Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Nidentifikaw il-Bhima Salvaġġa u l-Marka Tagħha

Nidentifikaw il-Bhima Salvaġġa u l-Marka Tagħha

Nidentifikaw il-​Bhima Salvaġġa u l-​Marka Tagħha

INT tieħu pjaċir issolvi misteru? Biex tagħmel dan, trid tfittex għal xi ħjiel li jgħinek issib is-​soluzzjoni. Fil-​Kelma ispirata tiegħu, Alla jipprovdi t-​tagħrif meħtieġ rigward in-​numru 666, l-​isem, jew il-​marka, tal-​bhima salvaġġa t’Apokalissi kapitlu 13.

F’dan l-​artiklu se nħarsu lejn erbaʼ linji prinċipali taʼ raġunar—ħjiel vitali—li se jikxfu t-​tifsira tal-​marka tal-​bhima. Aħna se nikkunsidraw (1) kif kultant jiġu magħżulin l-​ismijiet Bibliċi, (2) l-​identità tal-​bhima salvaġġa, (3) xi jfisser il-​fatt li 666 huwa “numru taʼ bniedem,” u (4) is-​sinifikat tan-​numru 6 u għala hu ripetut għal tliet darbiet, jiġifieri, 600 magħdud maʼ 60 u 6, jew 666.—Apokalissi 13:18.

Ismijiet Bibliċi—Iktar minn Sempliċement Tikketti

L-​ismijiet Bibliċi spiss għandhom sinifikat speċjali, partikolarment meta jkunu mogħtijin minn Alla. Per eżempju, minħabba li Abram kien se jsir missier taʼ nazzjonijiet, Alla biddel l-​isem tal-​patrijarka għal Abraham, li jfisser “Missier taʼ Kotra.” (Ġenesi 17:5) Alla qal lil Ġużeppi u Marija biex isemmu lit-​tifel li kien se jkollha Marija Ġesù, li jfisser “Jehovah Hu s-​Salvazzjoni.” (Mattew 1:21; Luqa 1:31) Fi qbil maʼ dak l-​isem li għandu sinifikat speċjali, Jehovah għamilha possibbli li aħna nsalvaw permezz tal-​ministeru u l-​mewt bħala sagrifiċċju taʼ Ġesù.—Ġwanni 3:16.

Fi qbil maʼ dan, l-​isem bin-​numru 666 mogħti minn Alla jissinifika dak li Alla jara bħala l-​attributi distinti tal-​bhima. Naturalment, biex nifhmu dawn l-​attributi, aħna rridu nidentifikaw il-​bhima nfisha u nitgħallmu dwar l-​attivitajiet tagħha.

Identifikata l-​Bhima

Il-​ktieb Bibliku taʼ Danjel jagħtina ħafna informazzjoni dwar it-​tifsir taʼ bhejjem simboliċi. Kapitlu 7 fih stampa ċara taʼ “erbaʼ bhejjem kbar”—iljun, ors, iljupard, u bhima tal-​biżaʼ bi snien kbar tal-​ħadid. (Danjel 7:2-7) Danjel jgħidilna li dawn il-​bhejjem jirrappreżentaw “slaten,” jew saltniet politiċi, li jaħkmu wara xulxin fuq imperi vasti.—Danjel 7:17, 23.

Rigward il-​bhima t’Apokalissi 13:1, 2, The Interpreter’s Dictionary of the Bible juri li din “tgħaqqad l-​attributi kollha taʼ l-​erbaʼ bhejjem tal-​viżjoni taʼ Danjel . . . Fi qbil maʼ dan, l-​ewwel bhima [t’Apokalissi] tirrappreżenta l-​forzi magħqudin tal-​ħakmiet politiċi kollha kontra Alla fid-​dinja.” Din l-​osservazzjoni hija konfermata minn Apokalissi 13:7, li dwar il-​bhima jgħid: “Tawha wkoll setgħa fuq kull tribù u kull poplu, kull ilsien u kull ġens.”—Korsiv tagħna. *

Il-​Bibbja għala tuża l-​bhejjem bħala simboli taʼ ħakma umana? Għal minn taʼ l-​inqas żewġ raġunijiet. L-​ewwel, minħabba l-​kwantità taʼ tixrid taʼ demm li l-​gvernijiet xerrdu bħal bhejjem salvaġġi matul is-​sekli. L-​istorjografi Will u Ariel Durant kitbu: “Il-​gwerra hija waħda mill-​ġrajjiet kontinwi matul l-​istorja, u ma naqsitx biċ-​ċivilizzazzjoni jew id-​demokrazija.” Kemm hu veru li “bniedem jaħkem fuq ieħor u jagħmillu l-​ħsara”! (Koħèlet 8:9) It-​tieni raġuni hija li “d-​Dragun [Satana] taha l-​qawwa tiegħu u t-​tron tiegħu u setgħa kbira.” (Apokalissi 12:9; 13:2) Fi qbil maʼ dan, il-​ħakma umana hija prodott tax-​Xitan, u b’hekk tirrifletti x-​xejra tiegħu taʼ bhima, bħal dragun.—Ġwanni 8:44; Efesin 6:12.

