Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Qiegħed fil-Mulej l-Għaxqa Tiegħek”

“Qiegħed fil-Mulej l-Għaxqa Tiegħek”

“Qiegħed fil-​Mulej l-​Għaxqa Tiegħek”

“Qiegħed fil-​Mulej l-​għaxqa tiegħek, u jagħtik dak li tixtieq qalbek.”​—Salm 37:4.

1, 2. Min hu l-​Għajn taʼ l-​hena veru, u s-​Sultan David kif ġibed l-​attenzjoni lejn dan il-​fatt?

 “HENJIN [“dawk konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom,” NW], . . . henjin dawk li jħennu, . . . henjin dawk li jġibu l-​paċi.” Dawn l-​istqarrijiet, flimkien maʼ sitt deskrizzjonijiet oħra taʼ dawk li huma henjin, jifformaw l-​introduzzjoni li tant tispikka tal-​famuża Priedka taʼ fuq il-​Muntanja taʼ Ġesù, kif inkitbet minn Mattew, wieħed mill-​kittieba taʼ l-​Evanġelji. (Mattew 5:​3-11) Il-​kliem taʼ Ġesù jassigurana li huwa possibbli għalina li niksbu l-​hena.

2 Waħda mill-​għanjiet qaddisa li kiteb is-​Sultan David taʼ Iżrael tal-​qedem tiġbed lattenzjoni lejn l-​Għajn taʼ l-​hena veru li hu Jehovah. “Qiegħed fil-​Mulej l-​għaxqa tiegħek,” qal David, “u jagħtik dak li tixtieq qalbek.” (Salm 37:4) Imma l-​fatt li nsiru nafu lil Jehovah u l-​ħafna aspetti tal-​personalità tiegħu kif jistaʼ jsir “l-​għaxqa” tagħna? Il-​fatt li nikkunsidraw dak li għamel u għad irid jagħmel biex iwettaq l-​iskop tiegħu kif jistaʼ joffrilek il-​prospett li tirċievi “dak li tixtieq qalbek”? Jekk niflu bir-​reqqa Salm 37, minn vers 1 sa 11, inkunu nistgħu nsibu t-​tweġibiet.

“La Tgħirx”

3, 4. David liema parir jagħti f’​Salm 37:​1, u għala huwa xieraq li napplikawh illum?

3 Aħna qed ngħixu fi “żmien iebes,” u l-​ħażen ikompli dejjem jiżdied. Rajna t-​twettiq taʼ kliem l-​appostlu Pawlu: “In-​nies il-​ħżiena u l-​uċuħ b’oħra jmorru mill-​ħażin għall-​agħar, iqarrqu u jitqarrqu.” (2 Timotju 3:​1, 13) Kemm hu faċli li tiġi effettwat mis-​suċċess u l-​prosperità li jidhru li qed ikollhom il-​ħżiena! Dan kollu jistaʼ jaljenana, u jġagħalna ma nibqgħux niffokaw fuq affarijiet spiritwali. Innota kif il-​kliem li jiftaħ bih Salm 37 iwissina dwar il-​periklu li jistaʼ jiġi fuqna: “La tagħdabx minħabba l-​ħżiena, la tgħirx għal dawk li jagħmlu d-​deni.”

4 Il-​mezzi tax-​xandir li qed tuża d-​dinja jibbombardjawna b’lista sħiħa taʼ inġustizzji. Negozjanti diżonesti jqarrqu u jgħadduha lixxa. In-​nies kriminali jipprofittaw ruħhom minn dawk li ma jistgħux jiddefendu ruħhom. Il-​qattiela ma jinqabdux, jew jekk jinqabdu ma jiġux kastigati. Dawn l-​eżempji kollha taʼ kif xi wħud qed jgħawġu l-​ġustizzja jistgħu jġagħluna nirrabjaw u jisirqulna l-​paċi tal-​moħħ. Is-​suċċess li jidher li qed ikollhom dawn in-​nies li jagħmlu l-​ħażen jistaʼ saħansitra jġagħalna ngħiru għalihom. Imma billi nirrabjaw se nirranġaw is-​sitwazzjoni? L-​għira għall-​vantaġġi li jidher li qed ikollhom in-​nies il-​ħżiena se tbiddel ir-​riżultat kif dawn se jispiċċaw? Dażgur li le! U tassew li m’għandniex għalfejn noqogħdu ‘nagħdbu.’ Għala le?

