʼ Jehovah lejn il-ħlejjaq tiegħu, il-maħfra meta jaġixxi mal-bnedmin, u x-xewqa li nibbenefikaw lilna nfusna billi
jgħidilna dak li jrid minna. Dawn kollha jkabbru l-imħabba tiegħi għal Alla. U din l-imħabba ġġagħalni nkun irrid naqdih.”Martha, armla mill-Ġermanja, ilha taqdi lil Jehovah għal 48 sena. Hi tgħid: “Jien għala naqdi lil Jehovah? Għaliex inħobbu. Kull fil-għaxija nkellmu bit-talb u ngħidlu kemm jien grata għall-barkiet tiegħu, speċjalment għall-prezz li tħallas għall-fidwa.”
Iva, l-imħabba għal Alla ġġagħalna rridu naqduh mill-qalb. Imma wieħed kif jikkultiva mħabba bħal din? L-aqwa ħaġa li tqanqal l-imħabba għal Alla hija l-apprezzament profond għall-imħabba li hu wera magħna. Innota din it-tfakkira li tferraħ il-qalb mill-Bibbja: “Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba. B’dan dehret l-imħabba taʼ Alla fina, għax Alla bagħat lil Ibnu l-waħdieni fid-dinja, biex ngħixu bih. U hawn qiegħda l-imħabba; mhux għax aħna ħabbejna ’l Alla, imma għax ħabbna Hu u bagħat lil Ibnu biex ikun taʼ tpattija għal dnubietna.”—1 Ġwanni 4:8-10.
Tirrealizza kemm hi kbira din l-imħabba? Immaġina li int qed tegħreq fi xmara tiġri u li wieħed raġel irriskja ħajtu biex isalvak. Se tinsieh int, jew se turi gratitudni kbira lejh? Ma kontx tkun lest tagħmel kollox għalih? Limħabba li wera Alla meta pprovda lil Ibnu, Ġesù Kristu, bħala s-sagrifiċċju tal-fidwa hija ħafna akbar. (Ġwanni 3:16; Rumani 8:38, 39) Meta qalbek titqanqal mill-imħabba li wera Alla, int se tiġi motivat biex tħobbu u taqdih b’qalb sħiħa.
Barkiet Issa u fil-Futur
Għalkemm l-imħabba għal Alla għandha tkun ir-raġuni ewlenija biex nagħmlu r-rieda tiegħu, il-fatt li nkunu nafu li Alla jippremja lil dawk li jaqduh iferraħna. L-appostlu Pawlu jinnota: “Mingħajr il-fidi ma jistax ikun li wieħed jogħġob lil Alla. Għax kull min jersaq lejn Alla jeħtieġlu jemmen li Alla jeżisti u li hu Lhud 11:6.
jagħti l-ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh.”—Dawk li jħobbu u jobdu lil Alla tassew jiġu mberkin minnu. Ħafna jgawdu saħħa aħjar għax isegwu prinċipji Bibliċi. (Proverbji 23:20, 21; 2 Korintin 7:1) Dawk li japplikaw prinċipji Bibliċi rigward l-onestà u d-diliġenza ġeneralment jiġu fdati minn dawk li jħaddmuhom, u b’hekk igawdu iktar sigurtà ekonomika. (Kolossin 3:23) Billi jafdaw f’Jehovah, il-qaddejja t’Alla huma mberkin bil-paċi tal-moħħ saħansitra taħt ċirkustanzi diffiċli. (Proverbji 28:25; Filippin 4:6, 7) Fuq kollox, huma b’fiduċja jħarsu ’l quddiem għal ħajja taʼ dejjem fil-Ġenna fuq l-art li ġejja.—Salm 37:11, 29.
Dawk li qed igawdu barkiet bħal dawn mingħand Jehovah, kif iħossuhom dwaru? Jacqueline, mara Kristjana fil-Kanada, tesprimi l-apprezzament tagħha għal Alla: “Hu dejjem jagħtina rigali mill-isbaħ, u hu jipprovdi t-tama żgura taʼ ħajja taʼ dejjem.” Abel, li semmejna qabel, jiddeskrivi s-sentimenti tiegħu b’dan il-mod: “Il-prospett li ngħix għal dejjem fuq art magħmula ġenna kienet xi ħaġa ġdida għalija, u qed inħares ’il quddiem għalih. Madankollu, anki kieku ma kien hemm ebda Ġenna, xorta jkun il-pjaċir tiegħi li nuri l-imħabba tiegħi għal Alla billi naqdih.”
