Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Ħolqien Ixandar il-Glorja t’Alla!

Il-Ħolqien Ixandar il-Glorja t’Alla!

Il-​Ħolqien Ixandar il-​Glorja t’Alla!

“Is-​smewwiet ixandru l-​glorja taʼ Alla, għemil idejh tħabbar il-​firxa tas-​sema.” —SALM 19:2 (19:1, NW).

1, 2. (a) Il-​bnedmin għala ma jistgħux jaraw direttament il-​glorja t’Alla? (b) L-​erbgħa u għoxrin xiħ kif jagħtu glorja lil Alla?

 “MA TISTAX tara ’l wiċċi, għax ebda bniedem ma jarani u jibqaʼ ħaj.” (Eżodu 33:20) Hekk wissa Jehovah lil Mosè. Minħabba li l-​bnedmin magħmulin minn ġisem dgħajjef, huma ma jifilħux jaraw direttament il-​glorja t’Alla. Madankollu, f’viżjoni, l-​appostlu Ġwanni ngħata dehra spettakolari taʼ Jehovah fuq it-​tron glorjuż Tiegħu.—Apokalissi 4:1-3.

2 Kuntrarju għall-​bnedmin, il-​ħlejjaq spirti leali jistgħu jħarsu lejn wiċċ Jehovah. Fosthom hemm l-​“erbgħa u għoxrin Xiħ” fil-​viżjoni tas-​sema li kellu Ġwanni, li jirrappreżentaw lill-​144,000. (Apokalissi 4:4; 14:1-3) Dawn kif iwieġbu għad-​dehra li jaraw tal-​glorja t’Alla? Skond Apokalissi 4:11, huma jxandru: “Jistħoqqlok, Mulej Alla tagħna, li tilqaʼ l-​glorja u l-​ġieħ u ssetgħa, għax int ħlaqt il-​ħlejjaq kollha, u huma kienu u nħolqu bir-​rieda tiegħek.”

Għala “Ma Għandhom Ebda Skuża”

3, 4. (a) Il-​fatt li temmen f’Alla għala ma jmurx kontra x-​xjenza? (b) Kultant, xi wħud għala jiċħdu l-​eżistenza t’Alla?

3 Tħossok imqanqal biex tagħti glorja lil Alla? Il-​maġġuranza tal-​bnedmin ma jħossuhomx hekk, u xi wħud saħansitra jiċħdu l-​eżistenza t’Alla. Per eżempju, wieħed astronomu kiteb: “Kien Alla li involva ruħu u bil-​kumdità kollha ddisinja l-​univers għall-​benefiċċju tagħna? . . . Kemm hu prospett ferrieħi. Sfortunatament nemmen li din hi illużjoni. . . . Alla m’huwiex spjegazzjoni.”

4 Ir-​riċerka xjentifika hija limitata—ristretta għal dak li l-​bnedmin jistgħu fil-​fatt josservaw jew jistudjaw. Il-​bqija hija kollha teoriji jew suppożizzjonijiet. Peress li “Alla huwa spirtu,” hu sempliċement ma jistax jiġi eżaminat direttament b’mod xjentifiku. (Ġwanni 4:24) Għalhekk, huwa arroganti li tqis it-​twemmin f’Alla bħala li m’huwiex xjentifiku. Ix-​xjenzat Vincent Wigglesworth taʼ l-​Università taʼ Cambridge osserva li l-​metodu xjentifiku fih innifsu ‘jiddependi mill-​fidi.’ Dan kif? “Dan jiddependi minn fidi soda fil-​fatt li l-​fenomeni naturali jaqblu mal-​‘liġijiet tan-​natura.’” Għalhekk, meta xi ħadd jiċħad l-​eżistenza t’Alla, ma jkunx hu qed jiċħad fidi waħda biex jadotta fidi oħra? Kultant, jidher li min ma jemminx minn jeddu jirrifjuta li jiffaċċja din il-​verità. Is-​salmista kiteb: “[Il-ħażin] fi kburitu jkasbar lill-​Mulej, u f’xejn ma jfittxu; u Alla ma jidħolx fi ħsibijietu.”—Korsiv tagħna; Salm 10:4.

5. Għala min ma jemminx f’Alla m’għandux skuża?

5 Madankollu, min jemmen f’Alla ma jkollux fidi għamja, għaliex hemm evidenza abbundanti li Alla jeżisti. (Lhud 11:1) L-​astronomu Allan Sandage qal: “Ma tantx naħseb li hu probabbli li daqstant ordni [fl-univers] ġie minn kaos. Bilfors li hemm xi sors t’organizzazzjoni. Għalija Alla hu misteru, imma hu l-​ispjegazzjoni għall-​miraklu taʼ l-​eżistenza, għala hemm xi ħaġa minflok m’hemm xejn.” L-​appostlu Pawlu qal lill-​Kristjani f’Ruma li “l-​kobor [t’Alla] li ma jidhirx, jiġifieri s-​setgħa tiegħu taʼ dejjem, u d-​divinità tiegħu, huma setgħu jagħrfuh sa mill-​ħolqien tad-​dinja, permezz tal-​ħlejjaq, u għalhekk [dawk li ma jemmnux] ma għandhom ebda skuża.” (Rumani 1:20) Mill-​“ħolqien tad-​dinja”—speċjalment minn meta nħolqu l-​ħlejjaq bnedmin intelliġenti, li setgħu jagħrfu l-​eżistenza t’Alla—jidher ċar li hemm Ħallieq taʼ qawwa immensa, Alla li jixraqlu d-​devozzjoni. B’hekk, dawk li ma jagħrfux il-​glorja t’Alla m’għandhomx skuża. Però, x’evidenza jipprovdi l-​Ħolqien?

L-​Univers Ixandar il-​Glorja t’Alla

6, 7. (a) Is-​smewwiet kif ixandru l-​glorja t’Alla? (b) Għal liema skop is-​smewwiet għamlu “linja”?

6 Salm 19:2 (19:1, NW) iwieġeb billi jgħid: “Is-​smewwiet ixandru l-​glorja taʼ Alla, għemil idejh tħabbar il-​firxa tas-​sema.” David għaraf li l-​kwiekeb u l-​pjaneti li jiddu mill-​“firxa tas-​sema,” jew l-​atmosfera, tawh prova li ma setax imeriha taʼ l-​eżistenza glorjuża t’Alla. Hu jkompli: “Jum lil ieħor jagħti l-​aħbar, lejl lil ieħor iwassal it-​tagħrif.” (Salm 19:3 [19:2, NW]) Jum wara jum u lejl wara lejl, is-​smewwiet juru l-​għerf t’Alla u l-​qawwa tiegħu biex joħloq. Hu bħallikieku s-​smewwiet qed ‘jagħtu l-​aħbar’ bi kliem taʼ tifħir lil Alla.

7 Madankollu, irid ikollok l-​għaqal biex tismaʼ din ix-​xiehda. “Ma hemmx aħbar u lanqas kliem; leħinhom ma jinstamax.” Madankollu, ix-​xiehda silenzjuża tas-​smewwiet hi qawwija. “Il-​linja tagħhom tgħaddi maʼ l-​art kollha, u kliemhom imur sa tarf id-​dinja.” (Salm 19:3, 4, Karm Żammit) Hu bħallikieku s-​smewwiet għamlu “linja” biex jiżguraw ruħhom li x-​xiehda silenzjuża tagħhom tilħaq kull rokna taʼ l-​art.

8, 9. Liema huma xi fatti li jispikkaw dwar ix-​xemx?

8 Imbagħad, David jiddeskrivi meravilja oħra tal-​ħolqien taʼ Jehovah: “Lix-​xemx għamlilha għarix fihom [is-smewwiet viżibbli]; u hi, bħal għarus ħiereġ minn kamartu, ferħana bħal ġgant għall-​ġirja tagħha, minn truf is-​smewwiet hi toħroġ, sat-​truf l-​oħra d-​dawran tagħha; xejn ma jinħeba mis-​sħana tagħha.”—Salm 19:5-7 (4-6, NW).

9 Ix-​xemx, meta mqabbla maʼ kwiekeb oħra, hija biss taʼ daqs medju. Madankollu, hi kewkba impressjonanti u ħdejha l-​pjaneti l-​oħra li jifformaw orbita madwarha jidhru daqs tikka. Sors wieħed jgħid li din tiżen ‘2 segwit minn 27 żero tunnellata’—99.9 fil-​mija mill-​massa tas-​sistema solari tagħna! Il-​ġibda tal-​gravità tagħha tippermetti li l-​art iddur madwarha distanza taʼ 150 miljun kilometru mingħajr ma titbiegħed minnha jew tinġibed lejha. Parti verament ċkejkna mill-​enerġija tax-​xemx tilħaq il-​pjaneta tagħna, imma din hi biżżejjed biex issostni l-​ħajja.

