Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Qiegħed Int Tiffoka fuq il-Premju?

Qiegħed Int Tiffoka fuq il-Premju?

Qiegħed Int Tiffoka fuq il-​Premju?

IL-​MARDA tinfirex bil-​mod il-​mod. Fil-​bidu tibda tnaqqas il-​vista taʼ dak li jkun mit-​truf taʼ l-​għajn. Jekk ma tiġix ikkurata, tistaʼ tinfirex lejn iċ-​ċentru tal-​vista. Fl-​aħħar, din tistaʼ tkun il-​kaġun li l-​vista tintilef kompletament. Din xi tkun? Il-​Glawkoma—marda li tistaʼ tħallik agħma.

Sewwa sew bħalma nistgħu nitilfu l-​vista letterali tagħna bil-​mod il-​mod u minħabba xi ħsara li tkun qed issir bla ma nindunaw, nistgħu nitilfu forma taʼ vista li hi saħansitra iktar prezzjuża—il-​vista spiritwali tagħna. Għaldaqstant, huwa vitali li nibqgħu ffokati sew fuq l-​affarijiet spiritwali u nqisuhom bħala li huma taʼ l-​akbar importanza f’ħajjitna.

Nibqgħu Ffokati fuq il-​Premju

Fost ‘il-​ħwejjeġ li ma jidhrux’ mill-​għajnejn letterali tagħna hemm il-​premju glorjuż taʼ ħajja eterna, li Jehovah joffri lil dawk leali lejh. (2 Korintin 4:18) Ovvjament, ir-​raġuni ewlenija għala l-​Kristjani jaqdu lil Alla hija għax iħobbuh. (Mattew 22:37) Madankollu, Jehovah iridna nħarsu ’l quddiem lejn il-​premju tagħna. Hu jixtieqna narawh bħala Missier ġeneruż li “jagħti l-​ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh.” (Lhud 11:6) Għalhekk, dawk li tassew jafu lil Alla u jħobbuh, jgħożżu l-​barkiet imwegħdin tiegħu u jixxennqu għat-​twettiq tagħhom.—Rumani 8:19, 24, 25.

Ħafna qarrejja taʼ din ir-​rivista u taʼ Stenbaħ!, rivista li tmur id f’id magħha, jieħdu pjaċir bit-​tpinġija dwar il-​Ġenna taʼ l-​art li ġejja. Ovvjament, aħna ma nafux bl-​eżatt kif se tkun il-​Ġenna taʼ l-​art, u l-​istampi pubblikati huma sempliċement rappreżentazzjoni artistika bbażata fuq siltiet mill-​Bibbja, bħal Isaija 11:6-9. Madankollu, waħda mara Kristjana qalet: “Meta fit-​Torri taʼ l-​Għassa u Stenbaħ! nara stampi tal-​Ġenna taʼ l-​art li ġejja, jien neżaminahom mill-​qrib bħalma wieħed jeżamina browxer tas-​safar. Nimmaġina lili nnifsi hemmhekk għax hemm hu l-​post fejn verament nittama li nkun fiż-​żmien stabbilit minn Alla.”

L-appostlu Pawlu ħassu l-​istess dwar ‘is-​sejħa tiegħu għal hemm fuq.’ Hu ma kkunsidrax lilu nnifsu bħala li diġà akkwistaha, għaliex hu kellu jagħti prova li hu kien se jibqaʼ leali sa l-​aħħar. Imma hu kompla ‘jilħaq dak li hemm quddiemu.’ (Filippin 3:13, 14) Bl-​istess mod, Ġesù ssaporta l-​mewt fuq zokk tat-​tortura “[għall-]hena li kellu quddiemu.”—Lhud 12:2.

