Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Liberja Żjieda Minkejja l-Gwerra

Il-Liberja Żjieda Minkejja l-Gwerra

Il-​Liberja Żjieda Minkejja l-​Gwerra

IL-​GWERRA ċivili ilha għaddejja għal madwar għaxar snin fil-​Liberja. Sa nofs is-​sena 2003, ir-​ribelli ssieltu u waslu fil-​belt kapitali, il-​Monrovja. Ħafna mix-​Xhieda taʼ Jehovah ġew imġagħlin jaħarbu minn djarhom, kultant iktar minn darba. L-​affarijiet tagħhom ġew misruqin darba wara l-​oħra.

B’dispjaċir, kemm dam għaddej il-​ġlied fil-​belt kapitali, inqatlu eluf taʼ nies. Fosthom kien hemm tnejn mix-​Xhieda taʼ Jehovah, ħu u oħt. Aħwa oħrajn kif kampaw mat-​tbatijiet li sofrew, u liema għajnuna rċivew?

Għajnuna għal Dawk fil-​Bżonn

Matul dan il-​perijodu taʼ kriżi, l-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah fil-​Liberja organizza għajnuna u assistenza għal dawk fil-​bżonn. Ġie provdut ikel, affarijiet essenzjali tad-​dar, u provvisti mediċi. Matul iż-​żmien li r-​ribelli kienu qed jikkontrollaw l-​akkwata taʼ fejn kien jinsab il-​port, l-​ikel skarsa. Il-​fergħa kienet indunat minn qabel li l-​affarijiet kienu se jiżviluppaw b’dan il-​mod, u għalhekk ippreparat affarijiet bażiċi għall-​elfejn Xhud li ħarbu lejn is-​Swali tas-​Saltna madwar il-​belt. L-​aħwa qassmu l-​ikel b’tali mod li l-​provvisti servew sakemm reġaʼ nfetaħ il-​port. Il-​fergħat tal-​Belġju u taʼ Sierra Leone bagħtu l-​provvisti mediċi bl-​ajru, u l-​fergħat tal-​Britannja u taʼ Franza bagħtu xi ħwejjeġ bil-​baħar.

Minkejja s-​sitwazzjoni mwiegħra li kienu fiha, ħutna baqgħu pożittivi u ferħanin. Il-​kumment li għamel ħu li ħarab tliet darbiet minn daru huwa bħall-​kummenti taʼ ħafna oħrajn. Hu qal: “Dawn huma l-​istess kundizzjonijiet li nxandru dwarhom; aħna qed ngħixu fl-​aħħar jiem.”

Iwieġbu għall-​Aħbar Tajba

Minkejja t-​taqlib li hemm fil-​pajjiż, ix-​Xhieda qed jibqaʼ jkollhom riżultati mill-​aqwa fl-​għalqa. F’Jannar taʼ l-​2003 laħqu l-​ogħla quċċata, dik taʼ 3,879 pubblikatur tas-​Saltna, u fi Frar ikkonduċew 15,227 studju tal-​Bibbja fid-​djar.

In-​nies malajr jirrispondu għall-​aħbar tajba. Eżempju taʼ dan ġara f’raħal fix-​xlokk tal-​pajjiż. Kongregazzjoni waħda ppjanat li tikkommemora t-​Tifkira tal-​mewt taʼ Kristu fir-​raħal kbir taʼ Bewahn, li qiegħed madwar mixja taʼ ħames sigħat ’il bogħod minfejn jiltaqgħu s-​soltu. Qabel ma l-​aħwa marru fir-​raħal sabiex jistiednu lin-​nies għat-​Tifkira, huma l-​ewwel taw invit lis-​sindku taʼ Bewahn. Meta aċċettah, ħa l-​Bibbja, mar għand in-​nies li kienu joqogħdu fir-​raħal, u qara l-​iskrittura li kien hemm fuq l-​invit filwaqt li beda jinkuraġġihom biex jattendu t-​Tifkira. Għalhekk, meta waslu l-​pubblikaturi, huma sabu li x-​xogħol kien sar għalihom! Is-​sindku attenda t-​Tifkira flimkien mat-​tfal u ż-​żewġ nisa tiegħu. B’kollox attendew 27 persuna. Minn dakinhar ’l hawn, is-​sindku telaq il-​Knisja Metodista, beda jistudja max-​Xhieda, u offra biċċa art sabiex tinbena Sala tas-​Saltna.

