Strieħ fuq l-Ispirtu t’Alla Meta Tiffaċċja Bidliet fil-Ħajja
Strieħ fuq l-Ispirtu t’Alla Meta Tiffaċċja Bidliet fil-Ħajja
“Agħmel l-almu tiegħek biex tidher quddiem Alla bħala bniedem approvat.”—2 TIMOTJU 2:15, NW.
1. Liema bidliet joħolqu sfida għall-benesseri spiritwali tagħna?
ID-DINJA taʼ madwarna tinbidel kontinwament. Qed naraw progress xjentifiku u teknoloġiku impressjonanti, u wkoll il-valuri morali li sejrin lura immens. Bħalma rajna fl-artiklu taʼ qabel, il-Kristjani jridu jirreżistu l-ispirtu tad-dinja li jmur kontra Alla. Madankollu, hekk kif id-dinja tinbidel, aħna wkoll ninbidlu b’ħafna modi. Minn tfal żgħar, nikbru u nsiru adulti. Nistgħu niksbu jew nitilfu l-ġid materjali, is-saħħa, jew il-maħbubin tagħna. Ħafna minn dawn il-bidliet m’għandniex kontroll fuqhom, u jistgħu joħolqu sfidi ġodda u ebsin għall-benesseri spiritwali tagħna.
2. X’bidliet kellu David matul ħajtu?
2 Ftit huma n-nies li jġarrbu bidliet daqstant estremi f’ħajjithom daqskemm ġarrab David, bin Ġesse. David inbidel mil-lejl għan-nhar, u minn daqsxejn taʼ tfajjel ragħaj komuni kiseb il-fama u sar eroj nazzjonali. Iktar tard sar bniedem maħrub, ikkaċċjat bħal annimal minn sultan mimli għira. Wara dan, David sar sultan u konkwistatur. Hu dineb serjament u ġarrab il-konsegwenzi taʼ wġigħ il-qalb. Bata minħabba traġedji u firda fil-familja tiegħu. Kiseb l-għana, xjaħ, u esperjenza t-tbatijiet tax-xjuħija. Madankollu, minkejja dawn il-ħafna bidliet f’ħajtu, David wera fiduċja u tama f’Jehovah u fl-ispirtu Tiegħu matul ħajtu kollha. Hu għamel l-almu tiegħu biex jidher “quddiem Alla bħala bniedem approvat,” u Alla bierku. (2 Timotju 2:15, NW) Għalkemm iċ-ċirkustanzi tagħna huma differenti minn dawk taʼ David, nistgħu nitgħallmu mill-mod kif hu aġixxa f’sitwazzjonijiet differenti matul ħajtu. L-eżempju tiegħu jistaʼ jgħinna nifhmu kif aħna nistgħu nibqgħu niġu megħjunin mill-ispirtu t’Alla hekk kif niffaċċjaw xi bidliet f’ħajjitna.
L-Umiltà taʼ David—Eżempju mill-Aqwa
3, 4. David kif minn daqsxejn taʼ tfajjel ragħaj komuni sar eroj nazzjonali?
3 Meta kien għadu tifel, David lanqas fil-familja tiegħu stess ma kien prominenti. Meta l-profeta Samwel mar Betlehem, missier David urieh sebgħa mit-tmien ulied subien li kellu. David, it-tifel iż-żgħir, tħalla jirgħa n-nagħaġ. Madankollu, Jehovah kien għażel lil David biex ’il quddiem ikun is-sultan taʼ Iżrael. David ġie msejjaħ mill-għalqa. Imbagħad, ir-rakkont tal-Bibbja jgħid: “Samwel ħa f’idejh il-qarn biż-żejt, u dilku quddiem ħutu. Minn dak in-nhar ’il quddiem niżel fuq David u ħakmu l-ispirtu tal-Mulej.” (1 Samwel 16:12, 13) David straħ fuq dan l-ispirtu tul ħajtu kollha.