Ġieli kellek xi dubju dwar jekk intix se tidħol fid-​dinja l-​ġdida? Hija xi ħaġa verament tajba li ma tkunx kunfidenti żżejjed, ladarba jekk nirċivux il-​premju tal-​ħajja jew le jiddependi milli nibqgħu leali sa l-​aħħar. (Mattew 24:13) Madankollu, jekk qed nagħmlu l-​aħjar tagħna biex nilħqu dak li Alla jeħtieġ minna, għandna kull raġuni biex inkunu fiduċjużi li naqilgħu l-​premju. Ftakar li Jehovah “ma jridx li xi ħadd jintilef, imma li kulħadd jersaq għall-​indiema.” (2 Pietru 3:9) Jekk nafdaw f’Jehovah, hu se jgħinna nilħqu l-​mira tagħna. Tabilħaqq, Jehovah ma joqgħodx ifittex raġunijiet biex jiskwalifika lil dawk li jipprovaw jogħġbuh sinċerament.—Salm 103:8-11; 130:3, 4; Eżekjel 18:32.

Meta nkunu nafu kif iħossu Jehovah dwar il-​poplu tiegħu jkollna tama—kwalità taʼ importanza daqs il-​fidi. (1 Korintin 13:13) Il-​kelma Griega tradotta “tama” fil-​Bibbja ġġorr il-​ħsieb taʼ “stennija [ħerqana] għat-​tajjeb.” B’tama bħal din f’moħħu, Pawlu kiteb: “Imma aħna nixtiequ li kull wieħed minnkom juri l-​istess bżulija sabiex ikollu fiduċja sħiħa fit-​tama sat-​tmiem, biex ma titgħażżnux, imma timitaw lil dawk li bil-​fidi u l-​paċenzja jirtu l-​wegħdi.” (Lhud 6:11, 12, NW) Innota li jekk inkomplu naqdu lil Jehovah lealment, nistgħu nkunu fiduċjużi li t-​tama tagħna se titwettaq. Kuntrarju għal ħafna aspirazzjonijiet tad-​dinja, din it-​tama “ma twassalx għal diżappunt.” (Rumani 5:5, NW) Allura kif nistgħu nżommu t-​tama tagħna ħajja u nibqgħu ffokati sew fuqha?

Kif Niffokaw Aħjar Spiritwalment

L-​għajnejn fiżiċi tagħna ma jistgħux jiffokaw fuq żewġ affarijiet fl-​istess ħin. Nistgħu ngħidu l-​istess ħaġa dwar il-​vista spiritwali tagħna. Jekk niffokaw fuq l-​affarijiet tas-​sistema dinjija preżenti, żgur li mhux se nibqgħu ffokati sew fuq id-​dinja l-​ġdida mwiegħda minn Alla. Maż-​żmien, din l-​istampa tajba li tibda tiċċajpar tistaʼ ma tibqax tiġbdek u titlaq minn quddiem għajnejk. Xi traġedja tkun dik! (Luqa 21:34) Kemm huwa importanti, għalhekk, li nżommu ‘għajn sempliċi’—waħda li tibqaʼ ffokata fuq is-​Saltna t’Alla u l-​premju taʼ ħajja taʼ dejjem!—Mattew 6:22, NW.

Mhux dejjem faċli li nżommu għajn sempliċi. Il-​problemi minn ġurnata għall-​oħra jirrikjedu l-​attenzjoni tagħna, u quddiemna jistgħu jitfaċċaw distrazzjonijiet kif ukoll tentazzjonijiet. F’ċirkustanzi bħal dawn, kif nistgħu nibqgħu ffokati fuq is-​Saltna u d-​dinja l-​ġdida mwiegħda t’Alla mingħajr ma nittraskuraw l-​attivitajiet neċessarji l-​oħra? Ejja nikkunsidraw tliet modi.

Studja l-​Kelma t’Alla kuljum. Il-​qari regulari tal-​Bibbja u l-​istudju taʼ pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja jgħinuna nżommu moħħna ffokat fuq affarijiet spiritwali. Veru, forsi ilna nistudjaw il-​Bibbja snin sħaħ, imma rridu nkomplu nistudjawha, bħalma għandna bżonn nibqgħu nieklu ikel fiżiku biex insostnu ħajjitna. Aħna ma niqfux nieklu minħabba li kilna eluf taʼ ikliet fil-​passat. Għalhekk, minkejja kemm nistgħu nkunu familjari mal-​Bibbja, il-​ħin kollu għandna bżonn nieħdu nutriment spiritwali regulari minnha jekk irridu nżommu t-​tama tagħna ħajja u l-​fidi u l-​imħabba tagħna b’saħħithom.—Salm 1:1-3.