Bidla fl-​Attitudni

Il-​kondotta taʼ ħutna kienet effettiva wkoll biex tbiddel il-​ħarsa taʼ dawk li kienu jopponu l-​verità. Ikkunsidra l-​eżempju taʼ raġel jismu Opoku. Pijunier speċjali ltaqaʼ miegħu waqt li kien fis-​servizz taʼ l-​għalqa u offrielu r-​rivista Torri taʼ l-​Għassa. Opoku interessa ruħu f’wieħed mill-​artikli tar-​rivista imma ma kellux flus. Il-​pijunier spjegalu li r-​rivista kienet bla ħlas u ħallihielu filwaqt li ftiehmu li kien se jerġaʼ jżuru. Fiż-​żjara lura, Opoku staqsa lill-​pijunier: “Taf min jien? Ħafna minn tagħkom li joqogħdu fil-​belt taʼ Harper jafuni. Jien kont inkeċċi lit-​tfal tagħkom mill-​iskejjel!” Imbagħad spjega li hu kien il-​prinċipal taʼ kulleġġ li jinsab fil-​belt u li hu kien ippersegwita lit-​tfal tax-​Xhieda taʼ Jehovah talli ma kinux isellmu lill-​bandiera.

Madankollu, tliet eżempji taʼ mħabba Kristjana li wrew ix-​Xhieda taʼ Jehovah ġagħlu lil Opoku jeżamina l-​attitudni tiegħu. L-​ewwel, hu ra lix-​Xhieda jieħdu ħsieb lil ħuhom spiritwali li kien marid serjament. Huma saħansitra rranġawlu biex jieħu l-​kura f’pajjiż fil-​qrib. Opoku kien ħaseb li dak il-​ħu marid kien wieħed mill-​“kbarat” tax-​Xhieda, imma mbagħad sar jaf li kien sempliċement Xhud ordinarju. It-​tieni, matul is-​snin 90, Opoku kien refuġjat fil-​Kosta taʼ l-​Avorju. Ġurnata minnhom meta kien bil-​għatx, hu mar jixtri l-​ilma mingħand żagħżugħ. Opoku ma kellux żgħar u dan iż-​żagħżugħ ma kellux bqija, u għalhekk tahulu mingħajr ma żammlu flus. Meta ta l-​ilma lil Opoku, iż-​żagħżugħ staqsieh: “Taħseb li qatt se jkun hemm żmien meta nies bħali u bħalek jagħtu affarijiet lil xulxin mingħajr ma jitolbu l-​flus?” Opoku induna li dan kien wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah, u ż-​żagħżugħ ikkonfermalu li hekk kien. Il-​ġenerożità u l-​qalb tajba taʼ dan il-​ħu impressjonatu. Fl-​aħħar, il-​fatt li l-​pijunier speċjali kien lest li jagħtih ir-​rivista mingħajr ħlas ikkonvinċa lil Opoku li l-​mod kif hu kien iqis lix-​Xhieda kien ħażin u li kellu bżonn ibiddel l-​attitudni tiegħu. Hu għamel progress spiritwali u issa qed jaqdi bħala pubblikatur mhux mgħammed.

Għalkemm l-​aħwa fil-​Liberja għadhom qed jiffaċċjaw kundizzjonijiet diffiċli ħafna, huma jafdaw f’Alla u b’fedeltà jipproklamaw l-​aħbar tajba li għad ikun hemm kundizzjonijiet aħjar fil-​ħakma ġusta tas-​Saltna t’Alla. Jehovah qatt m’hu se jinsa dak li qed jagħmlu u l-​imħabba li qed juru lejn ismu.—Lhud 6:10.

[Mapep f’paġna 30]

MONROVJA

[Stampi f’paġna 31]

Waqt żmien taʼ kriżi, il-​poplu taʼ Jehovah jipprovdi għajnuna spiritwali u fiżika lil dawk li jkollhom bżonn