4 Dan ir-ragħaj ma kellux idum ma jsir magħruf f’pajjiżu. Hu ssejjaħ biex jaqdi lis-sultan u biex joqgħod idoqq il-mużika quddiemu. Hu qatel lill-gwerrier Gulija, ġgant tant feroċi li anki s-suldati taʼ l-esperjenza f’Iżrael beżgħu jħabbtuha miegħu. Meta nħatar mexxej tal-gwerriera, David irnexxielu jegħleb lill-Filistin. In-nies kienu jħobbuh u kitbulu għanjiet taʼ tifħir. Iktar qabel, wieħed mill-konsulenti tas-Sultan Sawl kien iddeskriva liż-żagħżugħ David mhux biss bħala wieħed “li jaf idoqq” l-arpa imma wkoll bħala “bniedem qalbieni, jinqalaʼ għall-gwerra, għaqli fi kliemu, u raġel sabiħ.”—1 Samwel 16:18; 17:23, 24, 45-51; 18:5-7.
5. X’inhuma xi affarijiet li minħabba fihom David setaʼ sar bniedem arroganti, u kif nafu li ma sarx hekk?
5 Fama, sbuħija, żgħożija, abbiltà fil-kliem, talent mużikali, ħila militari, approvazzjoni divina—David kien jidher li kellu kollox. Kwalunkwe waħda minn dawn l-affarijiet setgħet għamlitu bniedem arroganti, imma l-ebda waħda minnhom ma ħallieha tagħmlu hekk. Innota t-tweġiba taʼ David lis-Sultan Sawl meta dan offrielu lil bintu biex jiżżewwiġha. Bl-umiltà kollha, David qallu: “Min jien, u min hi l-familja taʼ missieri fost Iżrael, biex inkun jien ħaten is-sultan?” (1 Samwel 18:18) Meta kkummenta fuq dan il-vers, wieħed studjuż kiteb: “David ried ifisser li, la minħabba l-kwalifiki persunali, la minħabba l-qagħda soċjali tiegħu, u lanqas minħabba d-dixxendenza tiegħu, ma setaʼ qatt jippretendi li jistħoqqlu l-unur li jkun ir-raġel taʼ bint is-sultan.”
6. Għala għandna nikkultivaw l-umiltà?
6 David kien umli minħabba l-fatt li rrikonoxxa li Jehovah hu bil-wisq iktar superjuri mill-bnedmin imperfetti b’kull mod. David skanta kif Alla saħansitra jagħti kas il-bniedem. (Salm 144:3) David kien jaf ukoll li kwalunkwe kobor li kien kiseb kien kollu grazzi għal Jehovah li wera umiltà u baxxa lilu nnifsu biex isostnih, jipproteġih, u jieħu ħsiebu. (Salm 18:35, NW) X’lezzjoni mill-isbaħ għalina! Aħna qatt m’għandna nsiru kburin minħabba t-talenti tagħna, l-affarijiet li ksibna, u l-privileġġi li għandna. Tabilħaqq, “x’għandek li ma ngħatalikx?” kiteb l-appostlu Pawlu. “U jekk ingħatalek, l-għala tiftaħar bħallikieku ma ngħatalek xejn?” (1 Korintin 4:7) Biex ikollna l-ispirtu qaddis t’Alla u ngawdu l-approvazzjoni tiegħu, aħna rridu nikkultivaw u nibqgħu nuru l-umiltà.—Ġakbu 4:6.