5. Il-​ħżiena għala huma mxebbhin mal-​ħaxix?

5 Is-​salmista jwieġeb: “Għax bħall-​ħaxix malajr jidbielu, u bħan-​nibbieta malajr jinxfu.” (Salm 37:2) Il-​ħaxix aħdar li jkun għadu kif nibet jistaʼ jidher sabiħ, imma dan malajr jidbiel u jmut. L-​istess jiġrilhom il-​ħżiena. Il-​prosperità li jidher li qed ikollhom mhix se ddum għal dejjem. Meta jmutu, l-​affarijiet li kisbu bil-​qerq mhux se jgħinuhom iktar. Il-​ġustizzja sa fl-​aħħar tilħaq lil kulħadd. Pawlu kiteb: “Il-​ħlas tad-​dnub hu l-​mewt.” (Rumani 6:23) Il-​ħżiena u dawk kollha li m’humiex ġusti fl-​aħħar se jirċievu “l-​ħlas” li ħaqqhom u xejn iktar. X’ħajja moħlija!—Salm 37:​35, 36; 49:17, 18 (49:​16, 17, NW).

6. Liema tagħlima nistgħu nisiltu minn Salm 37:​1, 2?

6 Mela, għandna aħna nħallu l-​ġid li malajr jispiċċa taʼ dawn il-​ħżiena jfixkilna? It-​tagħlima mill-​ewwel żewġ versi taʼ Salm 37 hi din: Tħallix is-​suċċess tagħhom iġagħlek twarrab mit-​triq li għażilt biex taqdi lil Jehovah. Minflok, żomm għajnejk iffokati fuq barkiet u miri spiritwali.—Proverbji 23:17.

“Afda fil-​Mulej, u Agħmel it-​Tajjeb”

7. Għala nistgħu nafdaw f’Jehovah?

7 “Afda fil-​Mulej, u agħmel it-​tajjeb,” iħeġġiġna s-​salmista. (Salm 37:3a) Meta ma nkunux nafu x’se naqbdu nagħmlu minħabba l-​ansjetajiet jew xi dubji, jeħtieġ li npoġġu l-​fiduċja sħiħa tagħna f’Jehovah. Hu dak il-​Wieħed li joffri sigurtà spiritwali sħiħa. Min ‘jgħix għall-​kenn taʼ l-​Għoli,’ kiteb Mosè, ‘jgħammar għad-​dell taʼ dak li jistaʼ kollox.’ (Salm 91:1) Meta nħossuna inkwetati minħabba li l-​ħażen qiegħed dejjem jiżdied f’din id-​dinja, aħna jkollna bżonn iktar u iktar nistrieħu fuq Jehovah. Jekk nilwu saqajna, nieħdu gost meta xi ħabib joffrilna driegħu biex inserrħu miegħu. Bl-​istess mod, meta nagħmlu ħilitna biex nimxu bil-​fedeltà, ikollna bżonn l-​appoġġ taʼ Jehovah.—Isaija 50:10.

8. Is-​sehem tagħna fil-​ministeru Kristjan kif se jgħinna nevitaw li ninkwetaw bla bżonn minħabba l-​prosperità tal-​ħżiena?

8 Rimedju wieħed biex ma nħallux il-​prosperità tal-​ħżiena tinkwetana hu li nkunu medhijin infittxu lil dawk bħal nagħaġ u ngħinuhom jaslu għallgħarfien eżatt dwar l-​iskop taʼ Jehovah. Peress li lħażen qed jiżdied, aħna jeħtieġ li nkunu okkupati bis-​sħiħ biex ngħinu lil oħrajn. “Tinsewx tagħmlu l-​ġid lill-​oħrajn, u taqsmu bejnietkom dak li għandkom,” qal l-​appostlu Pawlu, “għax b’sagrifiċċji bħal dawn jitgħaxxaq Alla.” L-​aqwa “ġid” li nistgħu nagħmlu hu li naqsmu l-​aħbar tajba u glorjuża tas-​Saltna t’Alla. L-​ippridkar pubbliku tagħna hu verament “sagrifiċċju taʼ tifħir.”—Lhud 13:​15, 16; Galatin 6:10.