Immedita b’apprezzament fuq il-​Kelma t’Alla. Il-​meditazzjoni għala hija essenzjali? Għal żewġ raġunijiet. L-​ewwel, permezz tal-​meditazzjoni nkunu nistgħu nifhmu sew dak li naqraw kif ukoll niżviluppaw apprezzament mill-​qalb għalih. It-​tieni, il-​meditazzjoni żżommna milli ninsew lil Jehovah, ix-​xogħlijiet taʼ l-​għaġeb tiegħu, u t-​tama li poġġa quddiemna. Bħala eżempju: L-​Iżraelin li telqu mill-​Eġittu maʼ Mosè raw b’għajnejhom stess turijiet tal-​qawwa taʼ l-​għaġeb li għandu Jehovah. Huma ħassew ukoll il-​protezzjoni tiegħu bl-​imħabba hekk kif mexxiehom lejn wirthom. Madankollu, bil-​kemm laħqu waslu fid-​deżert fi triqithom lejn l-​Art Imwiegħda li ma bdewx igergru, u dan wera nuqqas serju taʼ fidi. (Salm 78:11-17) X’kienet il-​problema tagħhom?

Il-poplu ma baqax jiffoka fuq Jehovah u t-​tama mill-​isbaħ li poġġielhom quddiemhom, imma minflok beda jitfaʼ ħsiebu fuq il-​kumditajiet immedjati tiegħu u l-​bżonnijiet fiżiċi. Minkejja s-​sinjali mirakolużi u l-​għeġubijiet li huma stess kienu xhieda tagħhom, ħafna Iżraelin saru gemgiema bla fidi. “Iżda malajr insew għemilu [Jehovah],” jgħid Salm 106:13. (Korsiv tagħna.) Lil dik il-​ġenerazzjoni, din it-​traskuraġni li ma tistax tiġi skużata switilha d-​dħul fl-​Art Imwiegħda.

Għaldaqstant, meta taqra l-​Iskrittura jew letteratura oħra bħala għajnuna għal studju tal-​Bibbja, ħu l-​ħin biex timmedita fuq dak li taqra. Riflessjoni bħal din hija vitali biex tkompli tissaħħaħ u tikber spiritwalment. Per eżempju, meta taqra Salm 106, li parti minnu hija kwotata hawn fuq, immedita fuq il-​kwalitajiet taʼ Jehovah. Osserva kemm kien paċenzjuż u ħanin maʼ l-​Iżraelin. Ara kif hu għamel kulma setaʼ biex jgħinhom jaslu sa l-​Art Imwiegħda. Innota kif huma rribellaw kontinwament kontrih. Ħoss id-​diqa u l-​uġigħ tiegħu hekk kif baqaʼ juri l-​ħniena u l-​paċenzja sal-​limitu mal-​poplu li b’qalb iebsa ma kienx jaf japprezza. Ukoll, billi nimmeditaw fuq versi 30 u 31, li jiddeskrivu l-​waqfa soda u kuraġġuża li ħa Fineħas favur il-​ġustizzja, niġu żgurati li Jehovah ma jinsiex lil dawk leali lejh u jippremjahom bil-​kbir.

Applika l-​prinċipji Bibliċi f’ħajtek. Hekk kif insegwu l-​prinċipji Bibliċi, aħna stess naraw kemm jaħdmu l-​pariri taʼ Jehovah. Proverbji 3:5, 6 jgħid: “Ittama fil-​Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-​għaqal tiegħek. Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.” Aħseb dwar kif il-​modi immorali taʼ ħafna nies kienu l-​kaġun taʼ problemi mentali, emozzjonali, u fiżiċi. Billi jinvolvu ruħhom fi pjaċiri tal-​mument, nies bħal dawn jaħsdu snin—saħansitra ħajja sħiħa—taʼ niket. B’kuntrast kbir, dawk li jgħaddu mit-​‘triq id-​dejqa’ jesperjenzaw bil-​quddiem farka minn kif se tkun il-​ħajja fis-​sistema l-​ġdida, u dan jinkuraġġihom jibqgħu fit-​triq tal-​ħajja.—Mattew 7:13, 14; Salm 34:9 (34:8, NW).

