Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għandek Tkun Membru taʼ Xi Reliġjon?

Għandek Tkun Membru taʼ Xi Reliġjon?

Għandek Tkun Membru taʼ Xi Reliġjon?

‘M’GĦANDIX għalfejn inkun membru taʼ xi reliġjon jew immur il-​knisja regolarment sabiex nemmen f’Alla!’ Hekk iħossuhom ħafna wħud dwar li jkunu membri taʼ xi knisja jew organizzazzjoni reliġjuża. Fil-​fatt, xi wħud jgħidu li huma jħossuhom eqreb lejn Alla meta jkunu barra jgawdu n-​natura milli meta jattendu xi servizz reliġjuż f’xi knisja. Illum, l-​opinjoni komuni tan-​nies hi li m’huwiex neċessarju li tingħaqad maʼ grupp jew denominazzjoni reliġjuża biex temmen f’Alla.

Oħrajn, madankollu, sinċerament iħossuhom b’mod differenti. Huma jisħqu li s-​sħubija u l-​attendenza fil-​knisja huma neċessarji, saħansitra vitali, jekk wieħed irid ikollu l-​approvazzjoni t’Alla. Għalhekk, il-​kwistjoni taʼ jekk is-​sħubija maʼ xi reliġjon hijiex verament neċessarja hija iktar minn sempliċement statistika jew interess akkademiku. Fi kwalunkwe każ, ladarba r-​relazzjoni tagħna m’Alla hija involuta, ma jkunx loġiku li nfittxu kif Alla jqis din il-​kwistjoni? Mela, x’nistgħu nitgħallmu mill-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, dwar dan is-​suġġett?

Kif Alla Ttratta maʼ Wħud fil-​Passat

Kważi 4,400 sena ilu, dilluvju katastrofiku għarraq id-​dinja kollha kemm hi. Ġrajja bħal din ma tantx tintesa malajr, u ħafna popli madwar id-​dinja għandhom stejjer dwarha fl-​istorja bikrija tagħhom. Għalkemm id-​dettalji huma differenti minn storja għal oħra, dawn l-​istejjer għandhom ħafna affarijiet in komuni, inkluż il-​fatt li kienu biss ftit nies u annimali li salvaw.

Kienu dawk li salvaw mid-​Dilluvju sempliċement individwi fortunati biżżejjed li inzertaw salvaw mill-​qerda? Ir-​rakkont tal-​Bibbja juri li dan ma kienx il-​każ. Taʼ interess, Alla m’għarrafx lil kull individwu dwar id-​Dilluvju li kien ġej. Minflok, hu qal lil Noè, li min-​naħa tiegħu avża lill-​kontemporanji tiegħu dwar id-​Dilluvju li kien riesaq.—Ġenesi 6:13-16; 2 Pietru 2:5.

Is-salvazzjoni kienet tiddependi mill-​fatt li jkunu parti minn dan il-​grupp li jappoġġa mill-​qrib lil xulxin u milli jaċċettaw id-​direzzjoni li Alla kien ta lil Noè. Anki l-​annimali fl-​arka salvaw mid-​Dilluvju għax kienu parti minn dan il-​grupp. Noè ngħata istruzzjonijiet preċiżi sabiex jagħmel arranġamenti xierqa biex jippreserva l-​ħajja taʼ l-​annimali.—Ġenesi 6:17–7:8.

Sekli wara, id-​dixxendenti taʼ Noè minn ibnu Sem saru lsiera fl-​Eġittu. Madankollu, l-​iskop t’Alla kien li jeħlishom u jġibhom fl-​art li hu kien wiegħed lil missierhom Abraham. Għal darba oħra, dan ma kienx rivelat lil kull individwu imma l-​ewwel kien rivelat lil dawk li kienu magħżulin biex ikunu mexxejja—Mosè u ħuh Aron. (Eżodu 3:7-10; 4:27-31) Wara li dawk li qabel kienu lsiera nħelsu bħala grupp mill-​Eġittu, huma ngħataw il-​Liġi t’Alla ħdejn il-​Muntanja Sinaj u fformaw il-​ġens taʼ Iżrael.—Eżodu 19:1-6.

Il-ħelsien kien possibbli għal kull individwu Iżraeli għall-​fatt li kien jissieħeb mal-​grupp imwaqqaf minn Alla u għax kien isegwi d-​direzzjoni tal-​mexxejja maħturin tal-​grupp. Saru wkoll provvedimenti għal xi Eġizzjani individwali biex jissieħbu maʼ dan il-​grupp li kien jidher ċar li kellu l-​approvazzjoni divina. Meta l-​Iżraelin telqu mill-​Eġittu, dawn l-​individwi marru magħhom, u b’hekk anki huma setgħu jirċievu l-​barka t’Alla.—Eżodu 12:37, 38.

Imbagħad, fl-​ewwel seklu, Ġesù beda l-​attività tiegħu taʼ l-​ippridkar, billi beda jiġbor lin-​nies biex isiru dixxipli tiegħu. Hu ttratta magħhom bħala grupp għalkemm dawwar l-​attenzjoni tiegħu mimlija mħabba lejn individwi skond il-​bżonnijiet tagħhom. Lill-​11-il appostlu leali, Ġesù qal: “Intom dawk li żammejtu sħiħ miegħi fit-​tiġrib kollu li ġie fuqi; u bħalma Missieri ħejja saltna għalija, hekk ukoll jiena nħejji għalikom.” (Luqa 22:28, 29) Iktar tard, l-​ispirtu qaddis t’Alla niżel fuq id-​dixxipli meta kienu miġburin flimkien bħala grupp.—Atti 2:1-4.

Dawn l-​eżempji juru ċar li fil-​passat Alla dejjem ittratta mal-​poplu tiegħu bħala grupp organizzat. Dawk il-​ftit uħud li Alla ttratta magħhom personalment—Noè, Mosè, Ġesù, u oħrajn—kienu, fil-​fatt, użati Minnu sabiex jikkomunikaw maʼ grupp li kien jassoċja mill-​qrib. M’hemm l-​ebda raġuni sabiex nemmnu li Alla jittratta b’mod differenti mal-​qaddejja tiegħu llum. M’għandniex xi ngħidu, dan iwassalna għal mistoqsija oħra: Huwa biżżejjed li nissieħbu maʼ kwalunkwe grupp reliġjuż? Din il-​mistoqsija vitali se nikkunsidrawha fl-​artiklu li jmiss.

[Stampa f’paġna 4]

Alla ilu jittratta mal-​poplu tiegħu bħala grupp organizzat