Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Uru Li Intom Grati”

“Uru Li Intom Grati”

“Uru Li Intom Grati”

‘Ħalli s-​sliem taʼ Kristu jsaltan fi qlubkom . . . U [“uru li intom grati,” NW].’​—KOLOSSIN 3:15.

1. Liema kuntrast nosservaw bejn il-​kongregazzjoni Kristjana u d-​dinja taħt il-​kontroll taʼ Satana?

 FL-​94,600 kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah madwar id-​dinja jeżisti spirtu taʼ gratitudni. Kull laqgħa tibda u tispiċċa b’talba li tinkludi espressjonijiet taʼ radd il-​ħajr lil Jehovah. Spiss nisimgħu “grazzi,” “m’hemmx imniex,” jew xi espressjoni simili minn żgħażagħ kif ukoll minn xjuħ, minn uħud ġodda kif ukoll minn Xhieda li ilhom fil-​verità hekk kif ilkoll jingħaqdu flimkien għall-​qima u s-​sħubija hienja. (Salm 133:1) X’kuntrast hu dan maʼ l-​egoiżmu li jeżisti fost ħafna ‘li ma jagħrfux lil Alla, u li ma jobdux l-​Evanġelju’! (2 Tessalonikin 1:8) Aħna qed ngħixu f’dinja ingrata. U m’hijiex ħaġa taʼ l-​iskantament meta wieħed iqis min hu l-​alla taʼ din id-​dinja—Satana x-​Xitan, l-​akbar esponent taʼ l-​egoiżmu, li bil-​kburija u l-​ispirtu ribelluż tiegħu qed jeffettwa lis-​soċjetà umana!—Ġwanni 8:44; 2 Korintin 4:4; 1 Ġwanni 5:19.

2. Liema twissija rridu nagħtu kas, u x’mistoqsijiet se nikkunsidraw?

2 Peress li aħna mdawrin bid-​dinja taʼ Satana jeħtieġ li noqogħdu attenti biex ma nħallux l-​attitudnijiet tagħha jħassruna. Fl-​ewwel seklu, l-​appostlu Pawlu fakkar lill-​Kristjani f’Efesu: “[Intom] darba mxejtu skond ix-​xejra taʼ din id-​dinja, skond il-​kap tas-​saltna taʼ l-​ajru, taʼ l-​Ispirtu li bħalissa qiegħed jaħdem fost dawk li ma jisimgħux. Aħna wkoll għexna darba mgħarrqa fil-​passjonijiet taʼ ġisimna; konna nagħmlu l-​opri tar-​rieda tal-​ġisem u fehmietna; konna minna nfusna wlied il-​korla, bħall-​bqija tal-​bnedmin.” (Efesin 2:​2, 3) Dan japplika għal ħafna nies illum. Allura, kif nistgħu nibqgħu nuru spirtu taʼ gratitudni? Jehovah x’għajnuna jipprovdilna? B’liema modi prattiċi nistgħu nuru li aħna verament grati?

Għala Għandna Nkunu Grati

3. Għalxiex għandna nkunu grati lejn Jehovah?

3 Huwa lejn Alla Jehovah, il-​Ħallieq u d-​Donatur tal-​Ħajja, li aħna għandna nkunu grati, speċjalment hekk kif nikkunsidraw kemm tana doni tajbin b’abbundanza. (Ġakbu 1:17) Kuljum, aħna nirringrazzjaw lil Jehovah li għadna ħajjin. (Salm 36:10 [36:​9, NW]) Madwarna, naraw abbundanza t’evidenza t’affarijiet li ħalaq Jehovah, bħalma huma x-​xemx, il-​qamar, u l-​kwiekeb. Il-​maħżen abbundanti taʼ minerali li jsostnu l-​ħajja li hawn fuq din il-​pjaneta tagħna, it-​taħlita bilanċjata b’sengħa kbira taʼ gassijiet vitali li hawn fl-​atmosfera, u ċ-​ċikli komplikati fin-​natura lkoll jixhdu dwar kemm għandha tkun profonda l-​gratitudni tagħna lejn il-​maħbub Missierna tas-​sema. “Bla għadd l-​għemejjel tiegħek, Mulej, Alla tiegħi,” għanna s-​Sultan David, “taʼ l-​għaġeb il-​ħsibijiet tiegħek għalina; ħadd ma jħabbatha miegħek! Irrid inxandarhom u fuqhom nitkellem; iżda huma ħafna biex insemmihom.”—Salm 40:6 (40:​5, NW).