Int Ukoll Jistaʼ Jkollok Fidi Vera
Il-Bibbja tgħid: “Int, Mulej taʼ l-eżerċti, mħallef ġust li tifli l-qalb u l-moħħ.” (Ġeremija 11:20) Iva, Jehovah qed jeżamina dak li hemm moħbi fl-iktar irkejjen ġewwinija li għandna ġo fina. Kull wieħed u waħda minna għandu jeżamina l-motiv għala jemmen f’Alla. Twemmin u konċetti żbaljati dwar Alla setgħu wasslu għal azzjonijiet ħżiena fil-passat. Imma għarfien eżatt tal-Bibbja jistaʼ jwassal għal relazzjoni tajba mal-Ħallieq, Alla Jehovah.—1 Timotju 2:3, 4.
Permezz taʼ l-arranġament taʼ studju tal-Bibbja fid-dar bla ħlas, ix-Xhieda taʼ Jehovah qed jgħinu lin-nies jiksbu għarfien eżatt dwar Alla. (Mattew 28:20) Ħafna li aċċettaw għajnuna bħal din saru jħobbu lil Alla u żviluppaw fidi ġenwina fih. Permezz taʼ studju tal-Bibbja, huma kisbu “l-għerf prattiku u l-abbiltà tal-ħsieb,” li jgħinuhom ‘jimxu fis-sigurtà’ f’dawn il-jiem perikolużi. (Proverbji 3:21-23, NW) Fuq kollox, issa għandhom tama “sħiħa u qawwija” għall-futur. (Lhud 6:19) Int ukoll jistaʼ jkollok fidi vera u tgawdi dawn il-barkiet.
[Kaxxa f’paġna 6]
Mistoqsijiet li Jħawdu u li Jeħtieġu Tweġibiet
“Waqt li kont qed niġi mħarreġ fl-isptar bħala student fil-mediċina, jien rajt nies tajbin jokorbu bl-uġigħ minħabba l-mard u d-diżastri. Jekk hemm Alla, dawn l-affarijiet għala jiġru? Hija r-reliġjon sempliċement mezz li bih wieħed jikseb il-paċi tal-moħħ?”—Wieħed li qabel kien Presbiterjan fil-Korea.
“Jien spiss kont naħseb jekk missieri, li kien alkoħoliku, kienx mar l-infern jew is-sema. Kont nitwerwer mill-mejtin u mill-idea tan-nar taʼ l-infern. Ma stajtx nifhem kif Alla taʼ mħabba setaʼ jibgħat lil xi ħadd isofri għal dejjem fl-infern.”—Waħda li qabel kienet Kattolika fil-Brażil.
“X’hemm lest fil-futur għall-art u għall-umanità? Il-bnedmin kif jistgħu jgħixu għal dejjem? Il-bnedmin kif jistgħu jiksbu paċi vera?”—Wieħed li qabel kien Kattoliku fil-Ġermanja.
“It-tagħlim tar-riinkarnazzjoni ma kienx jagħmel sens għalija. L-annimali ma jagħtux qima, u għalhekk jekk għal xi raġuni tiġi lura fil-ġisem t’annimal biex tħallas għad-dnubiet tiegħek, kif tistaʼ tirranġa l-affarijiet u tagħmel progress?”—Wieħed li kien Ħinduist fl-Afrika t’Isfel.
“Jien trabbejt ġo familja Konfuċjana, u kont nipparteċipa fiċ-ċerimonja għas-serħan taʼ l-antenati tagħna. Waqt li kont nieħu sehem fil-preparazzjoni tal-mejda tas-sagrifiċċju u nniżżel rasi biex immil, kont nitħasseb jekk l-antenati kinux jiġu biex jieklu l-ikel u biex jarawna mmilu quddiemhom.”—Wieħed li qabel kien Konfuċjan fil-Korea.
Dawn l-individwi kollha sabu tweġibiet għall-mistoqsijiet tagħhom meta studjaw il-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah.