Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

‘Xi Nrodd Lura lil Jehovah?’

‘Xi Nrodd Lura lil Jehovah?’

Bijografija

‘Xi Nrodd Lura lil Jehovah?’

KIF RAKKONTATA MINN MARIA KERASINIS

Meta kelli 18-il sena, kont taʼ diżappunt kbir għall-​ġenituri tiegħi, miċħuda minn qrabati, u ridikolata min-​nies tar-​raħal tiegħi. Minkejja kemm ipprovaw jitolbuni, iġagħluni, u jhedduni biex nikser l-​integrità tiegħi lejn Alla​—ma rnexxilhomx. Jien kont ċerta li jekk inżomm lealment mal-​verità tal-​Bibbja, Alla kien se jberikni. Meta nħares lura lejn 50 sena taʼ servizz lil Jehovah, nistaʼ biss nismaʼ dan il-​kliem tas-​salmista jidwi f’widnejja: “Xi nrodd lill-​Mulej għall-​ġid kollu li għamel miegħi?”​—Salm 116:12.

TWELIDT fl-​1930, f’Aggelokastro, raħal li qiegħed madwar 20 kilometru ’l bogħod mill-​port taʼ Kenkri, fil-​Lvant taʼ l-​Istmu taʼ Korintu, fejn kienet ġiet stabbilita kongregazzjoni taʼ Kristjani veri fl-​ewwel seklu.​—Atti 18:18; Rumani 16:1.

Il-familja tiegħi kienet tgħix ħajja kwieta. Missieri kien il-​kap fil-​komunità tagħna u kien rispettat ħafna. Jien kont it-​tielet minn ħamest itfal. Il-​ġenituri tiegħi tellgħuna bħala membri devoti tal-​Knisja Ortodossa Griega. Kont nattendi l-​Quddiesa kull nhar taʼ Ħadd. Kont nagħmel il-​penitenza quddiem l-​istatwi, nixgħel ix-​xemgħat fil-​kappelli fl-​irħula, u kont insum fil-​ġranet kollha tas-​sawm. Spiss għaddieli minn moħħi li nsir soru. Maż-​żmien, sirt l-​ewwel waħda fil-​familja li niddiżappunta lill-​ġenituri tiegħi.

Imqanqla mill-​Verità tal-​Bibbja

Meta kelli madwar 18-il sena, sirt naf li Katina, oħt ir-​raġel t’oħti, li kienet toqgħod ġo raħal fil-​qrib, kienet qed taqra l-​pubblikazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah, u ma kinitx qed tmur iktar il-​knisja. Dan il-​fatt beda jinkwetani ħafna, u għalhekk iddeċidejt li ngħinha biex terġaʼ lura lejn dik li ħassejt li kienet it-​triq it-​tajba. Għalhekk, meta ġiet iżżurna, irranġajt biex immorru mixja flimkien, bil-​ħsieb li nieqfu ħdejn id-​dar tal-​qassis. Il-​qassis beda l-​konversazzjoni b’ruxxmata insulti kontra x-​Xhieda taʼ Jehovah, u beda jgħajjarhom li kienu nies eretiċi li żvijaw lil Katina. Komplejna b’din id-​diskussjoni fil-​għaxija fit-​tard, għal tliet ijiem. Katina waqqgħet l-​allegazzjonijiet kollha li għamel b’argumenti mill-​Bibbja preparati tajjeb. Fl-​aħħar, il-​qassis qalilha li peress li kienet tfajla daqshekk gustuża u intelliġenti, kien imissha tgawdi żgħożitha u tfittex lil Alla meta tixjieħ.

Lill-ġenituri tiegħi m’għedtilhom xejn dwar din id-​diskussjoni, imma l-​Ħadd taʼ wara, ma mortx il-​knisja. F’nofsinhar, il-​qassis ġie dritt il-​ħanut tagħna. Jien ivvintajtlu skuża li kelli noqgħod il-​ħanut biex ngħin lil missieri.

“Veru li għalhekk ma ġejtx, jew għax influwenzatek dik it-​tfajla?” staqsieni l-​qassis.

“Dawk in-​nies għandhom twemmin aħjar minn tagħna,” għedtlu jien bla tlaqliq.

Wara li dar lejn missieri, il-​qassis qallu: “Sur Economos, waddab lil dik il-​qariba li għandek ’il barra immedjatament; dik periklu kbir għall-​familja tiegħek.”

Il-​Familja Tiegħi Ddur Kontrija

Dan ġara lejn l-​aħħar tas-​snin 40 meta l-​Greċja kienet għaddejja mill-​attakki vjolenti taʼ gwerra ċivili. Peress li kien jibżaʼ li l-​gwerilla setgħu jaħtfuni, missieri rranġa biex jien nitlaq mir-​raħal u mmur noqgħod m’oħti fir-​raħal fejn kienet toqgħod Katina. F’dawk ix-​xahrejn li kont noqgħod hemm, tgħallimt x’kienet tgħid il-​Bibbja dwar diversi kwistjonijiet. Ħriġt diżappuntata meta sirt naf li ħafna duttrini tal-​Knisja Ortodossa ma kinux skritturali. Irrealizzajt li Alla ma jaċċettax qima permezz tax-​xbihat, li ħafna tradizzjonijiet reliġjużi​—bħall-​venerazzjoni tas-​salib​—m’oriġinawx mill-​Kristjanità, u li wieħed għandu jqim lil Alla bl-​“ispirtu u l-​verità” sabiex jogħġbu. (Ġwanni 4:23; Eżodu 20:​4, 5) Iktar minn hekk, tgħallimt li l-​Bibbja toffri t-​tama sabiħa taʼ ħajja eterna fuq l-​art! Dawn il-​veritajiet prezzjużi mill-​Bibbja kienu fost il-​ġid persunali li rċivejt mingħand Jehovah.

Sadanittant, oħti u r-​raġel tagħha nnotaw li jien ma kontx qed irrodd is-​salib waqt il-​ħin taʼ l-​ikel, u lanqas ma kont qiegħda nitlob quddiem l-​istatwi. Darba minnhom, tard fil-​għaxija, it-​tnejn li huma bdew isawtuni. L-​għada ddeċidejt li nitlaq mid-​dar tagħhom u mort id-​dar taz-​zija tiegħi. Ir-​raġel t’oħti qal kollox lil missieri. Ftit wara, missieri ġie jibki u pprova jbiddilli fehemti. Ir-​raġel t’oħti niżel għarkopptejh quddiemi u talabni naħfirlu, u hekk għamilt. Biex nirranġaw, talbuni nerġaʼ lura lejn il-​knisja, imma jien bqajt soda.

Lura fir-​raħal taʼ missieri, il-​pressjonijiet ma waqfux. Ma kellix mezz kif nikkomunika maʼ Katina, u ma kelli l-​ebda letteratura x’naqra, lanqas Bibbja. Għalhekk, tgħidx kemm fraħt meta waħda mill-​kuġini tiegħi pprovat tgħinni. Meta marret Korintu, hi sabet Xhud u ġabitli l-​ktieb “Let God Be True” u kopja taʼ l-​Iskrittura Griega Kristjana, u bdejt naqrahom bil-​moħbi.

Il-​Ħajja Tinbidel għal Għarrieda

L-​oppożizzjoni ħarxa kompliet sejra għal tliet snin sħaħ. Ma kelli l-​ebda kuntatt max-​Xhieda, u lanqas stajt nirċievi l-​letteratura. Madankollu, mingħajr ma kont naf, kien se jkolli bidliet kbar f’ħajti.

Missieri qalli biex immur għand iz-​ziju tiegħi f’Tessalonika. Qabel ma tlaqt minn Tessalonika, mort għand ħajjata f’Korintu biex nagħmel kowt. X’sorpriża ħadt x’ħin sibt lil Katina taħdem hemm! Tgħidx kemm fraħna meta rajna lil xulxin wara dak iż-​żmien kollu. Hekk kif konna se noħorġu mill-​ħanut, iltqajna maʼ ġuvni dħuli li kien sejjer lura d-​dar mix-​xogħol bir-​rota. Kien jismu Charalambos. Wara li sirna nafu lil xulxin, iddeċidejna li niżżewġu. Kien ukoll għal din il-​ħabta, fid-​9 taʼ Jannar taʼ l-​1952 li ssimbolizzajt id-​dedikazzjoni tiegħi lil Jehovah billi tgħammidt.