10. (a) Ix-​xemx kif tidħol u toħroġ mill-​“għarix” tagħha? (b) Kif tiġri bħal “ġgant”?

10 Is-​salmista juża kliem figurattiv dwar ix-​xemx, u jpinġiha bħala “ġgant” li jiġri minn xefaq għall-​ieħor matul il-​jum u bil-​lejl jistkenn f’“għarix.” Meta din il-​kewkba qawwija togħdos wara x-​xefaq, minn fuq l-​art tidher qisha dieħla f’“għarix,” bħallikieku biex tistrieħ. Fil-​għodu tidher qisha toħroġ f’daqqa, tiddi bis-​sbuħija bħal “għarus ħiereġ minn kamartu.” Bħala ragħaj, David kien jaf kemm jiksaħ sew il-​lejl. (Ġenesi 31:40) Hu ftakar kif ir-​raġġi tax-​xemx kienu jsaħħnu lilu u l-​art taʼ madwaru f’ħakka t’għajn. Jidher ċar li din ma kinitx għajjiena fil-​“vjaġġ” tagħha mill-​punent għal-​lvant imma kienet bħal “ġgant,” lesta biex terġaʼ tagħmel il-​vjaġġ.

Il-​Kwiekeb u l-​Galassji taʼ l-​Għaġeb

11, 12. (a) X’jispikka dwar il-​mod kif il-​Bibbja tqabbel il-​kwiekeb mar-​ramel? (b) Kemm għandu mnejn hu kbir l-​univers?

11 Mingħajr teleskopju, David setaʼ jara biss ftit eluf taʼ kwiekeb. Madankollu, skond studju reċenti, l-​għadd taʼ kwiekeb fl-​univers li jidhru permezz taʼ teleskopji moderni jammontaw għal 70 sistiljun—7 bi 22 żero warajh! Jehovah indika li kien hemm għadd enormi involut meta qabbel l-​għadd taʼ kwiekeb mar-​“ramel f’xatt il-​baħar.”—Ġenesi 22:17.

12 Għal snin sħaħ, l-​astronomi osservaw dawk li ġew deskritti bħala “reġjuni żgħar jixegħlu b’dehra mċajpra [nebula], li ma jistgħux jifhmu x’inhuma.” Ix-​xjenzati assumew li dawn in-​“nebuli f’għamla taʼ garigor” kienu oġġetti fil-​galassja tagħna t-​Triq tal-​Ħalib. Fl-​1924, skoprew li l-​iktar nebula qrib, Andromeda, kienet fil-​fatt galassja fiha nfisha—xi żewġ miljun sena ’l bogħod bid-​distanza li jivvjaġġa d-​dawl! Ix-​xjenzati issa jikkalkulaw li hemm biljuni taʼ galassji, u kull waħda minnhom fiha eluf—kultant biljuni—taʼ kwiekeb. Madankollu, Jehovah “jgħodd in-​numru tal-​kwiekeb; kollha jsejjħilhom b’isimhom.”—Salm 147:4.

13. (a) X’tistaʼ tammira dwar il-​kostellazzjonijiet? (b) Kif inhu evidenti li x-​xjenzati ma jafux “il-​liġijiet tas-​sema”?

13 Jehovah staqsa lil Ġob: “Għandek il-​ħila tgħaqqad il-​kwiekeb [“kostellazzjoni,” NW] tat-​Trajja, jew tħoll minn xulxin l-​istilel tal-​Ġgant?” (Ġob 38:31) Kostellazzjoni hi għadd taʼ kwiekeb li jidhru forma taʼ disinn partikulari. Għalkemm, fil-​fatt, il-​kwiekeb jistgħu jkunu ’l bogħod ħafna minn xulxin, huma jibqgħu weqfin fil-​pożizzjonijiet relattivi tagħhom meta tħares lejhom mill-​art. Peress li l-​pożizzjonijiet tagħhom huma tant preċiżi, il-​kwiekeb “huma t’għajnuna biex jiggwidaw lil min jivvjaġġa, lill-​astronawti biex ikunu jafu l-​pożizzjoni tal-​vettura spazjali, u biex jiġu identifikati l-​kwiekeb.” (The Encyclopedia Americana) Però, ħadd ma jistaʼ jifhem eżatt ‘l-​għaqda’ li żżomm lill-​kostellazzjonijiet flimkien. Iva, ix-​xjenzati għadhom ma jistgħux iwieġbu l-​mistoqsija li saret f’Ġob 38:33: “Taf hekk sewwa l-​liġijiet tas-​sema?”

