Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Liema Reliġjon Għandek Tagħżel?

Liema Reliġjon Għandek Tagħżel?

Liema Reliġjon Għandek Tagħżel?

‘IR-​RELIĠJONIJIET differenti huma sempliċement toroq differenti li jwasslu għall-​istess mira. Wara kollox, Alla wieħed biss hemm, hux hekk?’ Ħafna nies li jaħsbu b’dan il-​mod iħossu li għalkemm li tingħaqad maʼ grupp reliġjuż huwa importanti, m’huwiex importanti liema reliġjon tagħżel li ssegwi.

Maʼ l-​ewwel daqqa t’għajn, dan l-​argument għandu mnejn jidher raġunevoli, ladarba huwa minnu li hemm biss Alla wieħed, Dak li jistaʼ kollox. (Isaija 44:6; Ġwanni 17:3; 1 Korintin 8:5, 6) Madankollu, ma nistgħux ninjoraw id-​differenzi ovvji—saħansitra l-​kontradizzjonijiet—li hemm fost il-​ħafna gruppi reliġjużi li jsostnu li qed jaqdu lill-​Alla veru. Hemm differenza kbira f’dak li jipprattikaw, jemmnu, jgħallmu, u dak li r-​reliġjon tirrikjedi minnhom. Id-​differenzi huma tant kbar li dawk li huma parti minn xi reliġjon jew grupp isibuha diffiċli biex jifhmu jew jaċċettaw dak li jgħallmu u jemmnu oħrajn.

Min-naħa l-​oħra, Ġesù qal: “Alla huwa spirtu, u dawk li jadurawh għandhom jadurawh fl-​ispirtu u l-​verità.” (Ġwanni 4:24) Jippermetti l-​fatt li naqdu lil Alla fil-​verità li jkun hemm ħafna ideat dwar min hu Alla, x’inhuma l-​iskopijiet tiegħu, u kif jixtieq li jiġi meqjum? Huwa loġiku li temmen li għal Alla li Jistaʼ Kollox m’huwiex importanti kif inqimuh?

Kristjani Veri fl-​Ewwel Seklu u Llum

Kultant, il-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu kellhom opinjonijiet differenti dwar ċerti affarijiet. Per eżempju, meta tkellem dwar dawk l-​uħud f’Korintu, l-​appostlu Pawlu qal: “Ħuti, in-​nies taʼ Kloji qaluli fuqkom li fostkom hemm it-​tilwim: irrid ngħid jien, li kull wieħed minnkom qiegħed jgħid, ‘Jiena taʼ Pawlu,’ ‘U jiena taʼ Apollo,’ ‘U jiena taʼ Kefa,’ ‘U jiena taʼ Kristu.’”—1 Korintin 1:11, 12.

Qieshom Pawlu dawn id-​differenzi bħala li ma kinux importanti? Kien kull individwu sempliċement qed isegwi triq għalih innifsu sabiex isalva? Żgur li le! Pawlu jwissi: “Nitlobkom, ħuti, f’isem Sidna Ġesù Kristu, biex tkunu taqblu fi kliemkom u ma jkunx hemm firdiet fostkom. Kunu magħqudin kif imiss, ħsieb wieħed u fehma waħda.”—1 Korintin 1:10.

M’għandniex xi ngħidu, l-​għaqda fit-​twemmin ma tistax tintlaħaq bil-​forza. Lgħaqda tintlaħaq biss meta individwi jfittxu bir-​reqqa l-​kwistjonijiet kollha involuti u jaslu għal u kif ukoll jaċċettaw l-​istess konklużjonijiet. Għalhekk, studju persunali tal-​Kelma t’Alla u xewqa onesta biex tapplika dak li tkun tgħallimt huma miżuri essenzjali sabiex tgawdi dik l-​għaqda li Pawlu tkellem dwarha. Tistaʼ din ix-​xorta t’għaqda tinstab? Bħalma rajna, Alla ilu jittratta mal-​poplu tiegħu bħala grupp. Huwa possibbli li tidentifika liema hu dak il-​grupp illum?

