Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Sagrifiċċji Żgħar Ġabulna Barkiet Kbar

Sagrifiċċji Żgħar Ġabulna Barkiet Kbar

Bijografija

Sagrifiċċji Żgħar Ġabulna Barkiet Kbar

KIF RAKKONTATA MINN GEORGE U ANN ALJIAN

JIEN u marti lanqas qatt ma konna noħolmu li xi darba għad nitfixklu “għalliem” maʼ “ġurdien.” Lanqas qatt m’għaddielna minn moħħna li taʼ 60 sena se nkunu qed inħabblu moħħna b’ittri t’alfabet stramb fi sforz biex nikkomunikaw maʼ nies mil-​Lvant Imbiegħed. Madankollu, hekk għamilna jien u Ann fl-​aħħar tas-​snin 80 tas-​seklu l-​ieħor. Ħallina ngħidulek kif is-​sagrifiċċji żgħar li għamilna matul is-​snin wassluna għal ħafna barkiet.

JIEN ġejt minn familja taʼ dixxendenza Armenjana u kont nagħmel parti mill-​Knisja Armenjana. Ann kienet Kattolika Rumana. It-​tnejn li aħna kkompromettejna t-​twemmin tagħna meta żżewwiġna fl-​1950. Jien kelli 27 sena u Ann kellha 24. Morna noqogħdu f’appartament fuq il-​ħanut tad-​dry cleaning li kelli fil-​Belt taʼ Jersey, New Jersey, l-​Istati Uniti. Sa dak iż-​żmien, dan in-​negozju kien ilu għandi għal madwar erbaʼ snin.

Fl-1955 xtrajna dar sabiħa bi tliet kmamar tas-​sodda ġo Middletown, fi New Jersey. Dik id-​dar kienet 60 kilometru ’l bogħod min-​negozju tiegħi, fejn kont naħdem sitt ijiem fil-​ġimgħa. Kuljum kont nasal id-​dar tard bil-​lejl. L-​uniku kuntatt li kelli max-​Xhieda taʼ Jehovah kien meta minn żmien għal żmien kienu jiġu l-​ħanut tiegħi u jħalluli xi letteratura bbażata fuq il-​Bibbja. Kont naqra l-​letteratura b’interess kbir. Minkejja li n-​negozju tiegħi kien jiħodli ħafna mill-​ħin u l-​attenzjoni tiegħi, jien żviluppajt rispett profond għall-​Bibbja.

Wara ftit sirt naf li l-​istazzjon tar-​radju Watchtower, WBBR, kien qed ixandar lezzjonijiet mill-​Bibbja meta kont inkun fil-​karozza fi triqti lejn il-​ħanut u lura. Kont nismaʼ dawn il-​lezzjonijiet b’attenzjoni, u l-​interess tiegħi tant kiber li tlabt lix-​Xhieda biex jiġu jżuruni. F’Novembru taʼ l-​1957, George Blanton ġie d-​dar tiegħi u beda studju tal-​Bibbja miegħi.

Il-​Familja Tagħna Ssir Magħquda fil-​Qima Pura

Ann kif ħassitha dwar dan kollu? Ħalli tgħidilna.

“Għall-​bidu kont nopponi bl-​aħrax. Waqt l-​istudju tal-​Bibbja taʼ George, tant kont infixkilhom li hu ddeċieda li l-​istudju jsir xi mkien ieħor, u dan kompla sejjer għal tmien xhur. F’dan il-​perijodu, George beda jattendi l-​laqgħat nhar taʼ Ħadd fis-​Sala tas-​Saltna. Minn dan indunajt kemm kien ħa l-​istudju tal-​Bibbja tiegħu bis-​serjetà għax din kienet l-​unika ġurnata libera tiegħu. Madankollu, hu baqaʼ jaqdi dmiru sew bħala raġel u missier—anzi sar aħjar—u l-​attitudni tiegħi bdiet tinbidel. Fil-​fatt, xi drabi meta kont inkun qed infarfar it-​tavolina, meta ma kien ikun hemm ħadd, kont naqbad ir-​rivista Stenbaħ! li George dejjem kien iħalli hemm, u kont naqraha. Drabi oħrajn, George kien jaqrali xi artikli minn Stenbaħ! li ma kinux direttament dwar tagħlim mill-​Bibbja imma li dejjem kienu jpoġġu enfasi fuq il-​Ħallieq.

“Lejla waħda waqt li George ħareġ biex imur għall-​istudju tal-​Bibbja maʼ Ħuna Blanton, qbadt pubblikazzjoni li t-​tifel tagħna George, li kellu sentejn, kien poġġa fuq il-​komodina ħdejn is-​sodda tiegħi. Kienet titkellem dwar it-​tama għall-​mejtin. Minkejja li kont għajjiena, bdejt naqraha għax in-​nanna tiegħi kienet għadha kif mietet u kont inħossni bla tama. Jien mill-​ewwel rajt u apprezzajt il-​verità mill-​Bibbja li l-​mejtin m’humiex qegħdin ibatu xi mkien u li huma se jerġgħu lura għall-​ħajja permezz taʼ rxoxt fil-​futur. Malajr tarli n-​ngħas kollu u qomt bil-​qiegħda fis-​sodda nimmarka l-​punti li ridt nuri lil George x’ħin jiġi lura mill-​istudju tal-​Bibbja.

“Żewġi bil-​kemm ried jemmen li jien kont l-​istess persuna. X’ħin ħareġ mid-​dar, kont nopponi, u issa kont qed inbaqbaq bil-​veritajiet meraviljużi li kont tgħallimt mill-​Bibbja! Bqajna mqajmin sa kmieni fil-​għodu nitkellmu dwar il-​Bibbja. George spjegali l-​iskop t’Alla għall-​art. Dak il-​lejl stess staqsejtu jekk setax jagħmel l-​istudju tiegħu d-​dar ħalli jien inkun nistaʼ ningħaqad magħhom ukoll.

“Ħuna Blanton kien tal-​parir li t-​tfal joqogħdu għall-​istudju tagħna wkoll. Aħna konna tal-​fehma li huma kienu żgħar ħafna, peress li kellhom biss sentejn u erbaʼ snin. Però, Ħuna Blanton uriena Dewteronomju 31:12 li jgħid: ‘Iġbor il-​poplu, l-​irġiel u n-​nisa, it-​tfal . . . , biex jisimgħu u jitgħallmu.’ (Korsiv tagħna.) Aħna apprezzajna dik il-​gwida u saħansitra ħadna ħsieb li t-​tfal jikkummentaw matul l-​istudju tal-​Bibbja. Konna nippreparaw il-​kummenti tagħna flimkien, imma qatt m’għednielhom x’għandhom jgħidu. Aħna nħossu li dan għen lil uliedna biex il-​verità ssir parti minnhom. Aħna dejjem se nkunu grati għall-​gwida li Ħuna Blanton tana biex ngħinu lill-​familja tagħna tikber spiritwalment.”

Sfidi li Jirrikjedu Sagrifiċċju

Issa li konna magħqudin nistudjaw il-​Bibbja, kellna sfidi ġodda x’niffaċċjaw. Peress li l-​ħanut tiegħi kien daqshekk ’il bogħod, normalment ma kontx nasal id-​dar qabel id-​disgħa taʼ fil-​għaxija. Minħabba f’hekk, ma stajtx nattendi l-​laqgħat fost il-​ġimgħa, għalkemm stajt nattendi l-​Ħdud. Sa dak iż-​żmien, Ann kienet tattendi l-​laqgħat kollha u kienet qed tagħmel ħafna progress. Jien ukoll xtaqt nattendi l-​laqgħat kollha kif ukoll nikkonduċi studju tal-​familja kif jixraq. Kont naf li kelli nagħmel ftit sagrifiċċji. Għalhekk, iddeċidejt li nnaqqas is-​sigħat tan-​negozju tiegħi, anki b’riskju li nitlef lil xi wħud mill-​klijenti li kelli.

Dan l-​arranġament ħadem tajjeb ħafna. Aħna konna nqisu l-​istudju tal-​familja importanti daqs il-​ħames laqgħat l-​oħrajn fis-​Sala tas-​Saltna. Konna nsejħulu s-​sitt laqgħa. Dan kien ifisser li kellu jkun hemm ġurnata u ħin speċifiku għalih—kull nhar taʼ Erbgħa fit–8:00 p.m. Kultant, wara l-​ikla taʼ fil-​għaxija, hekk kif konna llestu l-​ħasil tal-​platti fil-​kċina, xi ħadd minna kien jgħid, “Kważi sar il-​ħin għal-​‘laqgħa’!” Ann kienet tibda l-​istudju jekk jien inkun għadni ma wasaltx, imbagħad jien kont inkomplih hekk kif nasal.

Ħaġa oħra li żammitna b’saħħitna u magħqudin bħala familja kienet li naqraw l-​iskrittura tal-​jum kull fil-​għodu. Però kellna problema biex nirranġaw ħin addattat. Kulħadd kien iqum f’ħin differenti. Aħna tkellimna bejnietna dwar dan u ddeċidejna li kollha nqumu fl-​istess ħin, nieħdu l-​kolazzjon fis–6:30 a.m., u nikkunsidraw l-​iskrittura tal-​jum flimkien. Dan swielna taʼ ġid kbir. Meta ż-​żewġ subien tagħna kibru, huma għażlu li jidħlu fis-​servizz taʼ Betel. Aħna ħassejna li dawn id-​diskussjonijiet taʼ kuljum kienu t’għajnuna għall-​ispiritwalità tagħhom.