Però, dan ma jfissirx li kull ħakkiem uman hu kontrollat direttament minn Satana. Tabilħaqq, f’ċertu sens, il-​gvernijiet umani jaqdu bħala “qaddej taʼ Alla,” billi jagħtu stabbilità lis-​soċjetà umana, xi ħaġa li mingħajrha taħkem id-​diżordni. U xi mexxejja pproteġew id-​drittijiet fundamentali tal-​bnedmin, inkluż id-​dritt li jipprattikaw il-​qima vera—xi ħaġa li Satana ma jridx. (Rumani 13:3, 4; Esdra 7:11-27; Atti 13:7) Minkejja dan, minħabba l-​influwenza tax-​Xitan, l-​ebda bniedem jew istituzzjoni tal-​bnedmin ma rnexxielha ġġib paċi u sigurtà dejjiema għan-​nies. *Ġwanni 12:31.

“Numru Uman”

It-​tielet ħjiel għat-​tifsir tan-​numru 666 huwa l-​fatt li jissejjaħ “numru taʼ bniedem,” jew bħalma tgħid The Amplified Bible, “numru uman.” Din l-​espressjoni ma tistax tirreferi għal bniedem individwali, għax Satana—mhux kwalunkwe bniedem—għandu l-​awtorità fuq il-​bhima. (Luqa 4:5, 6; 1 Ġwanni 5:19; Apokalissi 13:2, 18) Minflok, il-​fatt li l-​bhima għandha marka jew “numru uman” jissuġġerixxi li hija entità umana, mhux spirtu jew demonju, u li għalhekk għandha karatteristiċi umani. X’jistgħu jkunu dawn? Il-​Bibbja twieġeb billi tgħid: “Il-​bnedmin kollha dinbu u ċċaħħdu mill-​glorja taʼ Alla.” (Rumani 3:23) Għalhekk, il-​fatt li l-​bhima għandha “numru uman” jindika li l-​gvernijiet jirriflettu l-​kundizzjoni midinba tal-​bnedmin, il-​marka tad-​dnub u l-​imperfezzjoni.

L-istorja turi li dan hu veru. “Kull ċivilizzazzjoni li qatt eżistiet eventwalment ġiet fi tmiem,” qal l-​ex-Segretarju Amerikan taʼ l-​Istat Henry Kissinger. “L-​istorja hija rakkont taʼ sforzi li fallew, taʼ tamiet li ma twettqux . . . Għalhekk, bħala storjografu, wieħed ikollu jaċċetta l-​idea li t-​traġedja ma tistax tiġi evitata.” L-​opinjoni onesta taʼ Kissinger taqbel mal-​verità Biblika fundamentali: “Triq il-​bniedem m’hijiex f’idejh, anqas min jimxi ma jistaʼ jiddirieġi l-​passi tiegħu.”—Ġeremija 10:23.

Issa li identifikajna l-​bhima u għarafna kif Alla jħares lejha, ninsabu f’pożizzjoni biex neżaminaw l-​aħħar parti tal-​misteru tagħna—in-​numru sitta u għala hu ripetut tliet darbiet—jiġifieri, 666, jew 600 magħdud maʼ 60 u 6.

In-​Numru Sitta Ripetut Tliet Darbiet—Għala?

Fl-​Iskrittura, ċerti numri għandhom tifsir simboliku. In-​numru sebgħa, per eżempju, spiss jintuża biex jissimbolizza dak li hu komplet, jew perfett, f’għajnejn Alla. Per eżempju, il-​ġimgħa tal-​ħolqien t’Alla fiha sebat ‘ijiem,’ jew perijodi twal taʼ żmien, li matulhom Alla jwettaq kompletament il-​ħolqien ippjanat għall-​art. (Ġenesi 1:3–2:3) Il-​“kliem” t’Alla huwa bħall-​fidda li ġiet “sebaʼ darbiet imsoffija,” u b’hekk irfinut perfettamnt. (Salm 12:7 [12:6, NW]; Proverbji 30:5, 6) Nagħman il-​lebbruż kellu jinħasel sebaʼ darbiet fix-​Xmara Ġordan u wara fieq kompletament.2 Slaten 5:10, 14.