“Tivvendikawx Ruħkom b’Idejkom”
7. X’opportunità ġietu lil David biex joqtol lis-Sultan Sawl?
7 Għalkemm il-fama taʼ David ma nisslet l-ebda kburija f’qalbu, din qanqlet għira qattiela fis-Sultan Sawl, li ma kienx għad baqagħlu l-ispirtu t’Alla fuqu. Għalkemm David ma kien għamel xejn ħażin, hu ħarab biex isalva ġildu u beda jgħix fid-deżert. Darba minnhom, waqt tfittxija bla ħniena għal David, is-Sultan Sawl daħal f’għar bla ma kien jaf li David u sħabu kienu qegħdin mistoħbijin hemm ġew. L-irġiel taʼ David ħeġġewh biex jaħtaf l-opportunità li kienet donnha ġejja mingħand Alla biex joqtol lil Sawl. Nistgħu nġibuhom quddiem għajnejna fid-dlam, jgħidu b’leħen baxx lil David: “Ara, dan hu l-jum li għalih il-Mulej qallek: Ara, jien se nagħtik l-għadu tiegħek f’idejk, u tagħmel minnu kif jogħġbok.”—1 Samwel 24:3-7 (24:2-6, NW).
8. David għala rażżan lilu nnifsu u ma vvindikax ruħu?
8 David irrifjuta li jweġġaʼ lil Sawl. Hu wera l-fidi u l-paċenzja, u kien kuntent li jħalli l-affarijiet f’idejn Jehovah. Wara li s-sultan ħareġ mill-għar, David sejjaħlu u qallu: “Jagħmel ħaqq il-Mulej bejni u bejnek, u jitħallas minnek għalija l-Mulej. Imma idi ma tintrefax fuqek!” (1 Samwel 24:13 [24:12, NW]) Għalkemm kien jaf li Sawl kien qed jiżbalja, David ma vvindikax ruħu b’idejh, u lanqas ma tkellem b’mod abbużiv maʼ Sawl jew dwaru. F’diversi okkażjonijiet oħra, David rażżan lilu nnifsu u ma ħax l-affarijiet f’idejh. Minflok, hu ħalla f’idejn Jehovah biex jirranġa l-affarijiet hu.—1 Samwel 25:32-34; 26:10, 11.
9. Għala m’għandniex nirritaljaw jekk nesperjenzaw oppożizzjoni jew persekuzzjoni?
9 Bħal David, int tistaʼ ssib ruħek f’sitwazzjonijiet diffiċli. Forsi qed tiffaċċja oppożizzjoni jew persekuzzjoni minn sħabek fl-iskola, sħabek tax-xogħol, membri tal-familja, jew oħrajn li m’għandhomx l-istess twemmin bħalek. Tirritaljax. Strieħ fuq Jehovah u itolbu għall-ispirtu qaddis tiegħu biex jgħinek. Jistaʼ jkun li dawn l-uħud li ma jemmnux bħalek jibqgħu impressjonati bil-kondotta tajba tiegħek u jsiru jemmnu. (1 Pietru 3:1) Jiġri x’jiġri, ibqaʼ ċert li Jehovah jaf f’liema sitwazzjoni qiegħed u se jagħmel xi ħaġa dwarha meta jasal il-waqt li jagħżel hu. L-appostlu Pawlu kiteb: “Tivvendikawx ruħkom b’idejkom, għeżież tiegħi, imma ħallu l-korla taʼ Alla tagħmel hi, għax hemm miktub: ‘Għalija l-vendetta, jiena nħallas, jgħid il-Mulej.’”—Rumani 12:19.
‘Agħti Widen għad-Dixxiplina’
