Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Irreżisti l-Ispirtu taʼ Dinja li Qed Tinbidel

Irreżisti l-Ispirtu taʼ Dinja li Qed Tinbidel

Irreżisti l-​Ispirtu taʼ Dinja li Qed Tinbidel

“Aħna ma ħadniex l-​ispirtu taʼ din id-​dinja, imma l-​Ispirtu taʼ Alla.” —1 KORINTIN 2:12.

1. Eva b’liema modi ġiet imqarrqa?

 “IS-​SERP qarraq bija.” (Ġenesi 3:13) B’dan il-​ftit kliem, l-​ewwel mara, Eva, ipprovat tispjega għala kienet waslet biex tirribella kontra Alla Jehovah. Dak li qalet kien minnu, għalkemm ma ġġustifikax il-​ħażen li kienet għamlet. Iktar tard l-​appostlu Pawlu ġie mnebbaħ biex jikteb: “[Eva] kienet imqarrqa [“għalkollox,” NW].” (1 Timotju 2:14) Hi ġiet imqarrqa u mġagħla temmen li att wieħed taʼ diżubbidjenza—li tiekol il-​frotta projbita—kien se jkun għall-​ġid tagħha, u jagħmilha daqs Alla. Hi ġiet imqarrqa wkoll dwar min kien dak li daħaq biha. Ma kinitx taf li kien fil-​fatt Satana x-​Xitan li qiegħed jinqeda bis-​serp biex ikellimha.—Ġenesi 3:1-6.

2. (a) Satana kif iqarraq bin-​nies illum? (b) X’inhu “l-​ispirtu taʼ din id-​dinja,” u liema mistoqsijiet se nikkunsidraw issa?

2 Minn żmien Adam u Eva ’l hawn, Satana kompla jqarraq bin-​nies. Fil-​fatt, hu qiegħed ‘iqarraq bid-​dinja kollha.’ (Apokalissi 12:9) It-​tattika tiegħu ma nbidlitx. Għalkemm m’għadux juża serp letterali, hu jkompli jaħbi l-​identità tiegħu. Permezz taʼ l-​industrija tad-​divertiment, il-​mezzi tax-​xandir, u mezzi oħra, Satana jqarraq bin-​nies u jġagħalhom jemmnu li huma la jeħtieġu d-​direzzjoni kollha mħabba mingħand Alla u lanqas jistgħu jibbenefikaw minnha. Il-​kampanja taʼ qerq tax-​Xitan nisslet fin-​nies taʼ kullimkien spirtu taʼ ribelljoni kontra l-​liġijiet u l-​prinċipji tal-​Bibbja. Il-​Bibbja dan issejjaħlu “l-​ispirtu taʼ din id-​dinja.” (1 Korintin 2:12) Dan l-​ispirtu jinfluwenza b’qawwa kbira t-​twemmin, l-​attitudnijiet, u l-​aġir taʼ dawk li ma jafux lil Alla. Dan l-​ispirtu kif jintwera, u kif nistgħu nirreżistu l-​influwenza korrotta tiegħu? Ejja naraw.

Il-​Valuri Morali Sejrin Lura

3. “L-​ispirtu taʼ din id-​dinja” għala qed jidher iktar minn qatt qabel fi żmienna?

3 Fi żmienna, “l-​ispirtu taʼ din id-​dinja” qed jidher iktar minn qatt qabel. (2 Timotju 3:1-5) X’aktarx li int innotajt kemm sejrin lura l-​valuri morali. L-​Iskrittura tispjega għala qed jiġri dan. Wara li ġiet stabbilita s-​Saltna t’Alla fis-​sena 1914, fis-​sema faqqgħet gwerra. Satana u l-​anġli demonji tiegħu ġew megħlubin u mitfugħin fil-​viċinanza taʼ l-​art. Mimli rabja, Satana intensifika l-​kampanja tiegħu biex iqarraq bid-​dinja kollha. (Apokalissi 12:1-9, 12, 17) B’kull mod possibbli, hu jipprova ‘jekk jistaʼ jkun, iqarraq bil-​maħturin ukoll.’ (Mattew 24:24, Karm Żammit) Bħala l-​poplu t’Alla, aħna l-​mira prinċipali tiegħu. Hu jipprova jeqred l-​ispiritwalità tagħna ħalli nitilfu l-​approvazzjoni taʼ Jehovah u l-​prospett taʼ ħajja taʼ dejjem.