Il-​Privileġġi wara l-​Magħmudija Jitolbu Sagrifiċċji Akbar

Jien tgħammidt fl-​1962, u wara li kelli n-​negozju tiegħi għal 21 sena, begħtu u sibt xogħol fil-​post fejn kont noqgħod biex inkun iktar qrib il-​familja tiegħi, u b’hekk stajna naqdu lil Jehovah flimkien. Dan fetaħ it-​triq għal ħafna barkiet. Aħna għamilna mira li lkoll kemm aħna nibdew naqdu bħala ministri full-time. Bdejna fil-​bidu tas-​snin 70, meta Edward, it-​tifel il-​kbir tagħna, beda jaqdi bħala ministru full-time, jew pijunier regulari, eżatt wara li spiċċa l-​iskola sekondarja. Ftit wara, it-​tifel tagħna George sar pijunier, u Ann bdiet ftit warajh. Jien kont ninkuraġġixxi ruħi ħafna bit-​tlieta li huma hekk kif kienu jgħiduli l-​esperjenzi li kellhom fis-​servizz taʼ l-​għalqa. Bħala familja, iddiskutejna kif stajna nissimplifikaw ħajjitna sabiex ilkoll stajna naqdu fis-​servizz full-time. Għalhekk, iddeċidejna li nbigħu d-​dar. Konna ilna ngħixu fiha għal 18-il sena, u rabbejna l-​familja ġo fiha. Aħna vera konna nħobbuha d-​dar tagħna, imma Jehovah bierek id-​deċiżjoni tagħna biex inbigħuha.

Edward ġie mistieden biex jaqdi ġo Betel fl-​1972, u George fl-​1974. Għalkemm jien u Ann immissjajniehom, ma qgħadniex naħsbu dwar kemm kienet tkun ħaġa sabiħa kieku kellhom jibqgħu joqogħdu fl-​inħawi tagħna, jiżżewġu, u jkollhom it-​tfal. Minflok, konna ferħanin li s-​subien tagħna kienu qed jaqdu lil Jehovah ġo Betel. * Aħna naqblu maʼ Proverbji 23:15, li jgħid: “Ibni, jekk qalbek tħobb l-​għerf, lili wkoll tferraħli qalbi.”

Nibdew Naqdu fis-​Servizz taʼ Pijunieri Speċjali

B’uliedna t-​tnejn ġewwa Betel, komplejna fix-​xogħol bħala pijunieri. Imbagħad, jum wieħed fl-​1975, irċivejna ittra li fiha ġejna mistidnin biex naqdu fix-​xogħol taʼ pijunieri speċjali f’territorju mhux assenjat fi Clinton County, Illinois. X’sorpriża kienet dik! Dan kien ifisser li kellna nitilqu minn New Jersey, fejn konna qrib is-​subien tagħna fi New York u fejn kellna l-​qraba u l-​ħbieb. Madankollu, aħna ħarisna lejh bħala inkarigu mingħand Jehovah u għamilna s-​sagrifiċċju, li wassal għal iktar barkiet.

Wara diversi xhur li konna ilna naħdmu f’territorju mhux assenjat, bdejna nagħmlu l-​laqgħat f’sala li krejna ġewwa Carlyle, Illinois. Imma aħna xtaqna post permanenti fejn stajna niltaqgħu. Wieħed ħu u martu li kienu joqogħdu f’Carlyle sabu proprjetà b’dar żgħira ħafna li stajna nikru. Naddafnieha—kollha kemm hi inkluż id-​dar u kamra b’tojlit fiha li kien hemm barra—u bdilnieha f’post ċkejken fejn stajna niltaqgħu. Niftakru b’għożża li kien hemm żiemel li tgħidx kemm kien kurjuż dwarna. Spiss kien idaħħal rasu minn ġot-​tieqa biex jara x’kien qed isir fil-​laqgħa!

Maż-żmien, ġiet ifformata l-​Kongregazzjoni taʼ Carlyle, u aħna konna ferħanin li kellna sehem f’dan. Konna megħjunin minn Steve u Karil Thompson, koppja żagħżugħa taʼ pijunieri, li bħalna kienu ġew biex jaħdmu t-​territorju mhux assenjat. It-​Thompsons baqgħu hemm għal diversi snin, u wara attendew l-​Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead) u marru f’inkarigu missjunarju fil-​Lvant taʼ l-​Afrika, fejn jaqdu fix-​xogħol taʼ l-​ivvjaġġar.