In-numru sitta hu wieħed inqas minn sebgħa. Ma jkunx simbolu xieraq taʼ xi ħaġa imperfetta, jew difettuża, f’għajnejn Alla? Iva, tabilħaqq! (1 Kronaki 20:6, 7) Iktar minn hekk, sitta ripetut tliet darbiet, bħala 666, jenfasizza ħafna din l-​imperfezzjoni. Bħala prova li din hi l-​fehma korretta għandna l-​fatt li 666 hu “numru uman,” bħalma diġà kkunsidrajna. B’hekk, il-​passat tal-​bhima, in-​“numru uman,” u n-​numru nnifsu 666 kollha jippontaw bla ebda dubju għal konklużjoni waħda—nuqqas totali u falliment f’għajnejn Jehovah.

L-istampa tan-​nuqqasijiet tal-​bhima tfakkarna f’dak li ntqal dwar is-​Sultan Beltassar taʼ Babilonja tal-​qedem. Permezz taʼ Danjel, Jehovah qal lil dak il-​ħakkiem: “Intiżint fil-​miżien u kont misjub nieqes fil-​piż.” Dak il-​lejl stess Beltassar inqatel, u l-​Imperu b’saħħtu Babiloniż waqaʼ. (Danjel 5:27, 30) Bl-​istess mod, il-​ġudizzju t’Alla kontra l-​bhima politika u dawk bil-​marka tagħha jfisser il-​qerda taʼ dik l-​entità u dawk li jappoġġawha. Madankollu, meta jiġri dan Alla se jeqred mhux biss sistema politika waħda imma kull traċċa taʼ ħakma umana. (Danjel 2:44; Apokalissi 19:19, 20) Għalhekk, kemm hu importanti li nevitaw li jkollna l-​marka qattiela tal-​bhima!

Identifikata l-​Marka

Eżatt wara li jsemmi n-​numru 666, il-​kiteb taʼ l-​Apokalissi jsemmi 144,000 segwaċi tal-​Ħaruf, Ġesù Kristu, li għandhom ismu u isem Missieru, Jehovah, miktub fuq ġbinhom. Dawn l-​ismijiet jidentifikaw lil dawk li qed iġorruhom bħala li huma taʼ Jehovah u taʼ Ibnu, li dwarhom jagħtu xiehda bi kburija. Bl-​istess mod, dawk li għandhom il-​marka tal-​bhima juru ċar li jaqdu lill-​bhima. Għalhekk, il-​marka, kemm jekk fuq l-​id il-​leminija jew fuq il-​ġbin, b’mod figurattiv, hija simbolu li tidentifika lil dak li jġorrha bħala wieħed li jagħti qima lis-​sistemi politiċi bħal bhejjem fid-​dinja. Dawk li għandhom din il-​marka jagħtu lil “Ċesari” dak li bi dritt jappartjeni lil Alla. (Luqa 20:25; Apokalissi 13:4, 8; 14:1) Kif? Billi jagħtu qima u unur lill-​istat politiku, is-​simboli tiegħu, u l-​qawwa militari tiegħu, u jħarsu lejh għat-​tama u s-​salvazzjoni. Kwalunkwe qima li jagħtu lil Alla veru hija biss bil-​kliem.

B’kuntrast, il-​Bibbja tħeġġiġna: “La tittamawx fil-​kbarat, għax il-​bniedem ma jsalvakomx. Malli toħroġ ruħu, lejn l-​art jerġaʼ jmur; jintemmu dakinhar ħsibijietu.” (Salm 146:3, 4) Dawk li jagħtu kas dan il-​parir għaqli ma jibqgħux diżappuntati meta l-​gvernijiet jonqsu li jwettqu dak li jwiegħdu jew meta mexxejja b’personalità li tiġbdek jitilfu pożizzjoni prominenti.—Proverbji 1:33.

Dan ma jfissirx li l-​Kristjani veri joqogħdu b’idejhom fuq żaqqhom u ma jagħmlu xejn dwar il-​gwaj taʼ l-​umanità. Pjuttost, huma jipproklamaw fil-​beraħ l-​uniku gvern li se jsolvi l-​problemi tal-​bnedmin—is-​Saltna t’Alla, li huma jirrappreżentaw.—Mattew 24:14.