4. Il-​qaddejja taʼ Jehovah kif iqisuha l-​Bibbja, u d-​dinja kif tqisha?

4 Satana jipprova jnaqqas il-​fiduċja fil-​Bibbja, il-​ktieb prezzjuż li jgħallimna dwar il-​Ħallieq tagħna mimli mħabba. Il-​qaddejja taʼ Jehovah iħobbu u jgħożżu l-​Bibbja. Aħna nafu li hi l-​Kelma mnebbħa t’Alla, mhux il-​kelma tal-​bniedem. (1 Tessalonikin 2:13; 2 Timotju 3:16) Madankollu, id-​dinja taʼ Satana tridna naħsbuha mod ieħor. Per eżempju, fid-​daħla tiegħu, ktieb li jattakka l-​Bibbja jgħid: “M’hemm xejn ‘qaddis’ dwar il-​Bibbja, u lanqas m’hi ‘l-​kelma t’Alla.’ Din ma nkitbitx minn qaddisin imnebbħin minn Alla, imma minn qassisin li riedu l-​poter.” Dawk li jispiċċaw jemmnu stqarrijiet bħal dawn jistgħu faċilment jibdew jemmnu l-​idea żbaljata li huma liberi li jqimu lil Alla kif jogħġobhom—jew li ma jqimuh xejn.—Proverbji 14:12.

5. (a) X’qal awtur wieħed dwar ir-​reliġjonijiet konnessi mal-​Bibbja? (b) X’kuntrast hemm bejn l-​ideat komuni fid-​dinja u dak li tgħid il-​Bibbja? (Inkludi l-​kaxxa fil-​paġna li jmiss.)

5 L-​attakki diretti u indiretti fuq il-​Bibbja, flimkien maʼ l-​ipokrisija reliġjuża taʼ dawk li jsostnu li jappoġġawha, wasslu biex tiżdied id-​diżapprovazzjoni lejn ir-​reliġjon, inkluż ir-​reliġjon konnessa mal-​Bibbja. Ir-​reliġjon qed tiġi attakkata fuq il-​mezzi tax-​xandir kif ukoll minn nies t’edukazzjoni għolja. Awtur wieħed josserva li fil-​kultura taʼ llum, in-​nies iħarsu b’mod negattiv lejn il-​Ġudaiżmu u l-​Kristjanità. L-​iktar l-​iktar, huma jqisuhom bħala xi ħaġa sabiħa imma antikwata; agħar minn hekk, iqisuhom bħala ideat li m’għadhomx moda u li jfixklu l-​maturità intellettwali u jostakolaw il-​progress xjentifiku. Hu jżid ukoll li f’dawn l-​aħħar snin, din l-​istmerrija kibret u saret ridikolaġni u mibegħda fil-​beraħ. Din il-​mibegħda spiss toriġina minn uħud li jiċħdu l-​eżistenza t’Alla u li “moħħhom intilef fil-​bluha.”—Rumani 1:20-22.

6. Id-​dinja x’ħarsa għandha lejn prattiċi sesswali li huma kundannati minn Alla?

6 Għaldaqstant, m’għandniex għalfejn nistagħġbu li n-​nies qed jitbiegħdu iktar u iktar mil-​livelli taʼ mġiba li ta Alla. Per eżempju, il-​Bibbja tiddeskrivi relazzjonijiet omosesswali bħala li huma “bla ġieħ.” (Rumani 1:26, 27) Tgħid ukoll li dawk li jipprattikaw iż-​żína u l-​adulterju m’humiex se jirtu s-​Saltna t’Alla. (1 Korintin 6:9) Madankollu, f’ħafna pajjiżi dawn il-​prattiċi sesswali mhux talli jitqiesu aċċettabbli imma talli jpinġuhom b’mod sabiħ f’kotba, rivisti, kanzunetti, films, u programmi tat-​televixin. Dawk li jitkellmu kontra dawn il-​prattiċi jitqiesu bħala nies intolleranti, preġudikati, u li għadhom lura rigward kif jaħsbuha n-​nies moderni. Minflok ma d-​dinja tqis il-​livelli t’Alla bħala mod kif hu juri li jħobbna u jimpurtah minna, din tqishom bħala ostakli għal-​libertà u l-​ambizzjoni persunali.—Proverbji 17:15; Ġuda 4.

