Insibu lin-Nies fuq il-Post tax-Xogħol Tagħhom
Proklamaturi tas-Saltna Jirrapportaw
Insibu lin-Nies fuq il-Post tax-Xogħol Tagħhom
L-APPOSTLI Mattew, Pietru, Indrì, Ġakbu, u Ġwanni x’kellhom komuni bejniethom? Ilkoll kemm huma ġew imsejħin minn Ġesù waqt li kienu fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Pietru, Indrì, Ġakbu, u Ġwanni kienu medhijin sew bin-negozju tagħhom tas-sajd meta Ġesù stidinhom u qalilhom: “Ejjew warajja.” Mattew kien f’uffiċċju tat-taxxi meta ġie mistieden biex isir dixxiplu taʼ Ġesù.—Mattew 4:18-21; 9:9.
Il-fatt li nagħtu xiehda lil uħud fuq il-post tax-xogħol tagħhom jistaʼ jkun premjanti. Billi rrikonoxxew dan, ix-Xhieda taʼ Jehovah fil-Ġappun dan l-aħħar għamlu sforz speċjali sabiex ikollhom sehem f’dan l-aspett tal-ministeru. X’kienu r-riżultati? Fi ftit xhur, saru eluf taʼ żjajjar lura, u nbdew madwar 250 studju tal-Bibbja. Ikkunsidra l-esperjenzi li ġejjin.
Ministru full-time f’Tokjo ltaqaʼ maʼ maniġer taʼ restorant li kien tkellem maʼ Xhud madwar 30 sena qabel, meta kien għadu tifel taʼ l-iskola. Għalkemm dak iż-żmien il-maniġer ma tantx kien fehem dak li tkellmu dwaru, hu beda jinteressa ruħu fil-Bibbja. Issa li reġaʼ kebbes l-interess, hu aċċetta mill-qalb studju tal-Bibbja mill-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem. * Barra minn hekk, beda jaqra l-Bibbja waħdu kull fil-għaxija qabel jidħol jorqod.
Pijuniera speċjali żaret uffiċċju u talbet lir-receptionist biex iċċempel lill-maniġer. Għalkemm il-maniġer ma setax ikellimha, it-tfajla li wieġbet it-telefon minfloku staqsietha, “Jimporta għalik jekk tkellem lili?” Wara diskussjoni qasira fuq it-telefon, din it-tfajla ħarġet u qalet li kienet interessata li taqra l-Bibbja. Il-pijuniera speċjali ftehmet biex terġaʼ żżurha u ġġibilha Bibbja. Wara, inbeda studju tal-Bibbja magħha li kienu jagħmluh kmieni fil-għodu qabel ix-xogħol fi ġnien fil-viċin.
F’uffiċċju ieħor, raġel ra lil waħda mill-kollegi tiegħu taċċetta r-rivisti t-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! imma malajr irmiethom x’ħin ix-Xhud telaq. Meta dan ir-raġel wasal id-dar, qal lil martu li hi Xhud b’dak li kien ġara u qal li għallinqas hu kien joqgħod jismaʼ li kieku offrewlu r-rivisti. It-tifla tiegħu, li semgħet dak li qal, qalet b’kollox lil Xhud li jaħdem it-territorju tan-negozju. Ix-Xhud ma damx ma żar lil dan ir-raġel fl-uffiċċju u beda studju tal-Bibbja miegħu. Ir-raġel malajr beda jattendi regolarment il-laqgħat taʼ nhar taʼ Ħadd.
L-għoti taʼ xiehda fuq il-post tax-xogħol ġab benefiċċji oħra. Ħafna pubblikaturi fil-Ġappun saru iktar tas-sengħa fiż-żjajjar lura f’territorju fejn hemm il-ħwienet, il-fabbriki, u l-uffiċini. Barra minn hekk, permezz taʼ dan it-tip taʼ ppridkar, ħafna wħud inattivi reġgħu ġew kuntattjati u nbdew studji magħhom. Ir-riżultati kienu mill-aqwa. Kongregazzjoni minnhom fiċ-ċentru taʼ Tokjo dan l-aħħar irrapportat 108 studji tal-Bibbja fid-djar, iktar mid-doppju tan-numru rapportat sena ilu.
[Nota taʼ taħt]
^ par. 5 Pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah.