Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Imberkin Dawk li Jagħtu Glorja lil Alla

Imberkin Dawk li Jagħtu Glorja lil Alla

Imberkin Dawk li Jagħtu Glorja lil Alla

“Jiġu jinxteħtu quddiemek, u jsebbħu ismek, Sidi [Jehovah].”—SALM 86:9.

1. Għala nistgħu nagħtu glorja lil Alla b’modi li jisbqu dak li jistaʼ jagħmel il-​ħolqien bla ħajja?

 JEHOVAH jixraqlu t-​tifħir mill-​ħolqien kollu tiegħu. Filwaqt li l-​ħolqien tiegħu bla ħajja jagħtih glorja bla kliem, aħna l-​bnedmin għandna l-​abbiltà li nirraġunaw, nifhmu, napprezzaw, u nagħtu qima. Allura, is-​salmista għalina kien qed jgħid meta qal: “Għajjtu bil-​ferħ lil Alla, bnedmin tad-​dinja kollha; għannu s-​sebħ taʼ ismu, xandru s-​sebħ u t-​tifħir tiegħu.”—Salm 66:1, 2.

2. Min wieġeb għall-​kmand biex jagħti glorja lil isem Alla, u għala?

2 Il-​maġġuranza tal-​bnedmin jirrifjutaw li jirrikonoxxu li hemm Alla jew jagħtuh glorja. Madankollu, f’235 pajjiż, iktar minn sitt miljun Xhud taʼ Jehovah juru li huma jaraw ‘il-​kobor li ma jidhirx’ t’Alla permezz taʼ l-​affarijiet li għamel u minn dak li ‘jinstemaʼ’ fix-​xiehda bla kliem tal-​ħolqien. (Rumani 1:20; Salm 19:3, 4 [19:2, 3, NW]) Minħabba li jistudjaw il-​Bibbja huma saru wkoll jafu lil Jehovah u jħobbuh. Salm 86:9, 10 bassar: “Il-​ġnus kollha, li għamilt, jiġu jinxteħtu quddiemek, u jsebbħu ismek, Sidi [Jehovah]. Għax kbir int, u għemejjel taʼ l-​għaġeb tagħmel; int waħdek Alla!”

3. Il-​“kotra kbira” kif tinsab ‘taqdi lejl u nhar’?

3 Apokalissi 7:9, 15 b’mod simili jiddeskrivi “kotra kbira” t’aduraturi li qegħdin “lejl u nhar jaqduh [lil Alla] fit-​tempju tiegħu.” Alla ma jeħtieġx b’mod letterali li l-​qaddejja tiegħu ma jieqfu xejn ifaħħruh, imma l-​aduraturi tiegħu huma organizzazzjoni globali. Allura meta f’ċerti pajjiżi jkun bil-​lejl, il-​qaddejja t’Alla li jinsabu fin-​naħa l-​oħra tal-​globu jkunu għaddejjin bl-​għoti taʼ xiehda. Mela tistaʼ tgħid li x-​xemx qatt ma tinżel fuq dawk li jkunu qed jagħtu glorja lil Jehovah. Dalwaqt “kull ma jieħu n-​nifs” se jgħolli leħnu u jfaħħar lil Jehovah. (Salm 150:6) Però, sadanittant x’nistgħu nagħmlu individwalment biex nagħtu glorja lil Alla? Liema sfidi għandna mnejn niffaċċjaw? U x’barkiet hemm lesti għal dawk li jagħtu glorja lil Alla? Biex inwieġbu dawn il-​mistoqsijiet, ejja nikkunsidraw rakkont mill-​Bibbja dwar it-​tribù taʼ Gad f’Iżrael.

Sfida minn Żmien il-​Qedem

4. Liema sfida ffaċċja t-​tribù taʼ Gad?

4 Qabel ma daħlu fl-​Art Imwiegħda, xi membri mit-​tribù taʼ Gad f’Iżrael talbu li jingħataw il-​permess biex jissetiljaw fl-​art tajba għall-​imrieħel fil-​lvant tal-​Ġordan. (Numri 32:1-5) Biex jgħixu hemm kellhom ikampaw maʼ sfidi kbar. It-​tribujiet tal-​punent kien se jkollhom il-​protezzjoni tal-​Wied tal-​Ġordan—barriera naturali kontra l-​invażjoni militari. (Ġożwè 3:13-17) Madankollu, dwar l-​artijiet li jinsabu fil-​lvant tal-​Ġordan, The Historical Geography of the Holy Land, minn George Adam Smith, jgħid: “[L-artijiet] huma kollha ċatti u jinfirxu, bi kważi ebda barriera li tipproteġihom, għal fuq l-​art Għarbija wâtja u għolja. Għalhekk, huma ġew esposti f’kull żmien għall-​invażjoni tan-​nomadi mġewħin, u xi gruppi kbar minnhom jinvadu din l-​art kull sena biex jirgħu.”

5. Ġakobb kif ħeġġeġ lid-​dixxendenti taʼ Gad biex jirreaġixxu meta jiġu attakkati?

5 It-​tribù taʼ Gad kif kien se jkampa f’sitwazzjoni bħal din li ma taqtaʼ qatt? Ħafna sekli qabel, fil-​profezija li stqarr qabel ma miet, l-​antenat tagħhom Ġakobb bassar: “Gad, il-​qtajjaʼ jaħbtu għalik, imma int taħbat għal għarqubhom.” (Ġenesi 49:19) Għall-​ewwel, dan il-​kliem għandu mnejn jidher li hu ikrah. Imma fir-​realtà, dan kien kmand għal dawk tat-​tribù taʼ Gad biex jiġġieldu lura. Ġakobb żgurahom li jekk jagħmlu dan, min jipprova jinvadilhom l-​art se jkollu jumilja ruħu u jerġaʼ lura, u l-​membri taʼ dan it-​tribù kienu se jiġġildulhom sa l-​aħħar.

Sfidi għall-​Qima Tagħna Llum

6, 7. Illum, is-​sitwazzjoni tal-​Kristjani kif inhi simili għal dik tat-​tribù taʼ Gad?

6 Bħat-​tribù taʼ Gad, il-​Kristjani llum huma esposti għall-​pressjonijiet u t-​tagħbijiet tas-​sistema taʼ Satana; m’hemm ebda protezzjoni mirakoluża li se teħlisna milli nissaraw kontrihom. (Ġob 1:10-12) Ħafna minna rridu nkampaw mal-​pressjonijiet li niffaċċjaw fl-​iskola, biex niksbu l-​għajxien, u rrabbu t-​tfal. Ma ninsewx ukoll il-​pressjonijiet persunali jew li jkollna minn ġewwa. Xi wħud iridu jissaportu ‘xewka f’ġisimhom’ li tkun forma taʼ diżabilità jew marda serja. (2 Korintin 12:7-10) Oħrajn huma mifluġa b’sentimenti taʼ stima baxxa tagħhom infushom. “Jiem in-​niket” li ġġib magħha x-​xjuħija għandhom mnejn ifixklu lill-​Kristjani akbar fl-​età milli jaqdu lil Jehovah bl-​enerġija li darba kellhom.—Koħèlet 12:1.

7 L-​appostlu Pawlu jfakkarna wkoll li “l-​ġlieda tagħna [hi] . . . kontra l-​ispirti ħżiena li jgħammru fil-​wisaʼ tas-​smewwiet.” (Efesin 6: 12) Aħna l-​ħin kollu niffaċċjaw “l-​ispirtu taʼ din id-​dinja,” l-​ispirtu taʼ ribelljoni u korruzzjoni morali mqanqal minn Satana u d-​demonji tiegħu. (1 Korintin 2:12; Efesin 2:2, 3) Bħal Lot, li kien jibżaʼ minn Alla, aħna llum għandna mnejn inħossuna mnikktin minħabba l-​affarijiet immorali li jgħidu u jagħmlu n-​nies taʼ madwarna. (2 Pietru 2:7) Aħna niffaċċjaw ukoll l-​attakk dirett taʼ Satana. Satana qed jagħmel gwerra mal-​fdal tal-​midlukin, “li jħarsu l-​preċetti taʼ Alla u li għandhom ix-​xhieda taʼ Ġesù.” (Apokalissi 12:17) In-​“nagħaġ oħra” taʼ Ġesù wkoll jesperjenzaw l-​attakk taʼ Satana fil-​forma taʼ projbizzjonijiet u persekuzzjonijiet.—Ġwanni 10:16.

Inċedu jew Niġġieldu Lura?

8. Kif għandna nwieġbu għall-​attakki taʼ Satana, u għala?

8 Kif għandna nwieġbu għall-​attakki taʼ Satana? Bħat-​tribù taʼ Gad tal-​qedem, irridu nkunu b’saħħitna spiritwalment u niġġieldu lura fi qbil mad-​direzzjonijiet t’Alla. B’dispjaċir, xi wħud bdew iċedu għall-​pressjonijiet tal-​ħajja u ttraskuraw ir-​responsabbiltajiet spiritwali tagħhom. (Mattew 13:20-22) Xhud wieħed qal dan dwar il-​għala l-​attendenza għal-​laqgħat fil-​kongregazzjoni tiegħu kienet baxxa: “L-​aħwa sempliċement qed jgħejjew. Qed iħossuhom stressati għall-​aħħar.” Huwa minnu li llum in-​nies għandhom ħafna għalxiex iħossuhom għajjenin. Għalhekk, huwa faċli li l-​qima lil Alla tidher bħala pressjoni oħra, obbligu taʼ piż. Imma hi din il-​ħarsa xierqa jew korretta?

9. Kif inhu li jekk nieħdu l-​madmad taʼ Kristu nistrieħu?

9 Ikkunsidra dak li qal Ġesù lill-​folol fi żmienu li kienu stressati bl-​istess mod minħabba l-​pressjonijiet tal-​ħajja: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.” Kien Ġesù qed jissuġġerixxi li nistgħu niksbu s-​serħan billi nnaqqsu mis-​servizz tagħna lil Alla? Mhux talli ma riedx jgħid hekk, talli Ġesù kompla jgħid: “Ħudu fuqkom il-​madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena taʼ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-​mistrieħ għal ruħkom.” Madmad huwa tagħmir taʼ l-​injam jew metall li jippermetti lil bniedem jew annimal iġorr tagħbija tqila. Imma, allura, individwu għala se jkun irid jieħu madmad bħal dan? M’aħniex diġà “mtaqqlin”? Iva, imma l-​kliem bil-​Grieg jistaʼ jinqara wkoll: “Idħlu miegħi taħt il-​madmad tiegħi.” Aħseb ftit: Ġesù joffri li jgħinna niġbdu t-​tagħbija tagħna! M’għandniex għalfejn nagħmlu dan bis-​saħħa tagħna biss.—Mattew 9:36; 11:28, 29; 2 Korintin 4:7.

10. X’inhu r-​riżultat taʼ l-​isforzi tagħna biex nagħtu glorja lil Alla?

10 Meta nieħdu l-​madmad li joffrilna Ġesù bħala d-​dixxipli tiegħu, aħna nkunu qed niġġieldu kontra Satana. “Ieqfu lix-​xitan, u hu jaħrab minnkom,” iwiegħed Ġakbu 4:7. Dan ma jfissirx li hu faċli nagħmlu hekk. Biex naqdu ’l Alla jeħtieġ li nagħmlu sforz konsiderevoli. (Luqa 13:24) Imma l-​Bibbja tagħmel din il-​wegħda f’Salm 126:5: “Dawk li jiżirgħu fid-​dmugħ jaħsdu bl-​għana taʼ ferħ.” Iva, aħna ma nqimux Alla ingrat. Hu “jagħti l-​ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh,” u jbierek lil dawk li jagħtuh glorja.—Lhud 11:6.

Nigglorifikaw lil Alla bħala Predikaturi tas-​Saltna

11. Il-​ministeru taʼ l-​għalqa kif iservi bħala difiża kontra l-​attakki taʼ Satana?

11 Ġesù kkmanda: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-​ġnus kollha.” Ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar hu l-​mod primarju kif noffru lil Alla “sagrifiċċju taʼ tifħir.” (Mattew 28:19; Lhud 13:15) Il-​fatt li ‘nxiddu riġlejna bil-​ħeġġa taʼ l-​Evanġelju tas-​sliem’ huwa parti neċessarja mill-​“armatura [kollha] taʼ Alla”—id-​difiża tagħna kontra l-​attakki taʼ Satana. (Efesin 6:11-15) Mod mill-​aqwa kif insaħħu l-​fidi tagħna hu billi nfaħħru lil Alla fil-​ministeru taʼ l-​għalqa. (2 Korintin 4:13) Dan jgħinna biex ma naħsbux fuq affarijiet negattivi. (Filippin 4:8) Is-​sehem li nieħdu fil-​ministeru taʼ l-​għalqa se jippermettilna li ngawdu sħubija li tibni m’aduraturi sħabna.

12, 13. Kif jistaʼ sehem regulari fil-​ministeru taʼ l-​għalqa jibbenefika lill-​familji? Agħti eżempju.