7. Liema mistoqsijiet għandna nistaqsu lilna nfusna?

7 F’dinja li qiegħda dejjem iktar tiħodha kontra Alla, ikun għaqli jekk aħna nagħtu ħarsa lejn l-​attitudni u l-​valuri tagħna nfusna. Kull tant żmien, għandna nitolbu bil-​ħerqa u bl-​onestà dwar dan u neżaminaw lilna nfusna biex inkunu ċerti li m’aħniex nitbiegħdu bil-​mod il-​mod mil-​livelli taʼ Jehovah u l-​mod kif jaħsibha hu. Per eżempju, nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Nieħu pjaċir nismaʼ, naqra, jew naħseb fuq suġġetti li xi snin ilu kont nevitahom? Sirt iktar tolleranti dwar prattiċi li Alla jikkundanna? Għandi t-​tendenza li l-​affarijiet spiritwali m’għadnix inqishom bis-​serjetà daqskemm kont qabel? Juri l-​mod kif ngħix li qed inpoġġi l-​interessi tas-​Saltna l-​ewwel f’ħajti?’ (Mattew 6:33) Jekk nirriflettu ftit dwar dawn l-​affarijiet, inkunu nistgħu nirreżistu l-​ispirtu tad-​dinja.

‘Titbigħedx ’il Barra mit-​Triq’

8. Wieħed kif jistaʼ jitbiegħed minn Jehovah?

8 Lill-​Kristjani sħabu, l-​appostlu Pawlu kitbilhom: “Għandna nagħtu ħafna aktar kas taʼ dak li smajna, li ma mmorrux nitbiegħdu ’l barra mit-​triq.” (Lhud 2:1) Vapur li jitbiegħed mir-​rotta ma jasalx fid-​destinazzjoni tiegħu. Jekk kaptan ma joqgħodx attent għar-​riħ u l-​kurrent tal-​baħar, il-​vapur tiegħu jistaʼ faċilment jitbiegħed minn port kenni u jinkalja mal-​blat. Bl-​istess mod, jekk ma noqogħdux attenti għall-​veritajiet prezzjużi tal-​Kelma t’Alla, aħna nistgħu faċilment nitbiegħdu minn Jehovah u negħrqu spiritwalment. Biex naslu f’dan l-​istat, mhux bilfors inkunu ċħadna l-​verità għalkollox. Fil-​fatt, ftit huma dawk li jiċħdu lil Jehovah f’daqqa waħda u bi ħsieb. Spiss jiġri li dawn jinvolvu ruħhom f’xi ħaġa li taljenahom milli jagħtu kas il-​Kelma t’Alla. Kważi mingħajr ħadd ma jinduna, dawn jitbiegħdu bil-​mod il-​mod sakemm jaqgħu f’xi dnub. Bħal kaptan li raqad, individwi bħal dawn iqumu meta jkun tard wisq.

9. Jehovah b’liema modi bierek lil Salamun?

9 Ikkunsidra l-​ħajja taʼ Salamun. Jehovah fdalu f’idejh it-​tmexxija taʼ Iżrael. Alla ħalla lil Salamun jibni t-​tempju u dderiġieh biex jikteb partijiet mill-​Bibbja. Jehovah tkellem miegħu f’żewġ okkażjonijiet u tah għana, fama, u renju mimli paċi. Fuq kollox, Jehovah bierek lil Salamun b’għerf kbir. Il-​Bibbja tgħid: “Alla ta għerf lil Salamun u dehen kbir ħafna, u moħħ bla qjies bħar-​ramel f’xatt il-​baħar. U l-​għerf taʼ Salamun kien akbar mill-​għerf tan-​nies kollha tal-​Lvant u mill-​għerf kollu taʼ l-​Eġittu.” (1 Slaten 5:1, 9, 10 [4:21, 29, 30, NW]; 11:9) Wieħed jistaʼ jirraġuna li jekk kien hemm xi ħadd li x’aktarx kien se jibqaʼ leali lejn Alla, dan żgur li kien Salamun. Madankollu, Salamun tbiegħed u bil-​mod il-​mod waqaʼ fl-​apostasija. Dan kif ġara?