14. Il-​mod kif jitqassam id-​dawl f’liema sens għadu misteru?

14 Ix-​xjenzati ma jistgħux iwieġbu mistoqsija oħra li saret lil Ġob: “Fejn hija t-​triq li minnha jitqassam id-​dawl?” (Ġob 38:24, ) Kittieb wieħed sejjaħ din il-​mistoqsija dwar id-​dawl bħala “mistoqsija xjentifika verament moderna.” F’kuntrast maʼ dan, xi filosfi Griegi kienu jemmnu li d-​dawl kien joħroġ mill-​għajn tal-​bniedem. Fi żminijiet iktar moderni, ix-​xjenzati ħasbu li d-​dawl hu magħmul minn partiċelli żgħar. Oħrajn immaġinaw li jivvjaġġa f’forma taʼ mewġ. Illum, ix-​xjenzati jemmnu li d-​dawl jivvjaġġa kemm bħala mewġa u kemm bħala partiċella. Xorta waħda, in-​natura tad-​dawl u kif “jitqassam” għadu ma jistax jinftiehem għalkollox.

15. Bħal David, kif għandna nħossuna meta naħsbu fil-​fond dwar is-​smewwiet?

15 Meta dak li jkun jaħseb fil-​fond dwar dan kollu, ma jistax ma jħossux bħas-​salmista David, li qal: “Nħares lejn is-​smewwiet, għemil subgħajk, il-​qamar u l-​kwiekeb li int qegħedt fihom! X’inhu l-​bniedem biex tiftakar fih, bin il-​bniedem, biex taħseb fih?”—Salm 8:4, 5 (8:3, 4, NW).

L-​Art u l-​Ħolqien Tagħha Jigglorifikaw lil Jehovah

16, 17. Il-​ħlejjaq fl-​“abbissi” tal-​baħar kif ifaħħru lil Jehovah?

16 Salm 148 isemmi diversi modi oħra kif il-​ħolqien ixandar il-​glorja t’Alla. Vers 7 jgħid: “Faħħru l-​Mulej minn fuq l-​art, mostri tal-​baħar u abbissi kollha.” Iva, l-​“abbissi” tal-​baħar huma kollha meravilji li jġagħlu l-​għerf u l-​qawwa t’Alla jispikkaw. Il-​baliena l-​kaħla għandha piż medju taʼ 120 tunnellata—daqs 30 iljunfant! Biss biss, qalbha tiżen iktar minn 450 kilogramma u tiflaħ tippompja xi 6,400 kilogramma demm madwar ġisimha! Huma dawn il-​ħlejjaq enormi tal-​baħar għajjenin u bla grazzja fil-​baħar? Ma tantx. Huma “jivvjaġġaw madwar l-​oċeani” b’veloċità li ma bħalha, jgħid rapport mill-​European Cetacean Bycatch Campaign. Meta segwewha bis-​satellita’ “baliena minnhom ivvjaġġat distanza taʼ iktar minn 16,000 kilometru f’10 xhur.”

17 Tip taʼ denfil b’geddumu qasir is-​soltu jinżel f’fond taʼ 45 metru, imma l-​aqwa rekord taʼ kemm jinżel fil-​fond denfil kien taʼ 547 metru! Kif jibqaʼ ħaj dan il-​mammal meta jinżel daqshekk fil-​fond? Qalbu tibda tħabbat iktar bil-​mod waqt li jkun nieżel u d-​demm imur fil-​qalb, fil-​pulmuni, u fil-​moħħ. Ukoll, il-​muskoli tiegħu fihom kimika li tiġmaʼ l-​ossiġnu. L-​iljunfant tal-​baħar u tip taʼ baliena kbira li tissejjaħ sperm whale jistgħu jinżlu saħansitra iktar fil-​fond. Ir-​rivista Discover tgħid li “minflok ma jirreżistu l-​pressjoni, huma jħalluha twaqqfilhom il-​pulmuni għalkollox.” Huma jaħżnu fil-​muskoli tagħhom ħafna mill-​ossiġnu li jkollhom bżonn. Jidher ċar li dawn il-​ħlejjaq huma xiehda ħajja taʼ l-​għerf t’Alla li jistaʼ kollox!