12 Ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar jistaʼ jkun ukoll attività bnina għall-​familja. M’għandniex xi ngħidu, iż-​żgħar għandhom bżonn rikreazzjoni bilanċjata. Madankollu, il-​ħin li l-​familja tqattaʼ flimkien fil-​ministeru taʼ l-​għalqa m’għandux ikun monotonu. Il-​ġenituri jistgħu jagħmluh iktar pjaċevoli billi jħarrġu lit-​tfal kif ikunu iktar effettivi fil-​ministeru. M’għandhomx iż-​żgħar it-​tendenza li jieħdu gost b’xi ħaġa li jafu jagħmluha sew? Il-​ġenituri jistgħu jgħinu liż-​żgħar tagħhom isibu l-​ferħ fil-​ministeru billi jżommu bilanċ mingħajr ma jisforzawhom jagħmlu iktar milli jifilħu.—Ġenesi 33:13, 14.

13 Iktar minn hekk, familja li tfaħħar lil Alla flimkien tifforma rabta soda bejn il-​membri tagħha. Ikkunsidra waħda oħt li sfat abbandunata minn żewġha li ma kienx jemmen u ħallieha b’ħamest itfal xi trabbi. Minħabba dan hi ffaċċjat l-​isfida taʼ li tibda xogħol sekulari u tipprovdi materjalment għal uliedha. Kienet hi tant mgħobbija li injorat l-​interessi spiritwali taʼ wliedha? Hi tiftakar: “Jien ħabrikt biex nistudja l-​Bibbja u pubblikazzjonijiet mill-​Bibbja u pprovajt napplika dak li kont naqra. Ħadt lit-​tfal il-​laqgħat u fil-​ministeru minn bieb għal bieb regolarment. X’kienu r-​riżultati taʼ l-​isforzi tiegħi? Il-​ħamest itfal huma kollha mgħammdin.” Sehem sħiħ fil-​ministeru jistaʼ bl-​istess mod jgħinek fl-​isforzi tiegħek biex trabbi ’l uliedek “fid-​dixxiplina u t-​twiddib tal-​Mulej.”—Efesin 6:4.

14. (a) Iż-​żgħar kif jistgħu jagħtu glorja lil Alla fl-​iskola? (b) X’jista jgħin liż-​żgħażagħ biex ma ‘jistħux mill-​Evanġelju’?

14 Jekk tgħixu f’pajjiż fejn il-​liġi tippermetti, qegħdin intom li għadkom żgħar tagħtu glorja lil Alla billi tagħtu xiehda fl-​iskola, jew inkella tħallu l-​biżaʼ mill-​bniedem iżommkom lura? (Proverbji 29:25) Xhud taʼ 13-il sena f’Puerto Rico tikteb: “Qatt ma stħajt nippriedka fl-​iskola għaliex naf li din hi l-​verità. Fil-​klassi dejjem ngħolli idi u ngħid xi nkun tgħallimt mill-​Bibbja. Jekk ikolli l-​ħin liberu, immur fil-​librerija u naqra l-​ktieb Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu.” * Bierek Jehovah l-​isforzi tagħha? Hi tirrapporta: “Kultant sħabi tal-​klassi jistaqsuni xi mistoqsijiet u anki ġieli talbuni kopja tal-​ktieb.” Jekk kont qed iżżomm lura f’dan ir-​rigward, forsi għandek bżonn turi lilek innifsek “x’inhi r-​rieda taʼ Alla, x’inhu t-​tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett” billi tħabrek fl-​istudju persunali. (Rumani 12:2) Meta tħossok konvint li dak li tgħallimt hu l-​verità, qatt m’int se ‘tistħi mill-​Evanġelju.’—Rumani 1:16.

‘Bieb Miftuħ’ taʼ Servizz

15, 16. Xi Kristjani minn liema “bieb kbir” t’attività daħlu, u x’barkiet irriżultaw?

15 L-​appostlu Pawlu kiteb li kien infetaħlu “bieb kbir” t’attività. (1 Korintin 16:9) Jistaʼ jkun li ċ-​ċirkustanzi tiegħek jippermettulek tidħol minn bieb ieħor t’attività? Per eżempju, li tieħu sehem fil-​ministeru taʼ pijunier regulari jew awżiljarju jinvolvi li tiddedika 70 jew 50 siegħa kull xahar fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Ovvjament, il-​pijunieri huma apprezzati minn sħabhom il-​Kristjani għas-​servizz leali tagħhom. Imma l-​fatt li jqattgħu iktar ħin fil-​ministeru ma jġagħalhomx iħossu li huma superjuri għal ħuthom. Minflok, huma jikkultivaw l-​attitudni li ħeġġeġ Ġesù: “Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn: għamilna biss dak li kellna nagħmlu.”—Luqa 17:10.

