Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Eżekjel f’liema sens sar “imbikkem,” jew mutu, fi żmien l-assedju u l-qerda taʼ Ġerusalemm?
Bażikament, fis-sens li hu ma kellu xejn xi jżid mal-messaġġ profetiku taʼ Jehovah li kien diġà wassal lin-nies.
Il-profeta Eżekjel beda s-servizz tiegħu bħala għassies leali għall-eżiljati Iżraelin f’Babilonja meta “s-sultan Ġeħojakin kien ilu ħames snin itturufnat,” jiġifieri, fis-sena 613 Q.E.K. (Eżekjel 1:2, 3) Fl-għaxar jum taʼ l-għaxar xahar qamri tas-sena 609 Q.E.K., hu ġie mgħarraf b’ispirazzjoni divina dwar il-bidu taʼ l-assedju mill-Babiloniżi fuq Ġerusalemm. (Eżekjel 24:1, 2) X’kien se jirriżulta mill-assedju? Kienu se jeħilsuha Ġerusalemm u l-abitanti tagħha? Bħala l-għassies, Eżekjel kien diġà wassal il-messaġġ ċar taʼ kundanna mingħand Jehovah, u ma kienx hemm għalfejn iżid xi ħaġa miegħu, bħallikieku biex jagħmel dak il-messaġġ iktar konvinċenti. Eżekjel immuta rigward dak kollu li kellu x’jaqsam maʼ l-assedju fuq Ġerusalemm.—Eżekjel 24:25-27.
Xi sitt xhur wara l-qerda taʼ Ġerusalemm fis-sena 607 Q.E.K., wieħed li rnexxielu jaħrab ġab l-aħbar dwar il-ħerba tal-belt qaddisa lil Eżekjel li kien Babilonja. Il-lejla taʼ qabel ma wasal il-maħrub, Jehovah ‘fetaħ fomm [Eżekjel] u ma baqax aktar imbikkem.’ (Eżekjel 33:22) B’hekk, Eżekjel ma baqax mutu.
Kien Eżekjel letteralment mutu matul dak iż-żmien? Ovvjament li le, għaliex anki wara li “immuta,” hu bassar profeziji diretti l-iżjed lejn il-pajjiżi fil-viċin li ferħu bil-waqgħa taʼ Ġerusalemm. (Eżekjel, kapitli 25-32) Iktar kmieni fil-karriera taʼ Eżekjel bħala profeta u għassies, Jehovah kien qallu: “Nwaħħallek ilsienek maʼ saqaf ħalqek, u titbikkem, u ma tkellimhomx taʼ bniedem li jċanfarhom, għax huma razza taʼ nies rashom iebsa. Imma meta nkellmek, iftaħ fommok u kellimhom.” (Eżekjel 3:26, 27) Meta Jehovah ma kellu l-ebda messaġġ għal Iżrael, Eżekjel kellu jibqaʼ sieket dwar dak li kellu x’jaqsam mal-ġens. Eżekjel kellu jgħid dak li riedu jgħid Jehovah fiż-żmien speċifiku li Jehovah riedu jgħidu. In-nuqqas taʼ kliem min-naħa taʼ Eżekjel kien jimplika li hu kien se jibqaʼ sieket dwar dak li kellu x’jaqsam mas-sinifikat profetiku għall-Iżraelin.
Il-klassi taʼ l-għassies taʼ żmienna, il-Kristjani midlukin, ilha tavża dwar il-kundanna tal-Kristjaneżmu, Ġerusalemm antitipika. Meta tfaqqaʼ t-“tribulazzjoni l-Kbira” (NW) u teqred lill-“Babilonja l-Kbira,” l-imperu dinji taʼ reliġjon falza, il-klassi midluka taʼ Eżekjel m’hu se jkollha bżonn tgħid xejn iktar dwar it-tmiem tal-Kristjaneżmu, li jifforma parti kbira minn dan l-imperu.—Mattew 24:21; Apokalissi 17:1, 2, 5.
Iva, se jasal il-jum meta l-membri tal-fdal midluk u sħabhom se jibqgħu muti, mingħajr xejn iktar x’jgħidu lill-Kristjaneżmu. Dan se jiġri meta “l-għaxart iqrun” u l-“Bhima” salvaġġa jagħmlu lill-Babilonja l-Kbira ħerba u għarwiena. (Apokalissi 17:16) Ovvjament, dan ma jfissirx li l-Kristjani se jkunu mbikkma f’sens letterali. Saħansitra bħalma qed jagħmlu issa, huma se jfaħħru lil Jehovah u jsemmuh kuljum u “minn nisel għal nisel.”—Salm 45:18 (45:17, NW); 145:2.