4. Għala għandna nkunu grati lejn Jehovah għas-​sħubija hienja li ngawdu fil-​kongregazzjonijiet tagħna?

4 Għalkemm il-​qaddejja taʼ Jehovah m’humiex qed jgħixu f’ġenna taʼ l-​art letterali, huma llum qed igawdu ħajja f’ġenna spiritwali. Fis-​Swali tas-​Saltna u fil-​konvenzjonijiet u lassembleat tagħna, aħna naraw b’għajnejna kemm il-​frott taʼ l-​ispirtu qed jaħdem fil-​Kristjani sħabna. Tabilħaqq, meta xi Xhieda ppridkaw lil dawk li ftit, jekk mhux xejn, jemmnu bir-​reliġjon, huma rreferew għal dak li Pawlu ddeskriva fl-​ittra tiegħu lill-​Galatin. Huma l-​ewwel jiġbdulhom l-​attenzjoni lejn l-​“għemejjel tal-​ġisem,” imbagħad jistaqsuhom dwar dak li jkunu osservaw huma stess. (Galatin 5:​19-23) Żgur li se jaqblu li dawn l-​affarijiet huma komuni ħafna fis-​soċjetà umana taʼ llum. Ħafna nies li ntwerew id-​deskrizzjoni tal-​frott taʼ l-​ispirtu t’Alla, u li ġew mistiedna fis-​Sala tas-​Saltna tal-​lokal tagħhom biex jaraw b’għajnejhom stess l-​evidenza taʼ dan, malajr irrikonoxxew: “Tassew li Alla f’nofskom.” (1 Korintin 14:25) U dawn ma jaġixxux hekk biss fis-​Sala tas-​Saltna lokali. Tmur f’liema pajjiż tmur, meta tiltaqaʼ maʼ xi ħadd mix-​Xhieda taʼ Jehovah, li issa huma iktar minn sitt miljuni, int se ssib l-​istess spirtu hieni u ferrieħi. Verament, din is-​sħubija inkuraġġanti hija r-​raġuni għala għandna nkunu grati lejn Jehovah, dak li permezz taʼ l-​ispirtu tiegħu jagħmel dan possibbli.—Sofonija 3:9; Efesin 3:​20, 21.

5, 6. Kif nistgħu nuru li aħna grati għall-​akbar don li tana Alla, il-​fidwa?

5 L-​aqwa don, l-​iktar rigal perfett li Jehovah tana, hu dak taʼ Ibnu stess, Ġesù, li permezz tiegħu ġie provdut is-​sagrifiċċju biex jitħallas bħala prezz għall-​fidwa. “Jekk Alla ħabbna daqshekk,” kiteb l-​appostlu Ġwanni, mela “aħna wkoll għandna nħobbu lil xulxin.” (1 Ġwanni 4:11) Iva, nistgħu nuru li aħna grati għall-​prezz tal-​fidwa mhux billi sempliċement nesprimu l-​imħabba u l-​gratitudni lejn Jehovah imma wkoll billi ngħixu ħajjitna b’mod li juri mħabba għal oħrajn.—Mattew 22:​37-39.

6 Nistgħu nitgħallmu iktar dwar kif nuru gratitudni billi nikkunsidraw il-​mod kif Jehovah mexa maʼ Iżrael tal-​qedem. Bil-​Liġi li hu ta lill-​ġens permezz taʼ Mosè, Jehovah għallem lin-​nies ħafna lezzjonijiet. Bis-​saħħa taʼ “l-​għerf u l-​verità fil-​Liġi,” nistgħu nitgħallmu ħafna li jistaʼ jkun t’għajnuna biex aħna nsegwu l-​parir taʼ Pawlu: “Uru li intom grati.”—Rumani 2:20; Kolossin 3:​15, NW.