10. David kif waqaʼ fid-dnub, u kif ipprova jaħbih?
10 Għaddew is-snin u David sar sultan maħbub taʼ prominenza kbira. Il-mod kif matul ħajtu wera lealtà impressjonanti, flimkien mas-salmi sbieħ li kiteb bħala tifħir lil Jehovah, jistgħu faċilment jagħtu l-impressjoni li dan kien raġel li qatt ma kien se jasal biex jagħmel dnub serju. Imma anki hu waqaʼ fid-dnub. Jum wieħed, is-sultan kien fuq il-bejt u ra mara sabiħa tinħasel. Hu tkixxef min kienet. Meta sar jaf li l-mara kienet Batseba u li żewġha, Urija, kien mar għall-gwerra, David bagħat għaliha u mtedd magħha. Iktar tard, hu sar jaf li ħarġet tqila. Xi skandlu kien se jkun hemm jekk il-biċċa toħroġ fil-beraħ! Taħt il-Liġi Mosajka, min jagħmel adulterju kien jistħoqqlu l-piena tal-mewt. Mid-dehra s-sultan ħaseb li setaʼ jaħbi dnubu. Għalhekk, bagħat messaġġ lill-armata u ordna li Urija jirritorna Ġerusalemm. David kien qed jittama li Urija jgħaddi l-lejl maʼ Batseba, imma dan m’għamilx hekk. Issa David kien iddisprat, u għalhekk bagħat lil Urija lura għall-gwerra b’ittra indirizzata lil Ġowab, il-kmandant militari. L-ittra kien tgħid li waqt il-battalja, Urija kellu jitqiegħed f’post partikulari biex imut żgur. Ġowab obda, u Urija nqatel. Wara li Batseba osservat id-drawwa taʼ żmien il-vistu, David ħadha biex tkun martu.—2 Samwel 11:1-27.
11. Natan liema storja rrakkonta lil David, u dan kif irreaġixxa?
11 Il-pjan kien donnu rnexxa, għalkemm David missu kien jaf li Jehovah kien jaf l-istorja mill-bidu sa l-aħħar. (Lhud 4:13) Għaddew ix-xhur, u twieldet it-tarbija. Imbagħad, Alla dderieġa lil Natan il-profeta biex imur għand David. Il-profeta rrakkonta storja lis-sultan dwar wieħed raġel sinjur li kellu ħafna nagħaġ u li qatel l-unika nagħġa għażiża taʼ wieħed raġel fqir. L-istorja qanqlet is-sens taʼ ġustizzja taʼ David imma hu xejn ma ssuspetta x’ried ifisser eżatt biha. David minnufih għadda ġudizzju kontra r-raġel sinjur. Mimli għadab, hu qal lil Natan: “Il-bniedem li għamel dan ħaqqu l-mewt.”—2 Samwel 12:1-6.
12. Jehovah liema ġudizzju għadda kontra David?
12 “Inti hu dak il-bniedem!” wieġbu l-profeta. David kien għadda ġudizzju kontrih stess. Mingħajr ebda dubju, ir-rabja taʼ David malajr inbidlet f’mistħija kbira u dispjaċir profond. Miblugħ, hu semaʼ lil Natan jgħidlu l-ġudizzju inevitabbli taʼ Jehovah. Ma kienx hemm kliem taʼ faraġ jew konsolazzjoni. David kien stmerr il-kelma taʼ Jehovah billi għamel dak li hu ħażin. Ma kienx hu qatel lil Urija bix-xabla taʼ l-għadu? Mela x-xabla qatt ma kienet se titwarrab minn dar David. Ma kienx hu ħa l-mara taʼ Urija bil-moħbi? Mela l-istess ħażen kien se jiġi fuqu, mhux bil-moħbi, imma fil-beraħ.—2 Samwel 12:7-12.
13. David kif irreaġixxa għad-dixxiplina mingħand Jehovah?
13 Xi ħaġa favur David kienet li hu ma ċaħadx li kien ħati. Hu ma ħadhiex kontra l-profeta Natan, u la waħħal f’ħaddieħor u lanqas ma ġġustifika dak li kien għamel. Meta ġie ffaċċjat bid-dnubiet tiegħu, David aċċetta r-responsabbiltà u qal: “Jiena dnibt kontra l-Mulej!” (2 Samwel 12:13) Salm 51 juri l-agunija li għadda minnha minħabba l-ħtija tiegħu, u l-indiema kbira li wera. Hu talab bil-ħniena lil Jehovah: “La twarrabnix minn quddiemek; tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek.” Kien jemmen li Jehovah, bil-ħniena kollha li għandu, ma kienx se jwarrab “qalb maqsuma u sogħbiena” minħabba xi dnub. (Salm 51:13, 19 [11, 17, NW]) David kompla jistrieħ fuq l-ispirtu t’Alla. Għalkemm Jehovah ma pproteġiex lil David mill-konsegwenzi koroh taʼ dnubu, hu ħafirlu.
