666—Mhux Sempliċement Taħbila tal-Moħħ
666—Mhux Sempliċement Taħbila tal-Moħħ
“Ħadd ma jkun jistaʼ jixtri jew ibigħ jekk ma jkollux fuqu l-marka taʼ isem il-Bhima jew tan-numru taʼ isimha. Hawn qiegħed l-għerf: min għandu moħħu, ħa jobsor x’inhu n-numru tal-Bhima, għax numru taʼ bniedem hu. U n-numru tagħha hu sitt mija u sitta u sittin.”—Apokalissi 13:17, 18.
FTIT hemm suġġetti Bibliċi li qanqlu daqshekk interess u tħassib daqs il-profezija dwar il-marka jew l-isem misterjuż tal-“bhima salvaġġa”—in-numru 666. Fuq it-televixin u l-Internet, kif ukoll fil-films, il-kotba, u r-rivisti, il-marka tal-bhima kienet is-suġġett taʼ spekulazzjoni li ma tieqaf qatt.
Xi wħud jemmnu li 666 huwa l-marka taʼ l-antikrist Bibliku. Oħrajn jgħidu li jissinifika xi forma taʼ identifikazzjoni obbligatorja, bħal xi tatwaġġ jew microchip b’kodiċi diġitali f’persuna li tidentifikaha bħala qaddejja tal-bhima. Terġaʼ, oħrajn jemmnu li 666 huwa l-marka tal-papat Kattoliku. Billi jqiegħdu numri Rumani flok l-ittri f’forma tat-titlu uffiċjali tal-papa, Vicarius Filii Dei (Vigarju taʼ l-Iben t’Alla), u billi jdawru daqsxejn in-numri, huma jaslu għan-numru 666. Nies oħrajn jgħidu li l-istess numru jistaʼ jiġi kalkulat mill-isem Latin taʼ l-Imperatur Ruman Dijoklizju u mill-verżjoni Lhudija taʼ l-isem Neruni Ċesari. *
Madankollu, dawn l-interpretazzjonijiet immaġinarji u vvintati huma differenti ħafna minn dak li tgħid il-Bibbja nfisha dwar il-marka tal-bhima, bħalma se naraw fl-artiklu li jmiss. Il-Bibbja tgħid li dawk bil-marka tal-bhima se jesperjenzaw ir-rabja t’Alla meta jtemm din is-sistema dinjija preżenti. (Apokalissi 14:9-11; 19:20) Għalhekk, li nifhmu t-tifsir tan-numru 666 huwa ħafna iktar milli sempliċement insolvu taħbila tal-moħħ interessanti. B’ferħ, Alla Jehovah, il-personifikazzjoni nfisha taʼ l-imħabba u s-Sors tad-dawl spiritwali, ma ħalliex il-qaddejja tiegħu fid-dlam dwar din il-kwistjoni importanti.—2 Timotju 3:16; 1 Ġwanni 1:5; 4:8.
[Nota taʼ taħt]
^ par. 4 Għal diskussjoni fuq in-numeroloġija, ara l-Awake! tat-8 taʼ Settembru, 2002.