Tliet Lezzjonijiet mil-​Liġi Mosajka

7. L-​arranġament tad-​dieċmi kif ta l-​opportunità lill-​Iżraelin biex juru l-​gratitudni tagħhom lejn Jehovah?

7 Fil-​Liġi Mosajka, Jehovah ipprovda tliet modi li bihom l-​Iżraelin setgħu juru l-​apprezzament ġenwin tagħhom għat-​tjubija tiegħu. L-​ewwel, kien hemm id-​dieċmi. Parti minn kull għaxra taʼ kulma kienet tipproduċi l-​art, flimkien maʼ “l-​għexur tal-​baqar u taʼ l-​imrieħel,” kellhom isiru xi ħaġa ‘konsagrata lill-​Mulej.’ (Levitiku 27:​30-32) Meta l-​Iżraelin obdew, Jehovah berikhom b’abbundanza. “‘Ġibuhom sħaħ id-​dieċmi u l-​offerti fit-​teżor, ħa jkun hemm l-​ikel f’dari. U b’hekk ejjew ġarrbuni,’ jgħid il-​Mulej taʼ l-​eżerċti; ‘taraw jekk niftaħx għalikom it-​twieqi tas-​sema, u jekk insawwabx fuqkom barka bl-​abbundanza.’”​—Malakija 3:10.

8. X’kienet id-​differenza bejn l-​offerti volontarji u d-​dieċmi?

8 It-​tieni, minbarra l-​ħtieġa tad-​dieċmi, Jehovah għamel arranġamenti biex l-​Iżraelin jagħtu kontribuzzjonijiet volontarji. Hu qal lil Mosè biex jgħid lil Iżraelin: “Meta tidħlu fl-​art li jien se ndaħħalkom fiha u tieklu minn ħobż l-​art, terfgħu offerta lill-​Mulej.” Ftit mill-​ewwel frott taʼ ‘l-​għaġna tagħhom tal-​ftajjar’ kellu jiġi preżentat bħala ‘offerta lill-​Mulej’ fil-​ġenerazzjonijiet kollha tagħhom. Innota li ebda ammont speċifiku minn dan l-​ewwel frott ma kien meħtieġ. (Numri 15:​18-21) Imma meta l-​Iżraelin offrew kontribuzzjoni taʼ radd il-​ħajr, huma ġew assigurati mill-​barka taʼ Jehovah. Arranġament simili jidher f’konnessjoni mat-​tempju tal-​viżjoni t’Eżekjel. Hemmhekk naqraw: “Lill-​qassisin imiss l-​aħjar tal-​bikri taʼ kull xorta u kull għotja mill-​offerti tagħkom taʼ kull xorta; u l-​aħjar taʼ l-​għaġna tagħkom tagħtuh lill-​qassisin, biex tniżżel il-​barka fuq darek.”—Eżekjel 44:30.

9. Jehovah x’għallem permezz tal-​provvediment tat-​tlaqqit?

9 It-​tielet, Jehovah għamel l-​arranġament tat-​tlaqqit. “Meta taħsdu l-​ħsad taʼ artkom,” qal Alla “tibqax sejjer taħsad sa tarf l-​għalqa, u lanqas ma għandek tlaqqat li jaqaʼ mill-​ħsad tiegħek. Ma għandekx taqtaʼ l-​frott kollu tad-​dwieli tiegħek, u la tlaqqatx li jaqaʼ fl-​art; ħallih għall-​fqir u għall-​barrani: Jiena l-​Mulej Alla tagħkom.” (Levitiku 19:​9, 10) Għal darb’oħra l-​ebda ammont speċifiku ma kien meħtieġ. Kull Iżraeli kellu jiddeċiedi għalih innifsu kemm iħalli għal dawk fil-​bżonn. L-​għaref Sultan Salamun spjega tajjeb: “Min iħenn għall-​fqir ikun qed jislef lill-​Mulej, u hu jroddhulu bi ħlas tajjeb.” (Proverbji 19:17) B’hekk, Jehovah għallimhom li kellhom juru mogħdrija u konsiderazzjoni lejn dawk fil-​bżonn.

10. X’kienu l-​konsegwenzi għan-​nies taʼ Iżrael talli naqsu li juru gratitudni?

10 Jehovah bierek lill-​Iżraelin kulmeta b’ubbidjenza ġabu d-​dieċmi, taw kontribuzzjonijiet volontarji, u għamlu provvedimenti biex jgħinu lill-​foqra. Imma meta n-​nies taʼ Iżrael ma baqgħux juru l-​gratitudni tagħhom, huma tilfu l-​favur taʼ Jehovah. Dan wassal għal diżastru u maż-​żmien għall-​eżilju. (2 Kronaki 36:​17-21) Mela, aħna x’lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu minn dan kollu?

Modi Kif Nesprimu l-​Gratitudni Tagħna

11. X’inhu l-​mod prinċipali li bih nistgħu nuru l-​gratitudni tagħna lejn Jehovah?

11 Il-​mod prinċipali li bih aħna nistgħu nagħtu tifħir lil Jehovah u nesprimu l-​gratitudni tagħna jinvolvi bl-​istess mod “offerta.” Veru li bħala Kristjani, aħna mhux qegħdin taħt il-​Liġi Mosajka u m’aħniex obbligati li noffru sagrifiċċji taʼ l-​annimali u prodotti tar-​rabaʼ. (Kolossin 2:14) Madankollu, l-​appostlu Pawlu ħeġġeġ lill-​Kristjani Lhud: “Ejjew noffru f’kull ħin lil Alla sagrifiċċju taʼ tifħir, jiġifieri l-​kelma taʼ xufftejna li tistqarr ismu.” (Lhud 13:15) Billi nużaw l-​abbiltajiet u r-​riżorsi tagħna biex noffru sagrifiċċju taʼ tifħir lil Jehovah, sew jekk fil-​ministeru pubbliku u sew jekk “fil-​ġemgħat” taʼ sħabna Kristjani, aħna nistgħu nesprimu r-​radd il-​ħajr tagħna minn qalbna lil Missierna tas-​sema kollu mħabba, Alla Jehovah. (Salm 26:12) Meta niġu biex nagħmlu hekk, x’nistgħu nitgħallmu mill-​modi kif l-​Iżraelin kellhom jesprimu l-​gratitudni tagħhom lejn Jehovah?

12. Fejn tidħol ir-​responsabbiltà Kristjana tagħna, x’nistgħu nitgħallmu mill-​arranġament tad-​dieċmi?

12 L-​ewwel, bħalma diġà rajna, l-​arranġament tad-​dieċmi ma kienx hemm għażla fih; kull Iżraeli kellu obbligu f’dan ir-​rigward. Bħala Kristjani, aħna għandna r-​responsabbiltà li nieħdu sehem fil-​ministeru u nattendu l-​laqgħat Kristjani. Dawn l-​attivitajiet m’hemmx għażla fihom. Fil-​profezija importanti tiegħu rigward żmien it-​tmiem, Ġesù stqarr b’mod ċar: “Dan l-​Evanġelju tas-​Saltna jixxandar fid-​dinja kollha, biex il-​ġnus kollha jkollhom xhieda. Mbagħad jiġi t-​tmiem.” (Mattew 24:14; 28:​19, 20) Inkwantu għal-​laqgħat Kristjani, l-​appostlu Pawlu ġie mnebbaħ biex jikteb: “Naraw kif nistgħu nħajjru lil xulxin għall-​imħabba u għall-​għemil tajjeb. Ma ninqatgħux mil-​laqgħat tagħna flimkien, kif ħadu d-​drawwa jagħmlu xi wħud; agħmlu l-​qalb lil xulxin; u dan wisq aktar għandkom tagħmluh, aktar ma taraw li qiegħed joqrob il-​Jum.” (Lhud 10:​24, 25) Aħna nuru l-​gratitudni tagħna lejn Jehovah meta naċċettaw bil-​ferħ ir-​responsabbiltà tagħna li nippridkaw u ngħallmu u nissieħbu maʼ ħutna regolarment fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni, u dan inqisuh bħala privileġġ u unur.