16 Is-​servizz taʼ pijunier jeħtieġ li tiddixxiplina lilek innifsek, tkun organizzat fl-​affarijiet persunali, u li tkun lest li tagħmel sagrifiċċji. Madankollu, il-​barkiet jiswew l-​isforz li tagħmel. “Il-​fatt li tkun taf timmaniġġa sew il-​Kelma t’Alla hi verament barka,” tgħid pijuniera żagħżugħa li jisimha Tamika. “Meta taqdi bħala pijunier tuża ħafna l-​Bibbja. Issa meta mmur minn bieb għal bieb, nistaʼ naħseb fi skritturi li huma addattati għal kull inkwilin.” (2 Timotju 2:15) Pijuniera li jisimha Mica tgħid: “Hija barka oħra li tara kif il-​verità teffettwa l-​ħajja tan-​nies.” Żagħżugħ li jismu Matthew jitkellem b’mod simili dwar il-​ferħ li jiġi meta dak li jkun “jara lil xi ħadd jiġi fil-​verità. M’hemm ebda ferħ ieħor li jistaʼ jiħodlu postu.”

17. Waħda Kristjana kif irnexxielha tegħleb sentimenti negattivi dwar is-​servizz taʼ pijunier?

17 Tistaʼ tikkunsidra li tieħu l-​opportunità biex tibda taqdi fis-​servizz taʼ pijunier? Forsi tixtieq imma ma tħossokx kapaċi. “Kelli sentimenti negattivi dwar is-​servizz taʼ pijunier,” tammetti oħt żagħżugħa li jisimha Kenyatte. “Ma ħassejtnix kapaċi. Ma kontx naf kif nipprepara l-​introduzzjonijiet jew kif nirraġuna mill-​Iskrittura.” Madankollu, l-​anzjani inkarigaw oħt pijuniera matura biex taħdem magħha. “Ħadt pjaċir naħdem magħha,” tiftakar Kenyatte. “Dan ġagħalni nħoss li rrid insir pijuniera.” Bi ftit inkuraġġiment u taħriġ, forsi anki int se tkun trid issir pijunier.

18. X’barkiet jistgħu jesperjenzaw dawk li jidħlu fis-​servizz missjunarju?

18 Is-​servizz taʼ pijunier jistaʼ jiftaħ il-​bieb għal iktar privileġġi taʼ servizz. Per eżempju, xi koppji miżżewġin jistgħu jikkwalifikaw għat-​taħriġ missjunarju ħalli jintbagħtu jippridkaw f’pajjiż barrani. Il-​missjunarji jridu jaddattaw ruħhom għal pajjiż ġdid, forsi lingwa ġdida, kultura ġdida, u ikel ġdid. Imma dawn l-​iskumditajiet jidhru insinifikanti meta jesperjenzaw il-​barkiet. Mildred, missjunarja taʼ l-​esperjenza fil-​Messiku, tgħid: “Qatt ma ddispjaċieni għad-​deċiżjoni li ħadt biex insir missjunarja. Hi xi ħaġa li kien ili nixtieqha mindu kont tifla żgħira.” Liema barkiet gawdiet? “F’pajjiżi kien verament diffiċli biex issib studju tal-​Bibbja. Hawnhekk, ġieli kelli erbaʼ studenti f’daqqa li jibdew joħorġu fis-​servizz!”

19, 20. Ħafna kif esperjenzaw il-​barkiet minħabba s-​servizz f’Betel, is-​servizz internazzjonali, u l-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali?

19 Dawk li jaqdu f’Betel fl-​uffiċċji tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah ukoll jesperjenzaw barkiet għonja. Sven, ħu żagħżugħ li jaqdi fil-​Betel tal-​Ġermanja jgħid: “Inħoss li qed nagħmel xi ħaġa li għandha valur dejjiemi. Stajt użajt l-​abbiltajiet tiegħi fid-​dinja. Imma kien ikun bħallikieku qed nitfaʼ l-​flus f’bank li wasal biex ifalli.” Huwa minnu li l-​fatt li taqdi bħala volontier bla paga jinvolvi sagrifiċċju. Imma Sven jgħid: “Meta tmur id-​dar, tkun taf li kulma għamilt dakinhar kien għal Jehovah. U dan hu sentiment tassew fantastiku.”