Dan il-​post żgħir fejn konna niltaqgħu ma damx ma beda jkun ippakkjat bin-​nies, u għalhekk kellna bżonn taʼ sala akbar. L-​istess ħu li semmejna u martu reġgħu solvewlna l-​problema u xtraw proprjetà li kienet iktar addattata għal Sala tas-​Saltna. Kemm konna ferħanin meta ftit snin wara ġejna mistidnin għad-​dedikazzjoni tas-​Sala tas-​Saltna li kienet għadha kemm inbniet f’Carlyle! Jien kelli l-​privileġġ li nagħti t-​taħdita tad-​dedikazzjoni. L-​inkarigu tagħna hemmhekk kien esperjenza meraviljuża għalina, barka mingħand Jehovah.

Aspett Ġdid taʼ Servizz Miftuħ Għalina

Fl-​1979 irċivejna inkarigu ġdid, f’Harrison, New Jersey. Bqajna naqdu hemm għal madwar 12-il sena. Matul dak il-​perijodu, bdejna studju tal-​Bibbja maʼ mara Ċiniża, u dan wassal għal ħafna studji oħra maʼ nies Ċiniżi. Sadanittant, sirna nafu li eluf taʼ studenti u familji Ċiniżi kienu joqogħdu fl-​inħawi tagħna. Minħabba f’hekk, ġejna inkuraġġiti biex nitgħallmu l-​lingwa Ċiniża. Għalkemm dan kien jitlob ammont taʼ ħin kull ġurnata biex nistudjaw il-​lingwa, ir-​riżultat kien li gawdejna ħafna studji tal-​Bibbja maʼ nies Ċiniżi fl-​inħawi tagħna.

Matul dawk is-​snin, għaddejna minn ħafna esperjenzi tad-​daħq, speċjalment meta konna nipprovaw nitkellmu biċ-​Ċiniż. Darba minnhom Ann introduċiet ruħha bħala “ġurdien” tal-​Bibbja minflok “għalliema.” Il-​kliem jixxiebah ħafna. L-​inkwilina tbissmet u qalet: “Idħol jekk jogħġbok. Qatt ma tkellimt maʼ ġurdien tal-​Bibbja.” Għadna s’issa nitħabtu mal-​lingwa.

Imbagħad ġejna inkarigati mmorru naqdu f’post ieħor ġewwa New Jersey fejn stajna nkomplu naħdmu maċ-​Ċiniżi. Iktar tard ġejna mistidnin immorru naqdu ġo Boston, f’Massachusetts, fejn kien hemm grupp taċ-​Ċiniżi li kien ilu jifforma għal madwar tliet snin. Kien il-​privileġġ tagħna li nappoġġaw lil dan il-​grupp għal dawn l-​aħħar sebaʼ snin u li jkollna l-​pjaċir li narawh isir kongregazzjoni fl-​1 taʼ Jannar, 2003.

Barkiet minn Ħajja taʼ Sagrifiċċju

F’Malakija 3:10 naqraw l-​istedina li Jehovah għamel lill-​poplu tiegħu biex iġib l-​offerti u s-​sagrifiċċji tiegħu ħalli hu jkun jistaʼ jsawwab il-​barkiet tiegħu bl-​abbundanza. Aħna ħallejna negozju li jien kelli interess speċjali fih. Begħna d-​dar tagħna li tgħidx kemm kienet għal qalbna, u ħallejna warajna affarijiet oħrajn ukoll. Madankollu, meta mqabblin mal-​barkiet, dawn is-​sagrifiċċji kienu żgħar.

Tabilħaqq, x’barkiet għonja sawwab fuqna Jehovah! Kellna s-​sodisfazzjon li naraw lit-​tfal tagħna jwieġbu għall-​verità, kellna l-​pjaċir li nieħdu sehem f’ministeru li jsalva l-​ħajjiet tan-​nies, u rajna kemm Jehovah jieħu ħsieb il-​bżonnijiet tagħna. Verament, is-​sagrifiċċji żgħar tagħna ġabulna barkiet kbar!

[Nota taʼ taħt]

^ par. 20 Huma għadhom jaqdu fedelment fil-​Betel—Edward u l-​mara tiegħu, Connie, ġo Patterson u George u l-​mara tiegħu, Grace, ġo Brooklyn.

[Stampa f’paġna 25]

Louise u George Blanton maʼ Ann, fl-​1991

[Stampa f’paġna 26]

Is-​Sala tas-​Saltna f’Carlyle, dedikata fl-​4 taʼ Ġunju, 1983

[Stampa f’paġna 27]

Mal-​Kongregazzjoni taċ-​Ċiniżi f’Boston, li fformat dan l-​aħħar

[Stampa f’paġna 28]

Maʼ Edward, Connie, George, u Grace