10. Salamun liema direzzjoni naqas li jobdi, u x’kien ir-​riżultat?

10 Salamun kien jaf sew x’tgħid il-​Liġi t’Alla u kien jifhimha tajjeb. M’hemmx dubju li kien ħa interess speċjali fl-​istruzzjonijiet li kienu mħejjijin għal min isir sultan f’Iżrael. Waħda minn dawn l-​istruzzjonijiet kienet: “[Is-sultan] anqas ma għandu jkollu ħafna nisa, li ma ddurx qalbu.” (Dewteronomju 17:14, 17) Minkejja din id-​direzzjoni ċara, Salamun kellu sebaʼ mitt mara u tliet mitt konkubina. Ħafna minn dawn in-​nisa kienu jqimu allat barranin. Ma nafux għala Salamun kellu daqshekk nisa, u lanqas ma nafu kif iġġustifika dak li għamel. Li nafu hu li m’obdiex id-​direzzjoni ċara t’Alla. Ir-​riżultat kien preċiż kif kien wissa Jehovah. Naqraw: “In-​nisa li kellu [Salamun] dawwrulu tassew qalbu għal wara allat oħra.” (1 Slaten 11:3, 4) Għalkemm bil-​mod il-​mod, Salamun spiċċa biex tilef l-​għerf li kien tah Alla. Hu tbiegħed minn Alla. Maż-​żmien, ix-​xewqa taʼ Salamun li jogħġob lin-​nisa pagani tiegħu ħadet post ix-​xewqa tiegħu li jobdi u jogħġob lil Alla. X’ħasra, l-​iktar meta niftakru li Salamun kien il-​wieħed li iktar qabel kien kiteb il-​kliem: “Kun għaref, ibni, u ferraħli qalbi, biex inkun nistaʼ nwieġeb lil min jgħajjarni”!—Proverbji 27:11.

L-​Ispirtu tad-​Dinja Hu Qawwi

11. Dak li ndaħħlu f’moħħna kif jeffettwa l-​ħsibijiet tagħna?

11 L-​eżempju taʼ Salamun jgħallimna li huwa perikoluż jekk nirraġunaw li għax nafu l-​verità, l-​influwenzi tad-​dinja m’humiex se jeffettwawlna l-​mod kif naħsbu. Sewwasew bħalma l-​ikel fiżiku jeffettwa lil ġisimna, l-​ikel mentali jeffettwa lil moħħna. Dak li nitimgħu lil moħħna jinfluwenza l-​ħsibijiet u l-​attitudnijiet tagħna. Ħafna kumpaniji jirrealizzaw kemm dan huwa minnu, u għalhekk jonfqu biljuni taʼ liri fis-​sena biex jirreklamaw il-​prodotti tagħhom. Huma jaraw x’jogħġob u xi jħajjar lill-​konsumatur, u permezz taʼ kliem u xeni attraenti jirnexxilhom jipproduċu reklami li jkollhom suċċess. Min jirreklama jaf ukoll li ġeneralment, in-​nies m’humiex se joħorġu jixtru l-​prodott sempliċement għax ikunu raw ir-​reklam tagħhom xi darba jew tnejn. Iżda, maż-​żmien, iktar ma jaraw reklam taʼ ċertu prodott, il-​konsumaturi spiss jibdew jitħajru għalih. Ir-​reklami jaħdmu—inkella ħadd ma kien jinvesti fihom. Dawn għandhom influwenza qawwija fuq il-​ħsibijiet u l-​attitudnijiet tal-​pubbliku.

12. (a) Satana kif jinfluwenza l-​ħsibijiet tan-​nies? (b) X’juri li l-​Kristjani jistgħu jiġu influwenzati?

12 Bħal wieħed li jirreklama, Satana jagħmel l-​ideat tiegħu jidhru sbieħ, u jaf li maż-​żmien jistaʼ jikkonvinċi lin-​nies biex jibdew jaħsbuha bħalu. Permezz tal-​qasam tad-​divertiment u mezzi oħra, Satana jqarraq bin-​nies u jġagħalhom jemmnu li t-​tajjeb hu ħażin u li l-​ħażin hu tajjeb. (Isaija 5:20) Anki Kristjani veri waqgħu fin-​nassa taʼ Satana u belgħu l-​informazzjoni falza li jxerred hu. Il-​Bibbja twissi: “L-​Ispirtu jgħidha ċar li fl-​aħħar taż-​żminijiet xi wħud jitbiegħdu mill-​fidi u jagħtu widen għal spirti qarrieqa u għal tagħlim tax-​xjaten. Dawn jisfgħu mqarrqa minn nies giddieba, li għandhom il-​marka tal-​ħażen fuq il-​kuxjenza tagħhom.”—1 Timotju 4:1, 2; Ġeremija 6:15.