13. X’lezzjoni nitgħallmu mill-​arranġamenti tal-​kontribuzzjonijiet volontarji u tat-​tlaqqit?

13 Barra minn hekk, nistgħu nibbenefikaw billi nikkunsidraw iż-​żewġ provvedimenti l-​oħra li bihom l-​Iżraelin setgħu juru l-​apprezzament tagħhom—il-​kontribuzzjonijiet volontarji u t-​tlaqqit. B’kuntrast għall-​ħlas tad-​dieċmi, li kien ħtieġa b’rabta preċiża u ċara, il-​kontribuzzjonijiet volontarji u l-​arranġament tat-​tlaqqit ma kinux jirrikjedu ammont fiss. Pjuttost, dawn taw ċans lil qaddej taʼ Jehovah biex jaġixxi skond l-​apprezzament li kellu f’qalbu. Bl-​istess mod, għalkemm aħna napprezzaw li s-​sehem tagħna fil-​ministeru u l-​attendenza tagħna għal-​laqgħat Kristjani huma responsabbiltà taʼ kull qaddej taʼ Jehovah, qegħdin aħna nieħdu sehem fihom b’qalbna kollha u minn jeddna? Inqisuhom bħala opportunità biex nesprimu l-​apprezzament mill-​qalb tagħna għal dak kollu li Jehovah għamel għalina? Nieħdu sehem f’dawn l-​attivitajiet b’qalbna kollha, skond kemm jippermettulna ċ-​ċirkustanzi individwali tagħna? Jew inqisu dan kollu bħala obbligu li rridu nwettqu? M’għandniex xi ngħidu, dawn huma mistoqsijiet li rridu nwieġbu personalment. L-​appostlu Pawlu poġġieha b’dan il-​mod: “Kull wieħed jgħarbel għemilu, mbagħad ikun jistaʼ jiftaħar bih innifsu, u mhux b’ħaddieħor.”—Galatin 6:4.

14. Jehovah x’jistenna minna fis-​servizz tagħna lejh?

14 Alla Jehovah jafhom sew iċ-​ċirkustanzi tagħna. Hu jaf x’inhuma l-​limitazzjonijiet tagħna. Japprezza s-​sagrifiċċji, sew kbar u sew żgħar, li jagħmlu l-​qaddejja tiegħu minn qalbhom. Hu ma jistenniex li lkoll nagħtu l-​istess ammont, u lanqas kieku rridu ma nistgħu. Meta l-​appostlu Pawlu kien qed jiddiskuti d-​donazzjonijiet materjali, hu qal lill-​Kristjani taʼ Korintu: “Jekk il-​qalb tkun hemm, dak li jkun jingħoġob skond ma għandu, u mhux skond li ma għandux.” (2 Korintin 8:12) Dan il-​prinċipju japplika bl-​istess mod għas-​servizz tagħna lil Alla. Dak li jġiegħel is-​servizz tagħna jkun aċċettabbli għal Jehovah m’huwiex determinat mill-​ammont li nagħmlu imma mill-​mod kif nagħmluh—bil-​ferħ u b’qalbna kollha.—Salm 100:​1-5; Kolossin 3:23.

Niżviluppaw u Nżommu l-​Ispirtu taʼ Pijunier

15, 16. (a) X’konnessjoni hemm bejn il-​ministeru taʼ pijunier u l-​gratitudni? (b) Dawk li ma jistgħux ikunu pijunieri kif jistgħu juru spirtu taʼ pijunier?

15 Mod premjanti kif aħna nistgħu nuru l-​gratitudni tagħna lejn Jehovah hu billi naqdu fil-​ministeru full-time. Imqanqlin mill-​imħabba lejn Jehovah u l-​gratitudni lejn il-​qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu, ħafna qaddejja dedikati għamlu bidliet kbar f’ħajjithom ħalli jkunu jistgħu jiddedikaw iktar ħin biex jaqdu lil Jehovah. Xi wħud jistgħu jaqdu bħala pijunieri regulari, billi jqattgħu medja taʼ 70 siegħa kull xahar jippridkaw l-​aħbar tajba u jgħallmu l-​verità lin-​nies. Oħrajn, li forsi huma limitati minħabba diversi ċirkustanzi, minn żmien għal żmien, jirranġaw biex iqattgħu 50 siegħa kull xahar jippridkaw bħala pijunieri awżiljarji.