18. L-​ilma baħar kif juri l-​għerf taʼ Jehovah?

18 Anki l-​ilma baħar jirrifletti l-​għerf taʼ Jehovah. Ir-​rivista Scientific American tgħid: “Kull qatra ilma fl-​ewwel 100 metru tal-​baħar fiha eluf taʼ flora mikroskopika tiġri ’l hawn u ’l hemm imsejħa fitoplankton.” Din il-​“foresta inviżibbli” tnaddaf l-​arja tagħna billi tiġbed biljuni taʼ tunnellati taʼ dijossidu karboniku. Il-​fitoplankton jipproduċi iktar minn nofs l-​ossiġnu li nużaw aħna.

19. In-​nar u l-​borra kif iwettqu l-​iskop taʼ Jehovah?

19 Salm 148:8 jgħid: “In-​nar u s-​silġ, il-​borra u ċ-​ċpar, l-​irwiefen, li jisimgħu kelmtu.” Iva, Jehovah juża wkoll il-​qawwiet bla ħajja tan-​natura sabiex iwettaq ir-​rieda tiegħu. Ikkunsidra n-​nar. Fil-​passat, meta tinħaraq foresta kienet titqies biss bħala xi ħaġa taʼ ħsara kbira. Ir-​riċerkaturi issa jemmnu li n-​nar għandu rwol ekoloġiku importanti għaliex jelimina s-​siġar xjuħ jew li jkunu qed imutu, iqanqal lil ħafna żerriegħa biex tinbet, jerġaʼ jġedded is-​sustanzi, u saħansitra jnaqqas ir-​riskju li jaqbad nar kiefer li jinfirex malajr. Il-​borra hi vitali wkoll biex issaqqi u tiffertilizza l-​art, iġġedded ix-​xmajjar, u tipproteġi l-​pjanti u l-​annimali minn temperaturi friżati.

20. Il-​muntanji u s-​siġar kif inhuma taʼ benefiċċju għall-​bnedmin?

20 Salm 148:9 jkompli jgħid: “Il-​muntanji u l-​għoljiet kollha, is-​siġar tal-​frott u ċ-​ċedri kollha.” Il-​muntanji maestużi jixhdu dwar il-​qawwa kbira taʼ Jehovah. (Salm 65:7 [65:6, NW]) Imma dawn iservu wkoll għal skop prattiku. Rapport mill-​Istitut tal-​Ġeografija f’Bern, l-​Isvizzera, jgħid: “Ix-​xmajjar il-​kbar tad-​dinja ġejjin kollha mill-​muntanji. Iktar minn nofs l-​umanità tiddependi mill-​ilma frisk li jinġemaʼ fil-​muntanji . . . Dawn il-​[‘ġibjuni’] taʼ l-​ilma huma vitali għall-​benesseri tal-​bniedem.” Anki siġra komuni tagħti glorja lill-​Ħallieq tagħha. Rapport mill-​Programm tal-​Ġnus Magħquda għall-​Ambjent jgħid li s-​siġar “huma importanti għall-​benesseri tan-​nies fil-​pajjiżi kollha . . . Ħafna speċi taʼ siġar għandhom importanza ekonomika kbira bħala s-​sors taʼ prodotti bħall-​injam, il-​frott, il-​ġewż, ir-​raża, u l-​gomma. Madwar id-​dinja, 2 biljun ruħ jiddependu mill-​injam biex isajru u jqabbdu n-​nar.”