9. Spjega t-​twissija taʼ David biex ‘ngħammru fl-​art.’

9 David ikompli: “Għammar fl-​art, u [“imxi bil-​fedeltà,” Karm Żammit].” (Salm 37:3b) L-​“art” fi żmien David kienet it-​territorju li Jehovah kien ta lil Iżrael, l-​Art Imwiegħda. Matul ir-​renju taʼ Salamun din kienet tinfirex minn Dan fit-​tramuntana sa Birsaba fin-​nofsinhar. Iżrael kien jinsab hemmhekk. (1 Slaten 5:5 [4:​25, NW]) Illum, minkejja fejn ngħixu fuq l-​art, aħna nħarsu ’l quddiem lejn iż-​żmien meta l-​pjaneta kollha ssir ġenna fid-​dinja l-​ġdida taʼ ġustizzja. Sadattant, aħna qed ngħixu f’sigurtà spiritwali.—Isaija 65:​13, 14.

10. Xi jkun ir-​riżultat meta aħna ‘nimxu bil-​fedeltà’?

10 X’se jkun ir-​riżultat meta aħna ‘nimxu bil-​fedeltà’? Il-​proverbju mnebbaħ ifakkarna: “Bniedem onest [jew taʼ fedeltà] ikollu barka bil-​kotra.” (Proverbji 28:20) Jekk inkomplu nipperseveraw fedelment fl-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba fil-​post fejn ngħixu u maʼ kulmin niltaqgħu, aħna żgur li se jkollna barkiet mingħand Jehovah. Per eżempju, Frank u martu, Rose, bdew jaqdu bħala pijunieri 40 sena ilu f’belt fit-​tramuntana taʼ l-​Iskozja. Il-​ftit nies li darba kienu wrew interess hemmhekk kienu abbandunaw il-​verità. Din il-​koppja taʼ pijunieri ma qatgħux qalbhom u bdew jippridkaw u jagħmlu dixxipli. Issa hemm kongregazzjoni li qiegħda dejjem tiżdied f’dik il-​belt. Il-​fedeltà taʼ din il-​koppja ġiet verament imbierka minn Jehovah. “L-​akbar barka,” jispjega bl-​umiltà Frank, “hi sempliċement li aħna għadna fil-​verità u għadna qed niġu użati minn Jehovah.” Iva, meta ‘nimxu bil-​fedeltà,’ aħna nirċievu u napprezzaw ħafna barkiet.

“Qiegħed fil-​Mulej l-​Għaxqa Tiegħek”

11, 12. (a) Kif nistgħu ‘nqiegħdu l-​għaxqa tagħna fil-​Mulej’? (b) Liema mira tistaʼ tagħmel rigward l-​istudju persunali, u dan x’aktarx x’riżultat se jkollu?

11 Biex insaħħu r-​relazzjoni tagħna maʼ Jehovah u nibqgħu nuru fiduċja fih, aħna rridu ‘nqiegħdu fil-​Mulej l-​għaxqa tagħna.’ (Salm 37:4a) Aħna kif se nagħmluh dan? Minflok ma nkunu preokkupati bis-​sitwazzjoni tagħna stess, minkejja kemm din tistaʼ tkun diffiċli, aħna għandu jkun moħħna f’Jehovah. Mod wieħed kif nagħmlu dan hu billi nieħdu l-​ħin biex naqraw il-​Kelma tiegħu. (Salm 1:​1, 2) Hija l-​għaxqa tiegħek li taqra l-​Bibbja? Se tkun l-​għaxqa tiegħek jekk taqraha bil-​mira li ssir taf iktar dwar Jehovah. Għala ma tiqafx ftit wara li taqra silta u tistaqsi lilek innifsek, ‘Din is-​silta x’għallmitni dwar Jehovah?’ Forsi jkun t’għajnuna li żżomm pitazz jew xi biċċa karta ħdejk meta taqra l-​Bibbja. Kull darba li tieqaf biex tirrifletti fuq it-​tifsira taʼ dak li tkun għadek kif qrajt, niżżel xi frażi li tfakkrek f’waħda mill-​kwalitajiet t’Alla li tant iġagħluk tħobbu. F’salm ieħor, David għanna: “Ħa jkunu milqugħa [“pjaċevoli,” NW] quddiemek kliem fommi u ħsieb qalbi, Mulej, blata tiegħi u feddej tiegħi.” (Salm 19:15 [19:​14, NW]) Hi xi ħaġa “pjaċevoli” għal Jehovah li jarana nikkonċentraw l-​attenzjoni tagħna fuq il-​Bibbja—u anki aħna nitgħaxxqu b’dan.