20 Xi aħwa gawdew il-​barka tas-​servizz internazzjonali, meta ħadmu fil-​bini taʼ xi fergħa f’pajjiżi barranin. Koppja waħda li qdiet fi tmien inkarigi f’pajjiżi barranin kitbet: “L-​aħwa t’hawnhekk huma meraviljużi. Tgħidx kemm se jkollna qalbna maqsuma ladarba naslu biex nitilqu—se tkun it-​tmien darba li nħossu qalbna ‘tinqasam.’ X’esperjenza taʼ l-​għaġeb kellna!” Imbagħad hemm l-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali. Din toffri taħriġ spiritwali lil aħwa rġiel mhux miżżewġa li jikkwalifikaw. Ħu li ggradwa minnha kiteb: “Ma nistax insib il-​kliem biex nirringrazzjakom taʼ din l-​iskola hekk meraviljuża. Liema organizzazzjoni oħra se tagħmel daqshekk sforz biex tagħti t-​taħriġ?”

21. Liema sfida jiffaċċjaw il-​Kristjani kollha fis-​servizz tagħhom lil Alla?

21 Iva, hemm ħafna bibien t’attività li huma miftuħin. Huwa minnu li ħafna minna ma nistgħux naqdu f’Betel jew f’pajjiż barrani. Ġesù stess irrikonoxxa li l-​Kristjani kellhom jipproduċu ammonti differenti taʼ “frott” minħabba ċirkustanzi differenti. (Mattew 13:23) Allura, l-​isfida tagħna bħala Kristjani hi li nagħmlu l-​aħjar li nistgħu fis-​sitwazzjoni tagħna—li nieħdu sehem kemm jistaʼ jkun fis-​servizz taʼ Jehovah skond ma jippermettulna ċ-​ċirkustanzi tagħna. Meta nagħmlu hekk, inkunu qed nagħtu glorja lil Jehovah, u nistgħu nkunu ċerti li hu jitgħaxxaq bil-​kbir. Ikkunsidra lil Ethel, oħt anzjana f’dar għall-​kura taʼ l-​anzjani. Hi tagħti xiehda regulari lir-​residenti sħabha u tieħu sehem fl-​għoti taʼ xiehda bit-​telefon. Minkejja l-​limitazzjonijiet tagħha, hi taqdi b’ruħha kollha fis-​servizz tagħha.—Mattew 22:37.

22. (a) B’liema modi oħra nistgħu nġibu glorja lil Alla? (b) Liema żmien meraviljuż għandna quddiemna?

22 Però, ftakar li l-​ippridkar hu biss mod wieħed li bih nigglorifikaw lil Jehovah. Meta nkunu eżemplari fl-​imġiba u fid-​dehra tagħna fuq ix-​xogħol, fl-​iskola, u fid-​dar, aħna nkunu qed inferrħu qalb Jehovah. (Proverbji 27:11) Proverbji 28:20 iwiegħed: “Bniedem onest ikollu barka bil-​kotra.” Għalhekk, għandna ‘niżirgħu ħafna’ fis-​servizz tagħna lil Alla, waqt li nafu li se naħsdu ħafna barkiet. (2 Korintin 9:6) Jekk nagħmlu hekk se jkollna l-​privileġġ li nkunu ħajjin fiż-​żmien taʼ l-​għaġeb meta “kull ma jieħu nifs” se jagħti lil Jehovah il-​glorja li tant tixraqlu!—Salm 150:6.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 14 Il-ktieb Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-​Mistoqsijiet Tagħhom hu pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

Tiftakar Int?

• In-​nies t’Alla kif jaqdu lil Jehovah “lejl u nhar”?

• Liema sfida ffaċċja t-​tribù taʼ Gad, u dan x’jgħallem lill-​Kristjani llum?

• Il-​ministeru taʼ l-​għalqa kif inhu protezzjoni kontra l-​attakki taʼ Satana?

• Minn liema ‘bieb miftuħ’ għaddew xi wħud, u liema barkiet gawdew?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 15]

Bħalma dawk tat-​tribù taʼ Gad iġġieldu kontra l-​ħallelin, il-​Kristjani jridu jiġġieldu kontra l-​attakki taʼ Satana

[Stampa f’paġna 17]

Aħna ngawdu sħubija li tibni fil-​ministeru taʼ l-​għalqa

[Stampi f’paġna 18]

Is-​servizz taʼ pijunier jistaʼ jiftaħ il-​bieb għal privileġġi oħra, inkluż:

1. Is-​servizz internazzjonali

2. Is-​servizz f’Betel

3. Is-​servizz taʼ missjunarju