13. X’tinvolvi l-​ħbiberija ħażina, u l-​ħbieb tagħna kif jeffettwawna?

13 Ħadd minna m’hu meħlus mill-​ispirtu tad-​dinja. L-​irjieħ u l-​kurrenti tas-​sistema taʼ Satana huma qawwijin. Il-​Bibbja tagħtina dan il-​parir għaqli: “La titqarrqux: il-​ħbiberija ħażina tħassar id-​drawwiet tajba.” (1 Korintin 15:33) Il-​ħbiberija ħażina tistaʼ tinvolvi kull oġġett jew individwu—anki ġewwa l-​kongregazzjoni—li jirrifletti l-​ispirtu tad-​dinja. Jekk nirraġunaw li ħbiberija ħażina ma tistax tagħmlilna ħsara, allura jkollna ngħidu wkoll li ħbiberija tajba ma tistax tgħinna. Kemm inkunu żbaljati! Il-​Bibbja titkellem ċar u tond meta tgħid: “Min jagħmilha maʼ l-​għaref, isir għaref, min imur mal-​boloh, jaqaʼ fl-​hemm.”—Proverbji 13:20.

14. B’liema modi nistgħu nirreżistu l-​ispirtu tad-​dinja?

14 Biex nirreżistu l-​ispirtu tad-​dinja, irridu nassoċjaw maʼ nies li għandhom l-​għerf—dawk li jaqdu lil Jehovah. Irridu nimlew moħħna b’affarijiet li jsaħħulna l-​fidi. L-​appostlu Pawlu kiteb: “F’dan għandkom taħsbu: f’kull ma hu veru, f’kull ma hu xieraq, f’kull ma hu ġust, f’kull ma hu safi, f’kull ma jiġbed l-​imħabba, f’kull ma jistħoqqlu l-​ġieħ, f’kull ma hu virtù, f’kull ma ħaqqu t-​tifħir.” (Filippin 4:8) Bħala bnedmin maħluqin bl-​abbiltà li nagħżlu bejn it-​tajjeb u l-​ħażin, aħna nistgħu nagħżlu l-​affarijiet li nixtiequ naħsbu fuqhom. Jalla dejjem nagħżlu li naħsbu fuq affarijiet li jressquna eqreb lejn Jehovah.

L-​Ispirtu t’Alla Hu Iktar Qawwi

15. Il-​Kristjani f’Korintu tal-​qedem kif kienu differenti mill-​abitanti l-​oħra taʼ dik il-​belt?

15 Kuntrarju għal dawk li jiġu mqarrqin mill-​ispirtu tad-​dinja, il-​Kristjani veri jiġu gwidati mill-​ispirtu qaddis t’Alla. Pawlu kiteb dan il-​kliem lill-​kongregazzjoni taʼ Korintu: “Aħna ma ħadniex l-​ispirtu taʼ din id-​dinja, imma l-​Ispirtu taʼ Alla, biex nagħrfu d-​doni li Alla għoġbu jagħtina.” (1 Korintin 2:12) Korintu tal-​qedem kienet belt imdawra minn kullimkien bl-​ispirtu tad-​dinja. Il-​maġġuranza taʼ l-​abitanti tagħha tant kienu bla rażan li l-​espressjoni “tikkorintizza” saret tfisser “li tipprattika l-​immoralità.” Satana kien għema l-​imħuħ tan-​nies. Minħabba f’hekk, huma ftit li xejn fehmu dwar l-​Alla veru. (2 Korintin 4:4) Madankollu, permezz taʼ l-​ispirtu qaddis tiegħu, Jehovah fetaħ l-​għajnejn taʼ xi wħud mill-​Korintin, u b’hekk setgħu jitgħallmu l-​verità. L-​ispirtu tiegħu qanqalhom u ggwidahom biex jagħmlu bidliet kbar f’ħajjithom ħalli jkunu jistgħu jirċievu l-​approvazzjoni u l-​barka t’Alla. (1 Korintin 6:9-11) Għalkemm l-​ispirtu tad-​dinja kien b’saħħtu, l-​ispirtu taʼ Jehovah kien iktar b’saħħtu.

16. Kif nistgħu nirċievu u nżommu l-​ispirtu t’Alla?

16 L-​istess ħaġa tapplika għal-​lum. L-​ispirtu qaddis taʼ Jehovah hu l-​iktar forza qawwija fl-​univers, u hu jagħtih b’mod ġeneruż u abbundanti lil dawk kollha li jitolbuhulu bil-​fidi. (Luqa 11:13) Madankollu, biex ikollna l-​ispirtu t’Alla rridu nagħmlu iktar milli nirreżistu l-​ispirtu tad-​dinja. Irridu wkoll nistudjaw regolarment u napplikaw il-​Kelma t’Alla f’ħajjitna ħalli l-​ispirtu tagħna—id-​dispożizzjoni mentali—ikun jaqbel mal-​mod kif jaħsibha hu. Jekk nagħmlu dan, Jehovah se jsaħħaħna biex nifilħu kull tattika li Satana jistaʼ juża biex jeqirdilna l-​ispiritwalità tagħna.