Charalambos kien tgħammed qabel. Hu wkoll iffaċċja l-​oppożizzjoni mill-​familja tiegħu. Charalambos kien żeluż ħafna. Hu kien jaqdi bħala assistent qaddej tal-​kongregazzjoni u kien jikkonduċi ħafna studji tal-​Bibbja. Ħutu ma damux m’aċċettaw il-​verità, u llum ħafna mill-​membri tal-​familji tagħhom ukoll jaqdu lil Jehovah.

Missieri kien iħobbu ħafna lil Charalambos, u għalhekk ta l-​kunsens tiegħu għaż-​żwieġ tagħna, imma ommi ma tantx aċċettat malajr. Minkejja dan kollu, Charalambos u jien iżżewwiġna fid-​29 taʼ Marzu taʼ l-​1952. Ħija l-​kbir u kuġin wieħed biss ġew għat-​tieġ tagħna. Dak iż-​żmien kont għadni ma nafx x’barka kbira​—verament rigal mingħand Jehovah​—kien se jkun Charalambos! Bħala s-​sieħba tiegħu, stajt nibni ħajti madwar is-​servizz taʼ Jehovah.

Insaħħu lil Ħutna

Fl-​1953, jien u Charalambos iddeċidejna li mmorru ngħixu Ateni. Peress li ridna naħdmu iktar fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar, Charalambos irriżenja min-​negozju tal-​familja tiegħu u sab xogħol part-time. Konna nqattgħu wara nofsinhar flimkien fil-​ministeru Kristjan u nikkonduċu ħafna studji tal-​Bibbja.

Minħabba r-​restrizzjonijiet uffiċjali fuq il-​ministeru tagħna, ridna naraw kif nagħmlu. Per eżempju, aħna ddeċidejna li npoġġu kopja tar-​rivista It-​Torri taʼ l-​Għassa ġot-​tieqa tal-​kjosk, jew il-​gabbana, fiċ-​ċentru t’Ateni, fejn żewġi kien jaħdem part-time. Imma pulizija mlaħħaq qalilna li r-​rivista kienet projbita. Però, hu staqsiena jekk jistax jieħu kopja u jistaqsi dwarha fl-​uffiċċju tas-​sigurtà. Meta aċċertawh li r-​rivista kienet legali, reġaʼ ġie lura biex jgħidilna. Hekk kif l-​aħwa li kellhom il-​gabbani semgħu b’dan, huma wkoll bdew ipoġġu l-​kopji tat-​Torri taʼ l-​Għassa fit-​twieqi tal-​gabbani tagħhom. Wieħed raġel kiseb it-​Torri taʼ l-​Għassa mill-​gabbana tagħna, sar Xhud, u bħalissa qed jaqdi bħala anzjan.

Kellna l-​pjaċir naraw lil ħija ż-​żgħir jitgħallem il-​verità. Hu kien ġie Ateni biex jistudja fil-​kulleġġ għall-​baħrin tal-​vapuri tal-​merkanzija, u aħna ħadnieh magħna għall-​konvenzjoni. Il-​konvenzjonijiet tagħna kienu jinżammu fis-​sigriet ġol-​foresti. Dak li semaʼ għoġbu, imma ftit wara beda jivvjaġġa bħala baħri. F’wieħed mill-​vjaġġi tiegħu, spiċċa ġo port fl-​Arġentina. Hemmhekk, wieħed missjunarju telaʼ fuq il-​vapur biex jippriedka, u ħija staqsieh għar-​rivisti tagħna. Fraħna fuq li fraħna meta rċivejna ittra mingħandu li kienet tgħid: “Sibt il-​verità. Agħmluli abbonament biex nirċievi r-​rivisti.” Illum, hu u l-​familja tiegħu qegħdin jaqdu lil Jehovah lealment.

Fl-1958, ir-​raġel tiegħi ġie mistieden biex jaqdi bħala indokratur li jivvjaġġa. Ladarba x-​xogħol tagħna kien projbit u l-​kundizzjonijiet kienu diffiċli ħafna, l-​indokraturi li jivvjaġġaw normalment kienu jaqdu mingħajr in-​nisa tagħhom. F’Ottubru taʼ l-​1959, staqsejna lill-​aħwa responsabbli fl-​uffiċċju tal-​fergħa jekk stajtx nakkumpanjah. Huma qablu. Kellna nżuru u nsaħħu l-​kongregazzjonijiet fiċ-​ċentru u fin-​naħa taʼ fuq tal-​Greċja.