12 Kif nistgħu niksbu ferħ mill-​istudju u l-​meditazzjoni tagħna? Nistgħu nagħmluha mira li nsiru nafu kemm nistgħu dwar Jehovah u l-​mogħdijiet tiegħu. Pubblikazzjonijiet bħalma huma L-​Aqwa Bniedem Li Qatt Għex u Draw Close to Jehovah (Ersaq Qrib Jehovah) * jipprovdulna ħafna informazzjoni li nistgħu nirriflettu fuqha b’apprezzament. Min-​naħa tiegħu, David jaċċerta lin-​nies sewwa li Jehovah se ‘jagħtihom dak li tixtieq qalbhom.’ (Salm 37:4b) Kienet din il-​kwalità taʼ fiduċja li bilfors qanqlet lill-​appostlu Ġwanni jikteb dan il-​kliem: “Din hi l-​fiduċja sħiħa li għandna fih, li jekk nitolbu xi ħaġa skond ir-​rieda tiegħu, hu jismagħna. U ladarba nafu li hu jismagħna f’dak li nitolbu, mela nafu wkoll li kull ma tlabnieh jinsab diġà għandna.”—1 Ġwanni 5:​14, 15.

13. Fis-​snin reċenti, liema tkabbir fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna ġie osservat f’ħafna pajjiżi?

13 Bħala wħud li jżommu l-​integrità, l-​akbar għaxqa tagħna hi li naraw l-​ivvindikar tas-​sovranità taʼ Jehovah. (Proverbji 27:11) Ma nħossux qalbna tfur bil-​ferħ meta nisimgħu bix-​xogħol tremend li qed isir fl-​ippridkar mill-​aħwa f’pajjiżi li kienu taħt ħakma totalitarja jew dittatorjali? Aħna b’ħerqa kbira nħarsu ’l quddiem biex naraw liema libertà se tiżviluppa qabel ma jiġi t-​tmiem taʼ din is-​sistema. Ħafna mill-​qaddejja taʼ Jehovah li jgħixu fil-​pajjiżi tal-​punent qed jippridkaw b’żelu kbir lill-​istudenti, ir-​refuġjati, u oħrajn li jgħixu għal xi żmien fil-​pajjiżi tal-​punent u jgawdu l-​libertà tal-​qima. Ix-​xewqa kbira tagħna hi li meta dawn l-​individwi jmorru lura lejn pajjiżhom, huma jkomplu jħallu d-​dawl tal-​verità jiddi fid-​dlam li jidher saħansitra impenetrabbli.—Mattew 5:​14-​16.

“Erħi fil-​Mulej it-​Triq Tiegħek”

14. X’evidenza hemm li nistgħu nistrieħu fuq Jehovah?

14 X’serħan li tkun taf li tistaʼ teħles mill-​inkwiet u minn dak kollu li tant qed itaqqlek! B’liema mod? “Erħi fil-​Mulej it-​triq tiegħek,” jgħid David, u jkompli jżid, “afda fih, u jagħmel hu.” (Salm 37:5) Fil-​kongregazzjonijiet tagħna, aħna għandna evidenza biżżejjed li Jehovah huwa appoġġ li tistaʼ tafda fih. (Salm 55:22, ) Dawk fil-​ministeru full-time, sew jekk bħala pijunieri, indokraturi li jivvjaġġaw, missjunarji, jew volontieri li qed jaqdu fi djar Betel, ilkoll jistgħu jixhdu kemm Jehovah verament jaf jieħu ħsieb in-​nies tiegħu. Għala ma titkellimx maʼ xi wħud minn dawn u tistaqsihom kif Jehovah għenhom? Int bla dubju se tismaʼ ħafna esperjenzi li juru li saħansitra fi żminijiet diffiċli, Jehovah hu lest li jagħti daqqa t’id. Hu dejjem jipprovdi l-​bżonnijiet taʼ kuljum.—Salm 37:25; Mattew 6:​25-34.