Jistaʼ jkun taʼ sfida biex tapplika l-​prinċipji Bibliċi. Xi drabi, soluzzjoni li mhix skritturali tistaʼ tidher li se ssolvi immedjatament xi sitwazzjoni taʼ inkwiet. Per eżempju, meta tkun għaddej minn problemi finanzjarji, tistaʼ tiġik it-​tentazzjoni biex tpoġġi l-​interessi tas-​Saltna fit-​tieni post. Madankollu, dawk li jaġixxu bil-​fidi u jibqgħu ffokati spiritwalment jiġu żgurati li fl-​aħħar se “jkollhom l-​hena dawk li jibżgħu minn Alla.” (Koħèlet 8:13 [8:12, NW]) Kultant, Kristjan għandu mnejn ikollu jaħdem iktar mill-​ħin normali, imma qatt ma jsir bħal Għesaw, li ddisprezza l-​affarijiet spiritwali billi warrabhom bħallikieku bla ebda importanza.—Ġenesi 25:34; Lhud 12:16.

Ġesù spjega ċar ir-​responsabbiltajiet tagħna bħala Kristjani. Aħna rridu nibqgħu ‘nfittxu l-​ewwel is-​Saltna u l-​ġustizzja t’Alla.’ (Mattew 6:33) Jekk nagħmlu hekk, Jehovah se jurina l-​imħabba tiegħu bħal dik taʼ missier billi jara li jkollna dak li neħtieġu materjalment. Hu żgur li ma jridniex nitgħabbew b’ansjetà dwar affarijiet li hu jgħid li se jieħu ħsiebhom hu. Ansjetà bla bżonn bħal din tistaʼ tkun bħal glawkoma spiritwali—li jekk tiġi traskurata, tibda tnaqqsilna l-​vista u naraw biss il-​bżonnijiet materjali u fl-​aħħar iġġibna għomja spiritwalment. Jekk nibqgħu f’din il-​kundizzjoni, il-​jum taʼ Jehovah se jiġi fuqna “bħal nassa.” Xi traġedja tkun dik!—Luqa 21:34-36.

Ibqaʼ Ffokat bħal Ġożwè

Ejja nżommu t-​tama glorjuża li għandna tas-​Saltna ffokata sew billi npoġġu responsabbiltajiet oħrajn f’posthom. Billi nibqgħu nippersistu fir-​rutina taʼ l-​istudju, il-​meditazzjoni, u l-​applikar tal-​prinċipji Bibliċi, nistgħu nibqgħu fiduċjużi mit-​tama tagħna bħalma għamel Ġożwè. Wara li kien iggwida lil Iżrael fl-​Art Imwiegħda, hu qal: “Kunu afu b’qalbkom kollha u b’ruħkom kollha li ebda waħda mill-​wegħdiet taʼ ġid li għamlilkom il-​Mulej, Alla tagħkom, ma naqset. Kollha seħħulkom, ebda waħda minnhom ma marret fix-​xejn!”—Ġożwè 23:14.

Jalla t-​tama tas-​Saltna tagħtik is-​saħħa, u ssebbaħlek kull ġurnata hekk kif tkompli turiha fil-​ħsibijiet, l-​emozzjonijiet, id-​deċiżjonijiet, u l-​attivitajiet tiegħek.—Proverbji 15:15; Rumani 12:12.

[Stampa f’paġna 21]

Ġieli kellek xi dubju dwar jekk intix se tidħol fid-​dinja l-​ġdida?

[Stampa f’paġna 22]

Il-​meditazzjoni hija parti vitali mill-​istudju tal-​Bibbja

[Stampi f’paġna 23]

Ibqaʼ ffokat fuq l-​interessi tas-​Saltna