16 Imma xi ngħidu dwar il-​ħafna qaddejja taʼ Jehovah li la jistgħu jaqdu bħala pijunieri regulari u lanqas bħala pijunieri awżiljarji? Dawn jistgħu juru l-​gratitudni billi jiżviluppaw u jżommu f’qalbhom l-​ispirtu taʼ pijunier. Kif? Billi jinkuraġġixxu lil dawk li jistgħu jaqdu bħala pijunieri, billi jnaqqxu f’uliedhom ix-​xewqa li jfittxu karriera fis-​servizz full-time, u billi jħabirku biex jieħdu sehem fl-​ippridkar skond ma jippermettu ċ-​ċirkustanzi tagħhom. Dak li nagħmlu fil-​ministeru tagħna jiddependi ħafna minn kemm għandna apprezzament f’qalbna għal dak li Jehovah diġà għamel, qed jagħmel issa, u għad irid jagħmel għalina.

Nuru l-​Gratitudni bil-​‘Ġid Tagħna’

17, 18. (a) Kif nistgħu nuru l-​gratitudni bil-​‘ġid tagħna’? (b) Ġesù x’qal dwar il-​kontribuzzjoni taʼ l-​armla, u għala?

17  “Weġġaħ lill-​Mulej b’ġidek,” jgħid Proverbji 3:​9, “u bl-​ewwel dħul tal-​qligħ tiegħek.” Il-​qaddejja taʼ Jehovah m’għandhomx iktar bżonn li jagħtu d-​dieċmi. Minflok, Pawlu kiteb lill-​kongregazzjoni taʼ Korintu: “Kull wieħed għandu jagħti skond ma jidhirlu hu minn rajh, mhux fuq il-​qalb jew bilfors; għax Alla jħobb lil min jagħti bil-​ferħ.” (2 Korintin 9:7) Meta nagħtu kontribuzzjonijiet volontarji biex nappoġġaw ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna madwar id-​dinja nkunu wkoll qed nuru l-​gratitudni tagħna. Apprezzament minn qalbna se jġagħalna nagħmlu dan regolarment, billi jekk jistaʼ jkun inwarrbu xi ħaġa kull ġimgħa, bħalma kienu jagħmlu l-​Kristjani tal-​bidu.—1 Korintin 16:​1, 2.

18 M’huwiex l-​ammont li nagħtu li juri kemm għandna gratitudni lejn Jehovah. Pjuttost, huwa l-​ispirtu taʼ kif nagħtu. Dan hu dak li osserva Ġesù meta beda jara lin-​nies jitfgħu l-​għotjiet tagħhom ġos-​sniedaq tat-​teżor li kien hemm fit-​tempju. Meta Ġesù ra armla fqira titfaʼ “biċċtejn żgħar tal-​flus,” hu qal: “Ngħidilkom is-​sew, din l-​armla fqira tefgħet iktar minnhom ilkoll. Għax dawn kollha għamlu offerti miż-​żejjed tagħhom, imma hi, fil-​faqar tagħha, tefgħet dak kollu li kellha biex tgħix.”—Luqa 21:​1-4.

19. Għala huwa tajjeb li neżaminaw mill-​ġdid il-​modi li bihom aħna nuru l-​gratitudni tagħna?

19 Jalla dan l-​istudju dwar kif nistgħu nuru l-​gratitudni tagħna jġagħalna neżaminaw mill-​ġdid il-​modi li bihom nuru l-​gratitudni tagħna. Nistgħu aħna forsi nżidu s-​sagrifiċċju taʼ tifħir lil Jehovah kif ukoll l-​appoġġ materjali tagħna għax-​xogħol taʼ madwar id-​dinja? Jekk nagħmlu dak kollu possibbli għalina, nistgħu nibqgħu ċerti li Jehovah, Missierna ġeneruż u kollu mħabba, se jkun kuntent li aħna qed nuru l-​gratitudni tagħna lejh.

Tiftakar Int?

• Għal liema raġunijiet għandna nkunu grati lejn Jehovah?

• Liema lezzjonijiet nitgħallmu mid-​dieċmi, mill-​kontribuzzjonijiet volontarji, u mit-​tlaqqit?

• Kif nistgħu nikkultivaw l-​ispirtu taʼ pijunier?

• Kif nistgħu nużaw il-​‘ġid’ tagħna biex nuru l-​gratitudni lejn Jehovah?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampi f’paġna 15]

“Kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett jiġi mis-​sema”

[Stampi f’paġna 16]

Liema tliet lezzjonijiet mil-​Liġi jidhru hawnhekk?

[Stampi f’paġna 18]

Liema sagrifiċċji nistgħu nagħmlu?