15. Il-​ġustizzja tan-​nies t’Alla kif tiddi?

15 Meta jkollna fiduċja sħiħa f’Jehovah tant li nafdawh b’għajnejna magħluqin, nistgħu nesperjenzaw il-​kliem li jkompli jgħid is-​salmista: “Hu juri bħad-​dawl is-​sewwa tiegħek, u d-​dritt tiegħek bħal nofsinhar.” (Salm 37:6) Bħala Xhieda taʼ Jehovah, aħna spiss insibu li niġu rappreżentati ħażin. Imma Jehovah jiftaħ għajnejn dawk taʼ qalb onesta biex jgħinhom jirrealizzaw li l-​motiv tal-​ministeru pubbliku tagħna hu l-​imħabba lejn Jehovah u lejn għajrna. Fl-​istess ħin, il-​kondotta retta tagħna, għalkemm rappreżentata ħażin minn ħafna nies, ma tistax ma tidhirx ċara. Jehovah jieqaf magħna fi kwalunkwe tip t’oppożizzjoni u persekuzzjoni. B’hekk, il-​ġustizzja tan-​nies t’Alla tiddi bħax-​xemx taʼ nofsinhar.—1 Pietru 2:12.

“Ibqaʼ Sieket . . . Stenna Mxennaq”

16, 17. Skond Salm 37:​7, issa huwa ż-​żmien biex nieħdu liema passi, u għala?

16 Il-​kliem li jkompli jgħid is-​salmista hu: “Ibqaʼ sieket quddiem Jehovah u stenna mxennaq għalih. Turix li int immasħan għal xi ħadd li qed jirnexxi, għall-​bniedem li qed iwettaq ħsibijietu.” (Salm 37:​7, NW) Hawnhekk David jenfasizza l-​bżonn li aħna nistennew bil-​paċenzja lil Jehovah biex jaġixxi. Għalkemm it-​tmiem taʼ din is-​sistema għadu ma ġiex, m’għandniex għalfejn ingergru. Ma rajniex aħna kemm il-​ħniena u l-​paċenzja taʼ Jehovah huma ferm akbar milli ħsibna għall-​ewwel? Nistgħu issa nuru li aħna wkoll qegħdin nistennew bil-​paċenzja hekk kif inkomplu nħabirku fl-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba qabel ma jiġi t-​tmiem? (Mark 13:10) Issa huwa ż-​żmien biex nevitaw li nagħmlu xi ħaġa bla ħsieb li tistaʼ tisirqilna l-​ferħ u s-​sigurtà spiritwali tagħna. Issa huwa ż-​żmien li nirreżistu b’saħħitna kollha l-​influwenza korrotta tad-​dinja taʼ Satana. U issa huwa ż-​żmien li nżommu s-​safa morali u qatt ma nipperikolaw il-​waqfa ġusta tagħna quddiem Jehovah. Ejja nkomplu neħilsu mill-​ħsibijiet immorali u nevitaw li naġixxu b’mod mhux xieraq lejn dawk tas-​sess oppost jew, saħansitra lejn dawk taʼ l-​istess sess tagħna.—Kolossin 3:5.

17 David jagħtina l-​parir: “Ħallik mill-​korla u la tirrabjax; tinkedd xejn, għax deni jiswielek. Għax il-​ħżiena jitqaċċtu ’l barra; min jittama fil-​Mulej jikseb l-​art.” (Salm 37:​8, 9) Iva, aħna nistgħu nħarsu ’l quddiem b’fiduċja lejn iż-​żmien—li issa hu tant qrib—meta Jehovah se jeqred għalkollox minn fuq l-​art il-​korruzzjoni kollha u lil dawk responsabbli minnha.

“Ftit Ieħor”

18, 19. Liema inkuraġġiment tistaʼ tikseb minn Salm 37:10?