Dawn il-​vjaġġi xejn ma kienu faċli. Ftit li xejn kien hemm toroq biċ-​ċangaturi. Ladarba ma kellniex karozza, normalment konna nivvjaġġaw bit-​trasport pubbliku jew fit-​trakkijiet, flimkien mat-​tiġieġ jew merkanzija oħra. Aħna konna nilbsu boots tal-​lastku biex ngħaddu minn ġot-​toroq kollha tajn. Peress li f’kull raħal kien hemm is-​suldati ċivili tal-​milizzja, kellna nidħlu fl-​irħula fis-​satra tal-​lejl biex nevitaw li niġu interrogati.

L-aħwa tant kienu japprezzaw dawn iż-​żjajjar. Għalkemm ħafna minnhom kienu jaħdmu iebes fl-​għelieqi tagħhom, huma kienu jagħmlu kull sforz biex jattendu l-​laqgħat li kienu jinżammu tard bil-​lejl fi djar differenti. L-​aħwa kienu ospitabbli ħafna u offrewlna l-​aħjar li kellhom, minkejja li verament kellhom ftit. Xi drabi rqadna mal-​familja kollha fl-​istess kamra. Il-​fidi, is-​sabar, u ż-​żelu taʼ l-​aħwa wrew li kienu ġid prezzjuż ieħor.

Inżidu s-​Servizz Tagħna

Fi Frar taʼ l-​1961, waqt li konna qed inżuru l-​uffiċċju tal-​fergħa f’Ateni, ġejna mistoqsijin jekk xtaqniex naqdu ġewwa Betel. Aħna weġibna bil-​kliem taʼ Isaija: “Hawn jien: ibgħat lili!” (Isaija 6:8) Xahrejn wara, irċivejna ittra li fiha ntqalilna biex immorru Betel mill-​iktar fis possibbli. Għalhekk, fis-​27 taʼ Mejju taʼ l-​1961, bdejna naqdu f’Betel.

Tgħidx kemm konna għal qalbna fl-​inkarigu l-​ġdid tagħna, u bdejna nħossuna komdi mill-​ewwel. Żewġi kien jaħdem fid-​dipartimenti tas-​Servizz u taʼ l-​Abbonamenti, u għal xi żmien wara kien jagħmel parti mill-​Kumitat tal-​Fergħa. Kelli diversi inkarigi fid-​dar taʼ Betel. Dak iż-​żmien kien hemm 18-il membru fil-​familja, imma għal madwar ħames snin, kien hemm kważi 40 persuna peress li ġo Betel kienet qed issir skola għall-​anzjani. Fil-​għodu kont naħsel il-​platti, ngħin lill-​kok, nifrex 12-il sodda, u llesti l-​imwejjed għall-​ikla taʼ nofsinhar. Wara nofsinhar, kont ngħaddi l-​ħwejjeġ u nnaddaf it-​toilets u l-​kmamar. Darba fil-​ġimgħa kont ngħin ukoll fil-​ħasil tal-​ħwejjeġ. Kien hemm ħafna xogħol, imma kont ferħana li stajt inkun t’għajnuna.

Aħna bqajna nħabirku ħafna kemm fl-​inkarigi tagħna f’Betel kif ukoll fis-​servizz taʼ l-​għalqa. Ħafna drabi konna nikkonduċu sa sebaʼ studji tal-​Bibbja. Fi tmiem il-​ġimgħa, kont immur maʼ Charalambos meta hu kien jagħti t-​taħditiet f’kongregazzjonijiet differenti. Konna inseparabbli.