17. L-​esperjenza taʼ Lot b’liema modi tistaʼ tagħmlilna l-​kuraġġ?

17 Għalkemm il-​Kristjani m’humiex parti mid-​dinja, huma qegħdin fid-​dinja. (Ġwanni 17:11, 16) Ħadd minna ma jistaʼ jevita għalkollox l-​ispirtu tad-​dinja, għax jistaʼ jkun li naħdmu jew saħansitra ngħixu maʼ wħud li m’għandhomx imħabba għal Alla jew għal triqatu. Inħossuna aħna bħalma ħassu Lot, li kien “mifni,” saħansitra kien iħoss qalbu tingħafas, minħabba l-​għemejjel ħżiena tan-​nies taʼ Sodoma, li kien jgħix fosthom? (2 Pietru 2:7, 8) Jekk iva, nistgħu nagħmlu kuraġġ. Jehovah ipproteġa u ħeles lil Lot, u l-​istess jistaʼ jagħmel għalina. Missierna li jħobbna jaf u jara ċ-​ċirkustanzi tagħna, u jistaʼ jagħtina l-​għajnuna u s-​saħħa li neħtieġu biex nibqgħu spiritwali. (Salm 33:18, 19) Jekk nistrieħu fuqu, nafdaw fih, u nduru lejh, hu se jgħinna nirreżistu l-​ispirtu tad-​dinja, tkun kemm tkun diffiċli s-​sitwazzjoni tagħna.—Isaija 41:10.

18. Għala għandna ngħożżu r-​relazzjoni tagħna maʼ Jehovah?

18 F’dinja li tbiegħdet minn Alla u li ġiet imqarrqa mix-​Xitan, aħna bħala l-​poplu taʼ Jehovah ġejna mberkin bl-​għarfien tal-​verità. B’hekk, nesperjenzaw il-​ferħ u l-​paċi li d-​dinja m’għandhiex. (Isaija 57:20, 21; Galatin 5:22) Aħna ngħożżu t-​tama meraviljuża taʼ ħajja taʼ dejjem f’Ġenna taʼ l-​art, fejn l-​ispirtu taʼ din id-​dinja li qed tmut mhux se jibqaʼ jeżisti. Għaldaqstant, jalla ngħożżu r-​relazzjoni prezzjuża tagħna m’Alla u noqogħdu għassa biex nikkoreġu kwalunkwe tendenza li nitbiegħdu spiritwalment. Ejja nersqu dejjem eqreb lejn Jehovah, u hu se jgħinna nirreżistu l-​ispirtu tad-​dinja.—Ġakbu 4:7, 8.

Tistaʼ Tispjega?

• Satana b’liema modi qarraq u żvija lin-​nies?

• Kif nistgħu nevitaw li nitbiegħdu minn Jehovah?

• X’juri li l-​ispirtu tad-​dinja hu qawwi?

• Kif nistgħu nirċievu u nżommu l-​ispirtu li ġej minn Alla?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Tabella f’paġna 11]

L-​GĦERF TAD-​DINJA MQABBEL MAʼ L-​GĦERF T’ALLA

Il-​verità hija relattiva—in-​nies jiddeċiedu huma x’inhi l-​verità.

“Il-​kelma [t’Alla] hi l-​verità.”—Ġwanni 17:17.

Biex tiddetermina x’inhu tajjeb jew ħażin, oqgħod fuq dak li tħoss int.

“Qalb il-​bniedem kollha qerq u mħassra.”—Ġeremija 17:9.

Agħmel fattik.

“Anqas min jimxi ma jistaʼ jiddirieġi l-​passi tiegħu.”—Ġeremija 10:23.

L-​għana huwa ċ-​ċavetta biex tikseb l-​hena.

“Ir-​regħba għall-​flus hi l-​għerq taʼ kull ħażen.”-1 Timotju 6:10.

[Stampa f’paġna 10]

Salamun tbiegħed mill-​qima vera u beda jqim allat foloz

[Stampa f’paġna 12]

Bħal wieħed li jirreklama, Satana jippromwovi l-​ispirtu tad-​dinja. Int tirreżistih dan l-​ispirtu?