18 “Ftit ieħor, u l-​ħażin ma jkunx aktar; għad tħares fejn kien u ma ssibux.” (Salm 37:10) Kemm iqawwilna qalbna dan il-​kliem hekk kif qed noqorbu lejn it-​tmiem taʼ din is-​sistema u lejn iż-​żmien li fih se tispiċċa l-​indipendenza diżastruża minn Jehovah! M’hemmx tip taʼ gvern jew awtorità li vvinta l-​bniedem u li ma falliex bl-​ikrah. U issa qed noqorbu lejn iż-​żmien taʼ ritorn għall-​ħakma minn Alla, teokrazija vera, is-​Saltna taʼ Jehovah f’idejn Ġesù Kristu. Din il-​ħakma se tieħu kontroll sħiħ fuq l-​affarijiet tad-​dinja u tneħħi min-​nofs lil kulmin jopponi s-​Saltna t’Alla.—Danjel 2:44.

19 Fid-​dinja l-​ġdida taħt is-​Saltna t’Alla, tfittex kemm tfittex, m’intix se ssib lanqas wieħed “ħażin.” Bla ebda dubju, kulmin f’dak iż-​żmien jirribella kontra Jehovah se jitneħħa min-​nofs bla dewmien. M’hu se jkun hemm ħadd li jattakka s-​sovranità t’Alla jew li jirrifjuta li jissottometti ruħu lejn l-​awtorità tiegħu. Il-​ġirien kollha tiegħek se jkollhom l-​istess ħsieb, dak li jixtiequ jogħġbu lil Jehovah. X’sigurtà se jġib dan—la serraturi, u lanqas staneg, xejn m’hu se jħassar il-​fiduċja sħiħa u l-​hena li se jkun hemm!—Isaija 65:20; Mikea 4:4; 2 Pietru 3:13.

20, 21. (a) Min huma “l-​ġwejdin” taʼ Salm 37:​11, u fejn isibu “sliem kotran”? (b) Liema barkiet se jkollna jekk nimitaw lil David Akbar?

20 Imbagħad, “il-​ġwejdin għad jirtu l-​art.” (Salm 37:11a) Imma min huma dawn il-​“ġwejdin”? Il-​kelma tradotta “ġwejdin” ġejja mill-​għerq tal-​kelma li tfisser “tnikket, tbaxxi, tumilja.” Iva, “il-​ġwejdin” huma dawk li bl-​umiltà kollha jistennew lil Jehovah jirranġa l-​inġustizzji kollha li jkunu għaddejjin minnhom. “Bi sliem kotran jitgħaxxqu.” (Salm 37:11b) Saħansitra issa aħna nsibu sliem kotran fil-​ġenna spiritwali li ngawdu permezz tas-​sħubija fil-​kongregazzjoni Kristjana.

21 Għalkemm għadna ma straħniex min-​niket, aħna nappoġġaw lil xulxin u nfarrġu lil dawk li huma dipressi. B’hekk, tiżdied il-​kuntentizza ġewwinija vera fost in-​nies taʼ Jehovah. Aħwa maħturin bħala rgħajja jgħinuna bl-​imħabba fil-​bżonnijiet spiritwali, u kultant anki dawk fiżiċi, u dan jgħinna nifilħu nissaportu n-​niket minħabba s-​sewwa. (1 Tessalonikin 2:​7, 11; 1 Pietru 5:​2, 3) X’teżor prezzjuż hu dan is-​sliem! Aħna għandna wkoll it-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem fil-​Ġenna mimlija paċi li hi tant qrib. Mela, jalla nimitaw lil David Akbar, Kristu Ġesù, li ż-​żelu li kellu għal Jehovah qanqlu biex jaqdi fedelment sat-​tmiem. (1 Pietru 2:21) Jekk nagħmlu hekk, se nkomplu nkunu henjin, u nfaħħru lil dak li fih qed inqiegħdu l-​għaxqa tagħna, Alla tagħna, Jehovah.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 12 Pubblikati mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

Taf Twieġeb?

• X’tgħallimt minn Salm 37:​1, 2?

• Kif tistaʼ ‘tqiegħed fil-​Mulej l-​għaxqa tiegħek’?

• X’evidenza hemm li nistgħu nistrieħu fuq Jehovah?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 9]

Il-​Kristjani ‘ma jgħirux għal dawk li jagħmlu d-​deni’

[Stampa f’paġna 10]

“Afda fil-​Mulej, u agħmel it-​tajjeb”

[Stampa f’paġna 11]

Qiegħed f’Jehovah l-​għaxqa tiegħek billi titgħallem kemm tistaʼ dwaru

[Stampa f’paġna 12]

“Il-​ġwejdin għad jirtu l-​art”