21. Spjega kif werqa sempliċi turi li hemm min iddisinjaha.

21 Saħansitra mill-​mod kif inhi disinjata siġra jidher ċar li jeżisti ħallieq għaref. Ikkunsidra sempliċi werqa. Minn barra għandha kisja qisha tax-​xemgħa biex ma tinxifx. Eżatt taħt il-​kisja fil-​parti taʼ fuq hemm għadd taʼ ċelluli li fihom il-​kloroplast. Dawn fihom il-​klorofilla, li tixrob l-​enerġija tad-​dawl. Permezz taʼ proċess li jissejjaħ fotosinteżi, il-​weraq isir “fabbriki taʼ l-​ikel.” L-​ilma jittellaʼ mill-​għeruq tas-​siġra u jinġarr lejn il-​weraq permezz taʼ “sistema taʼ l-​ilma” sofistikata. Eluf taʼ “kanen” żgħar (li jissejħu stoma) fil-​parti taʼ taħt tal-​werqa jinfetħu u jingħalqu, u b’hekk jassorbu d-​dijossidu karboniku. Id-​dawl jipprovdi l-​enerġija biex l-​ilma u d-​dijossidu karboniku jitħalltu u jipproduċu l-​karboidrati. Issa l-​pjanta tistaʼ tiekol l-​ikel li ħolqot hi stess. Madankollu, din il-​“fabbrika” ma tagħmilx ħsejjes u hi sabiħa. Minflok ma tniġġes, din titfaʼ l-​ossiġnu bħala prodott sekondarju.

22, 23. (a) Liema abbiltajiet rimarkevoli għandhom xi għasafar u annimali taʼ l-​art? (b) Liema mistoqsijiet għad irridu nikkunsidraw?

22 “Il-​bhejjem selvaġġi u l-​annimali kollha, il-​bhejjem li jitkaxkru u l-​għasafar li jtiru,” jgħid Salm 148:10. Ħafna annimali taʼ l-​art u ħlejjaq li jtiru juru li għandhom abbiltajiet taʼ l-​għaġeb. L-​albatross Laysan jistaʼ jtir għal distanzi enormi (f’każ minnhom 40,000 kilometru f’90 jum). Il-​blackpoll warbler (Dendroica striata), għasfur taʼ l-​għana, jaqsam l-​Amerika minn fuq s’isfel waqt li jibqaʼ fl-​ajru għal iktar minn 80 siegħa bla ma jieqaf. Il-​ġemel jaħżen l-​ilma, mhux fil-​ħotba tiegħu bħalma jaħsbu ħafna, imma fis-​sistema tiegħu tad-​diġestjoni, u għalhekk jistaʼ jibqaʼ għaddej għal żmien twil mingħajr ma jinxef mill-​ilma. Mela mhux taʼ b’xejn li l-​inġiniera josservaw ir-​renju taʼ l-​annimali bir-​reqqa meta jiddisinjaw xi magni jew materjali ġodda. Il-​kittieba Gail Cleere tgħid: “Jekk trid tibni xi ħaġa li taħdem tajjeb . . . u ma tagħmilx ħsara fl-​ambjent tagħha, probabbilment se ssib eżempju tajjeb tagħha xi mkien fin-​natura.”

23 Iva, il-​ħolqien tabilħaqq ixandar il-​glorja t’Alla! Mis-​smewwiet kollhom kwiekeb sal-​pjanti u l-​annimali, kull wieħed u waħda minnhom ifaħħar lill-​Ħallieq bil-​mod tiegħu. Imma xi ngħidu għalina l-​bnedmin? Kif nistgħu nfaħħru lil Alla bħalma tagħmel in-​natura?

X’Tiftakar?

• Għala min jiċħad l-​eżistenza t’Alla m’għandux skuża?

• Il-​kwiekeb u l-​pjaneti kif jigglorifikaw ’l Alla?

• Il-​baħar u l-​annimali taʼ l-​art kif jagħtu xiehda li jeżisti Ħallieq kollu mħabba?

• Il-​qawwiet bla ħajja tan-​natura kif iwettqu r-​rieda taʼ Jehovah?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 10]

Ix-​xjenzati jikkalkulaw li l-​għadd taʼ stilel li nistgħu naraw jammontaw għal 70 sistiljun!

[Sors]

Frank Zullo

[Stampa f’paġna 12]

Denfil b’geddumu qasir

[Stampa f’paġna 13]

Borra

[Sors]

snowcrystals.net

[Stampa f’paġna 13]

Beċċun t’albatross “Laysan”