Is-​Saltna t’Alla—L-​Unika Tama għall-​Umanità

Meta kien fuq l-​art, Ġesù għamel is-​Saltna t’Alla t-​tema prinċipali taʼ l-​ippridkar tiegħu. (Luqa 4:43) Fit-​talba mudell tiegħu, kultant imsejħa t-​Talba tal-​Missierna, Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu biex jitolbu ħalli tiġi dik is-​Saltna u biex iseħħ dak li jrid Alla hawn fuq l-​art. (Mattew 6:9, 10) Is-​Saltna hija gvern li se jaħkem fuq l-​art kollha, mhux minn xi belt kapitali fuq l-​art, imma mis-​sema. Għalhekk, Ġesù sejħilha “s-​Saltna tas-​Smewwiet.”—Mattew 11:12.

Min hemm aħjar minn Ġesù Kristu biex ikun is-​Sultan taʼ dik is-​Saltna, dak il-​wieħed li miet għas-​sudditi futuri tiegħu? (Isaija 9:5, 6 [9:6, 7, NW]; Ġwanni 3:16) Dalwaqt, dan il-​Mexxej perfett, li issa hu spirtu b’saħħtu, se jwaddab il-​bhima, is-​slaten tagħha, u l-​armati tagħha fil-​“belliegħa tan-​nar jaqbad tal-​kubrit,” simbolu taʼ qerda kompleta. Imma dan mhux kollox. Ġesù se jeqred lil Satana wkoll, xi ħaġa li ebda bniedem ma jistaʼ qatt jagħmel.—Apokalissi 11:15; 19:16, 19-21; 20:2, 10.

Is-Saltna t’Alla se ġġib paċi għas-​sudditi ubbidjenti kollha tagħha. (Salm 37:11, 29; 46:9, 10 [46:8, 9, NW]) Anki n-​niket, l-​uġigħ, u l-​mewt se jispiċċaw. Xi prospett glorjuż għal dawk kollha li jibqgħu ħielsa mill-​marka tal-​bhima!—Apokalissi 21:3, 4.

[Noti taʼ taħt]

^ par. 9 Għal diskussjoni fil-​fond taʼ dawn il-​versi, ara kapitlu 28 tal-​ktieb Revelation—Its Grand Climax At Hand!, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

^ par. 11 Waqt li jirrikonoxxu li l-​ħakma umana hi spiss bħal bhima, Kristjani veri jissottomettu ruħhom għall-​‘awtoritajiet taʼ fuqhom’ governattivi, bħalma tgħidilna l-​Bibbja. (Rumani 13:1) Madankollu, meta dawn l-​awtoritajiet jikkmandawhom biex jaġixxu kontra l-​liġi t’Alla, huma ‘jobdu aktar lil Alla milli l-​bnedmin.’—Atti 5:29.

[Kaxxa f’paġna 5]

Ħjiel dwar it-​Tifsira tan-​Numru 666

1. L-​ismijiet Bibliċi spiss juru xi ħaġa dwar il-​kwalitajiet jew il-​ħajja taʼ l-​individwu b’dak l-​isem, bħal fil-​każ t’Abraham, Ġesù, u ħafna oħra. Bl-​istess mod, l-​isem tal-​bhima f’għamla taʼ numru jirrappreżenta l-​karatteristiċi tagħha.

2. Fil-​ktieb Bibliku taʼ Danjel, id-​diversi bhejjem jirrappreżentaw saltniet, jew imperi, umani li jaħkmu wara xulxin. Il-​bhima komposta t’Apokalissi 13:1, 2 tissimbolizza s-​sistema politika dinjija, mogħtija s-​saħħa u kontrollata minn Satana.

3. Il-​fatt li l-​bhima għandha “numru taʼ bniedem” jew “numru uman,” jindika li hija entità umana, mhux demonju. Għalhekk, tirrifletti n-​nuqqasijiet tal-​bnedmin bħala riżultat tad-​dnub u l-​imperfezzjoni.

4. F’għajnejn Alla, ladarba n-​numru sitta m’huwiex daqs is-​sebgħa, numru Bibliku komplet jew perfett, dan jindika imperfezzjoni. Il-​marka 666 tenfasizza dak in-​nuqqas billi tirrepeti n-​numru tliet darbiet.

[Stampi f’paġna 6]

Il-​ħakma umana wriet li falliet, simbolizzata tajjeb bin-​numru 666

[Sors]

Tifel qed imut bil-​ġuħ: UNITED NATIONS/Photo by F. GRIFFING

[Stampi f’paġna 7]

Ġesù Kristu se jġib ħakma perfetta fuq l-​art