Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Programm Televiżiv Wassalha biex Tigglorifika lil Alla

Programm Televiżiv Wassalha biex Tigglorifika lil Alla

Proklamaturi tas-​Saltna Jirrapportaw

Programm Televiżiv Wassalha biex Tigglorifika lil Alla

L-​APPOSTLU Pawlu qal li ‘xi wħud lil Kristu jxandruh imqanqlin mill-​għira u l-​pika, imma oħrajn minn qalbhom.’ (Filippin 1:​15) Kultant, anki dawk li jipprovaw iġibu għajb fuq in-​nies taʼ Jehovah mingħajr ma jridu, iġagħlu lil dawk taʼ qalbhom tajba jersqu lejn il-​verità.

F’Novembru taʼ l-​1998, fuq it-​televixin nazzjonali taʼ Franza kien hemm dokumentarju li fih dehru xeni minn Betel, il-​faċilitajiet tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah ġo Louviers, fi Franza. Minkejja r-​reazzjonijiet differenti li rċiviet, il-​programm ipproduċa riżultati pożittivi b’modi mhux mistennijin.

Fost dawk li raw il-​programm kien hemm Anna-Paula, li tgħix biss 60 kilometru ’l bogħod minn Betel. Anna-Paula, omm divorzjata b’żewġt itfal, kienet qed tfittex impjieg. Għalhekk, l-​għada fil-​għodu ċemplet Betel biex tara jekk tistax taħdem hemm. “Jien stajt nara li kien hemm ambjent sabiħ u li x-​xogħol li kien isir hemmhekk kien taʼ benefiċċju,” qalet hi. Kemm stagħġbet meta saret taf li dawk kollha li jaqdu f’Betel huma ministri li jagħtu l-​ħin tagħhom b’xejn! Wara diskussjoni qasira dwar l-​attivitajiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah, hi aċċettat li waħda Xhud tmur iżżurha d-​dar.

Meta Léna, ministru full-time fil-​kongregazzjoni lokali, marret iżżurha, kellhom konversazzjoni twila, u Anna-Paula aċċettat il-​ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Taʼ Dejjem. * Sakemm reġgħet żaritha, Anna-Paula kienet qrat il-​ktieb minn qoxra sa qoxra u kellha ħafna mistoqsijiet. Hi mill-​ewwel aċċettat studju tal-​Bibbja. Anna-Paula qalet: “Għalija, din kienet opportunità biex niskopri l-​Kelma t’Alla. Qatt ma kelli Bibbja f’idejja qabel.”

F’Jannar, Anna-Paula żaret Betel, u l-​ġimgħa taʼ wara attendiet l-​ewwel laqgħa Kristjana tagħha. Ftit wara dan, bdiet tistudja l-​Bibbja maʼ wliedha u bdiet tagħti xiehda lil sħabha. “Ma stajtx inżomm dak li kont qed nitgħallem għalija biss,” tgħid hi. “Ridt naqsam il-​veritajiet tal-​Bibbja man-​nies u nfarraġhom.” Wara li ssieltet biex tegħleb diversi problemi persunali, Anna-Paula bdiet tattendi l-​laqgħat regolarment. Hi malajr għamlet progress u tgħammdet fil-​5 taʼ Mejju tas-​sena 2002.

Iżjed minn hekk, bħala riżultat taʼ l-​eżempju tajjeb taʼ Anna-Paula u l-​ippridkar żeluż tagħha, ommha bdiet tistudja l-​Bibbja u ma damitx ma tgħammdet. “M’hemm ebda kelma li tistaʼ tesprimi l-​ferħ li qed inħoss,” tgħid Anna-Paula. “Nirringrazzja lil Jehovah kuljum talli ħallieni nsir nafu u għall-​barkiet kollha li hu tani.”

[Nota taʼ taħt]

^ par. 6 Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

[Stampi f’paġna 8]

Fuq: Anna-Paula

Taħt: Id-​dħul għall-​uffiċċji tal-​fergħa fi Franza