14. Kif għandna nirreaġixxu għad-dixxiplina taʼ Jehovah?
14 Ilkoll kemm aħna imperfetti, u lkoll nidinbu. (Rumani 3:23) Xi drabi nistgħu naqgħu fi dnub serju, bħalma għamel David. Sewwasew bħalma missier jiddixxiplina lil uliedu għax iħobbhom, Jehovah jikkoreġi lil dawk li jirsistu biex jaqduh. Madankollu, għalkemm id-dixxiplina tkun taʼ ġid, m’hijiex faċli biex naċċettawha. Fil-fatt, xi drabi din “tnikkitna.” (Lhud 12:6, 11) Madankollu, jekk ‘nagħtu widen għad-dixxiplina,’ nistgħu nerġgħu nitħabbu maʼ Jehovah. (Proverbji 8:33, NW) Biex inkomplu ngawdu l-barka taʼ l-ispirtu taʼ Jehovah, irridu naċċettaw il-korrezzjoni u naħdmu biex niġu approvati minn Alla.
Tittamax f’Rikkezzi li Ma Tistax Torbot Fuqhom
15. (a) Xi nies b’liema modi jużaw ir-rikkezzi tagħhom? (b) David kif xtaq juża l-ġid li kellu?
15 M’hemm l-ebda indikazzjoni li David kellu xi pożizzjoni għolja jew li kien ġej minn familja tat-tajjeb. Madankollu, matul ir-renju tiegħu David kiseb ġid enormi. Bħalma taf, ħafna wħud igeddsu ġidhom, jaraw kif se jkomplu jżiduh, jew jonfquh għalihom infushom. Oħrajn jużaw flushom biex jigglorifikaw lilhom infushom. (Mattew 6:2) David uża l-ġid li kellu b’mod differenti. Hu kellu xewqa kbira li jonora lil Jehovah. David qal lil Natan kemm xtaq jibni tempju għal Jehovah sabiex titpoġġa fih l-arka tal-patt, li dakinhar kienet tinsab f’Ġerusalemm “f’nofs taʼ tinda.” Jehovah kien kuntent bl-intenzjoni taʼ David imma permezz taʼ Natan qallu li l-bini tat-tempju kien se jitħalla f’idejn ibnu, Salamun.—2 Samwel 7:1, 2, 12, 13.
16. David liema tħejjijiet għamel għall-bini tat-tempju?
16 David ġabar ħafna mill-materjal li kellu jintuża f’dan il-proġett kbir taʼ bini. Hu qal lil Salamun: “Ħejjejt għal dar il-Mulej mitt elf talent tad-deheb u miljun talent tal-fidda; u bronż u ħadid bla qjies għax hemm bil-kotra; u injam u ħaġar ħejjejt ukoll, u int tkompli żżid magħhom.” Mir-rikkezzi persunali tiegħu, hu kkontribwixxa 3,000 talent tad-deheb u 7,000 talent tal-fidda. * (1 Kronaki 22:14; 29:3, 4) David ma weriex ġenerożità biex jiffanfra imma biex juri l-fidi u d-devozzjoni tiegħu lejn Alla Jehovah. Hu kien jaf min hu s-Sors tar-rikkezzi tiegħu u qal lil Jehovah: “Kollox minnek ġej; u minn idejk nagħtuh lilek.” (1 Kronaki 29:14) Il-qalb ġeneruża taʼ David qanqlitu jagħmel kulma jistaʼ sabiex jappoġġa l-qima pura.