Konna nikkonduċu studju tal-​Bibbja maʼ tnejn miżżewġin li kienu intiżi ħafna fil-​Knisja Ortodossa Griega u li kienu ħbieb taʼ membru tal-​kleru li kien responsabbli li jsib lin-​nies li ma jaċċettawx ċerti duttrini tal-​knisja. Fid-​dar tagħhom, kellhom kamra mimlija statwi, fejn kellhom l-​inċens jinħaraq il-​ħin kollu u innijiet Biżantini għaddejjin il-​ġurnata kollha. Għal xi żmien, konna nżuruhom nhar taʼ Ħamis biex nistudjaw il-​Bibbja, u l-​ħabib tagħhom, il-​membru tal-​kleru, kien iżurhom nhar taʼ Ġimgħa. Ġurnata minnhom, talbuna mmorru għandhom akkost taʼ kollox għax kellhom sorpriża għalina. L-​ewwel ħaġa li wrewna kienet dik il-​kamra. Huma kienu neħħew l-​istatwi kollha u rranġawha. Dawn it-​tnejn komplew jagħmlu progress u tgħammdu. B’kollox, kellna l-​ferħ li naraw madwar 50 persuna minn dawk li studjajna l-​Bibbja magħhom jiddedikaw ħajjithom lil Jehovah u jitgħammdu.

Is-​sħubija m’aħwa midlukin kienet ġid speċjali ieħor li gawdejt. Żjajjar minn membri tal-​Ġemgħa li Tiggverna, bħal Ħutna Knorr, Franz, u Henschel, kienu inkuraġġanti immens. Wara iktar minn 40 sena, għadni nħoss li s-​servizz f’Betel huwa unur u privileġġ kbir.

Inkampa mal-​Mard u l-​Mewt

Fl-​1982, żewġi beda juri xi sintomi tal-​marda Alzheimer. Sa l-​1990, is-​saħħa tiegħu bdiet tmur lura, u maż-​żmien kellu bżonn kura l-​ħin kollu. Matul l-​aħħar tmien snin taʼ ħajtu, lanqas biss stajna noħorġu minn Betel. Ħafna aħwa maħbubin fil-​familja Betel, kif ukoll indokraturi responsabbli, għamlu arranġamenti biex jgħinuna. Madankollu, minkejja l-​għajnuna ġentili tagħhom, jien kelli nqattaʼ sigħat twal bil-​lejl u bi nhar nieħu ħsiebu. L-​affarijiet kienu jkunu diffiċli ferm kultant, u qattajt ħafna ljieli mqajma.

F’Lulju taʼ l-​1998, l-​għażiż żewġi ħalliena. Għalkemm nimmissjah ħafna, insib faraġ mill-​fatt li naf li qiegħed f’idejn Jehovah, u naf li Hu se jiftakar fih flimkien maʼ miljuni oħrajn fl-​irxoxt.​—Ġwanni 5:​28, 29.

Grata għall-​Ġid li Tani Jehovah

Għalkemm tlift lil żewġi, m’iniex waħdi. Xorta għandi l-​privileġġ li naqdi f’Betel, u ngawdi mill-​imħabba u l-​attenzjoni tal-​familja Betel kollha. Il-​familja akbar tiegħi tinkludi wkoll lil ħuti spiritwali rġiel u nisa mill-​Greċja kollha. Avolja llum għandi ’l fuq minn 70 sena, xorta għadni niflaħ naħdem ġranet sħaħ fil-​kċina u fil-​kamra taʼ l-​ikel.

Fl-1999, l-​akbar ħolma taʼ ħajti saret realtà meta żort il-​kwartieri ġenerali tax-​Xhieda taʼ Jehovah fi New York. Ma nistax niddeskrivi kif ħassejtni. Kienet esperjenza inkuraġġanti u li qatt ma se ninsieha.

Hekk kif inħares lura, sinċerament nemmen li ma stajtx nuża ħajti aħjar milli għamilt. L-​aqwa karriera li qatt jistaʼ jkollok hija dik li taqdi lil Jehovah full-time. Nistaʼ ngħid b’wiċċi minn quddiem li qatt ma kien jonqosni xejn. Jehovah bi mħabba ħa ħsieb tiegħi u taʼ żewġi kemm spiritwalment kif ukoll fiżikament. Mill-​esperjenza persunali tiegħi nistaʼ nifhem għala s-​salmista staqsa: “Xi nrodd lill-​Mulej għall-​ġid kollu li għamel miegħi?”​—Salm 116:12.

[Stampa f’paġna 26]

Jien u Charalambos konna inseparabbli

[Stampa f’paġna 27]

Żewġi fl-​uffiċċju tiegħu fil-​fergħa

[Stampa f’paġna 28]

Inħoss li s-​servizz taʼ Betel hu unur kbir