Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Mistoqsijiet mill-Qarrejja
L-iskrittura fl-1 Korintin 10:8 għala tgħid li 23,000 Iżraeli nqatlu f’ġurnata waħda minħabba ż-żína, filwaqt li f’Numri 25:9 tgħid li kienu 24,000?
Hemm diversi fatturi li jistgħu jkunu r-raġuni għala hemm din id-differenza fiċ-ċifri f’dawn iż-żewġ versi. L-iktar raġuni sempliċi tistaʼ tkun li n-numru reali huwa bejn it-23,000 u l-24,000, u b’hekk in-numru jkun jistaʼ jqarreb kemm lejn numru u kemm lejn l-ieħor.
Ikkunsidra possibbiltà oħra. L-appostlu Pawlu semma r-rakkont taʼ l-Iżraelin f’Sittim bħala eżempju taʼ twissija għall-Kristjani f’Korintu tal-qedem, belt magħrufa għall-ħajja bla rażan. Hu kiteb: “Anqas ma għandna niżnu, kif xi wħud minnhom żnew, u f’jum wieħed mietu tlieta u għoxrin elf ruħ.” Meta tkellem dwar dawk li ngħataw il-mewt minn Jehovah minħabba li żnew, l-appostlu Pawlu qal li kienu 23,000.—1 Korintin 10:8.
Madankollu, Numri kapitlu 25 jgħid li “l-Iżraelin intrabtu maʼ Bagħal taʼ Pegħor, u l-korla tal-Mulej xegħlet għalihom.” Imbagħad Jehovah ikkmanda lil Mosè sabiex joqtol “lill-kapijiet kollha tal-poplu.” Min-naħa l-oħra, Mosè ordna lill-imħallfin sabiex iwettqu dak li Jehovah kien ordna. Finalment, meta Fineħas aġixxa malajr u qatel lill-Iżraeli li ġab mara Midjanija fil-kamp, “il-flaġell waqaf.” Ir-rakkont jagħlaq bl-istqarrija: “Kienu diġà nqerdu erbgħa u għoxrin elf.”—Numri 25:1-9.
Iċ-ċifra mogħtija f’Numri evidentement inkludiet ‘lill-kapijiet tal-poplu’ li ġew maqtula mill-imħallfin u dawk li ġew maqtula direttament minn Jehovah. Setaʼ kien hemm madwar elf minn dawn il-kapijiet li nqatlu mill-imħallfin, u dan iwassal għat-total taʼ 24,000. Sew jekk dawn il-kapijiet, jew xewwiexa ewlenin, żnew, sew jekk ipparteċipaw fil-festeġġjamenti, u sew jekk qablu maʼ dawk li għamlu dan, huma kienu ħatja talli “ntrabtu maʼ Bagħal taʼ Pegħor.”
Rigward il-kelma “ntrabtu,” xogħol wieħed taʼ referenza tal-Bibbja jispjega li tistaʼ tfisser li “tintrabat maʼ persuna.” L-Iżraelin kienu nies dedikati lil Jehovah, imma meta “ntrabtu maʼ Bagħal taʼ Pegħor,” huma kisru r-relazzjoni dedikata tagħhom m’Alla. Madwar 700 sena wara, permezz tal-profeta Hosegħa, Jehovah qal dwar l-Iżraelin: “Huma ġew Bagħal-pegħor, u kkonsagraw ruħhom lil dak il-mistkerrah, u sfaw mistkerrha bħal min ħabbew.” (Hosegħa 9:10) Dawk kollha li għamlu dan kien jistħoqqilhom ġudizzju divin kontrihom. Għalhekk, Mosè fakkar lil ulied Iżrael: “Rajtu b’għajnejkom x’għamel il-Mulej minħabba Bagħal-pegħor; kull min mar wara Bagħal-pegħor qerdu l-Mulej, Alla tiegħek, minn ġo nofskom.”—Dewteronomju 4:3.