17. Il-parir fl-1 Timotju 6:17-19 kif japplika kemm għas-sinjuri kif ukoll għall-foqra?
17 Jalla aħna bl-istess mod nużaw l-affarijiet materjali tagħna biex nagħmlu l-ġid. Minflok ma niġru wara ħajja materjalistika, ikun aħjar jekk infittxu l-approvazzjoni t’Alla—jiġifieri ħajja li tirrifletti għerf u hena veru. Pawlu kiteb: “Lil dawk li huma għonja bil-ġid taʼ din l-art widdibhom biex ma jitkabbrux u ma jqegħdux it-tama tagħhom f’għana li ma tistax torbot fuqu, imma li għandhom jittamaw f’Alla li jagħtina kollox bix-xabaʼ biex ingawdu bih; għidilhom jagħmlu l-ġid, jistagħnu b’opri tajba, li jkunu ġenerużi u jaqsmu maʼ oħrajn. Hekk ikunu qegħdin jaħżnu għalihom infushom teżor sabiħ għal li ġej, biex bih jiksbu l-ħajja, il-ħajja vera.” (1 Timotju 6:17-19) Hi x’inhi l-qagħda ekonomika tagħna, ejja nistrieħu fuq l-ispirtu t’Alla u ngħixu ħajjitna b’tali mod li ‘nistagħnew quddiem Alla.’ (Luqa 12:21) M’hemm xejn iktar prezzjuż milli nkunu approvati minn Missierna tas-sema li tant iħobbna.
Idher Quddiem Alla Bħala Bniedem Approvat
18. David b’liema mod ħalla eżempju mill-aħjar għall-Kristjani?
18 Matul ħajtu, David fittex l-approvazzjoni taʼ Jehovah. F’waħda mill-għanjiet tiegħu kanta: “Ħenn għalija, o Alla, ħenn għalija, għax fik jiena nsib il-kenn tiegħi.” (Salm 57:2 [57:1, NW]) Il-fidi li wera f’Jehovah ma kinitx għalxejn. David xjaħ u kien sodisfatt u “mimli bl-għomor.” (1 Kronaki 23:1) Għalkemm David għamel żbalji serji, hu baqaʼ magħruf bħala wieħed mill-ħafna xhieda t’Alla li wrew fidi taʼ l-għaġeb.—Lhud 11:32.
19. Kif nistgħu nidhru quddiem Alla bħala bnedmin approvati?
19 Hekk kif tiffaċċja bidliet fil-ħajja, ftakar li bħalma Jehovah sostna, saħħaħ, u kkoreġa lil David, Hu jistaʼ jagħmel l-istess miegħek. Bħal David, l-appostlu Pawlu ffaċċja ħafna bidliet f’ħajtu. Madankollu, hu wkoll baqaʼ leali billi straħ fuq l-ispirtu t’Alla. Hu kiteb: “Kollox niflaħ bis-saħħa taʼ dak li jqawwini.” (Filippin 4:12, 13) Jekk nistrieħu fuq Jehovah, hu se jgħinna nirnexxu. Hu jixtieqna nirnexxu. Jekk nisimgħu minnu u nersqu qrib lejh, se jagħtina s-saħħa biex nagħmlu r-rieda tiegħu. U jekk inkomplu nistrieħu fuq l-ispirtu t’Alla, se nkunu nistgħu ‘nidhru quddiem Alla bħala bnedmin approvati’ issa u għall-eternità kollha.—2 Timotju 2:15.
[Nota taʼ taħt]
^ par. 16 Il-valur tal-kontribuzzjoni taʼ David, skond ir-rati taʼ llum, jammonta għal iktar minn Lm480,000,000.
Int Kif Twieġeb?
• Kif nistgħu ngħassu kontra l-kburija?
• Għala m’għandniex nivvendikaw ruħna b’idejna?
• Kif għandna nqisuha d-dixxiplina?
• Għala għandna nafdaw f’Alla u mhux fir-rikkezzi?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 16 , 17]
David straħ fuq l-ispirtu t’Alla u fittex l-approvazzjoni divina. Qiegħed int tagħmel l-istess?
[Stampa f’paġna 18]
“Kollox minnek ġej; u minn idejk nagħtuh lilek”