Il-​Benefiċċji taʼ Sħubija Tajba

Is-​salmista David darba staqsa: “Mulej, min jgħammar fid-​dar tiegħek? Min joqgħod fuq l-​għolja mqaddsa tiegħek?” Din hi mistoqsija li verament tqanqal il-​ħsieb. David jipprovdi t-​tweġiba: “Min jgħix bla ħtija u jagħmel it-​tajjeb, min jgħid is-​sewwa f’qalbu.” (Salm 15:1, 2) Għarfien eżatt mill-​Bibbja se jgħin lil dak li jkun sabiex ikun jistaʼ jidentifika r-​reliġjon li tilħaq dawn il-​ħtiġijiet divini. Imbagħad, billi jassoċja maʼ dak il-​grupp, dak li jkun se jgawdi s-​sħubija li tibni maʼ wħud li jqimu lil Alla f’unità u “fl-​ispirtu u l-​verità.”

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah urew li l-​għaqda fit-​twemmin u l-​azzjonijiet huma possibbli anki fid-​dinja mifruda taʼ llum. Fosthom hemm uħud li qabel kienu membri taʼ ħafna reliġjonijiet u gruppi etniċi differenti. Xi Xhieda oħrajn qabel kienu anjostiċi jew atei. Jerġaʼ oħrajn sempliċement qatt ma ħasbu bis-​serjetà dwar ir-​reliġjon. Minn dawn ir-​reliġjonijiet, il-​kulturi, u l-​filosofiji differenti hemm individwi li huma magħqudin f’reliġjon, xi ħaġa li ma tantx issibha fid-​dinja taʼ llum.

Il-bażi għal din l-​għaqda hija l-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja. M’għandniex xi ngħidu, ix-​Xhieda taʼ Jehovah jirrikonoxxu li ma jistgħux jiddettaw lil oħrajn x’għandhom jagħmlu. Imma huma japprezzaw il-​privileġġ li jinkuraġġixxu lil oħrajn jitgħallmu mill-​Bibbja sabiex l-​għażla tagħhom rigward il-​qima jibbażawha fuq pedament sod. B’dan il-​mod, ħafna iktar uħud jistgħu jgawdu l-​benefiċċji li jiġu mill-​qima li nagħtu lil Alla “fl-​ispirtu u l-​verità.”

Illum, hemm periklu kbir li nispiċċaw vittmi taʼ l-​influwenzi u l-​ġibdiet taʼ ħsara. Huwa vitali li tagħżel is-​sħubija t-​tajba. Il-​Bibbja tgħid li “min jagħmilha maʼ l-​għaref, isir għaref” u li “ħbiberija ħażina tħassar id-​drawwiet tajba.” (Proverbji 13:20; 1 Korintin 15:33) Jekk nissieħbu m’aduraturi ġenwini t’Alla se nkunu protetti. Għalhekk, il-​Bibbja tfakkarna: “Naraw kif nistgħu nħajjru lil xulxin għall-​imħabba u għall-​għemil tajjeb. Ma ninqatgħux mil-​laqgħat tagħna flimkien, kif ħadu d-​drawwa jagħmlu xi wħud; agħmlu l-​qalb lil xulxin; u dan wisq aktar għandkom tagħmluh, aktar ma taraw li qiegħed joqrob il-​Jum.” (Lhud 10:24, 25) X’barka hi meta l-​ħbieb veri, l-​aħwa spiritwali, jappoġġaw lil xulxin bi mħabba sabiex iwettqu r-​responsabbiltajiet tagħhom quddiem Alla!

Ottmar jikkonferma kemm dan hu minnu. Hu trabba f’familja Kattolika fil-​Ġermanja, imma ma baqax imur il-​knisja. Hu jispjega: “Kulmeta mort il-​knisja, x’ħin noħroġ kont inħoss l-​istess vojt taʼ meta dħalt.” Minkejja dan, xorta kellu fidi f’Alla. Imbagħad iltaqaʼ max-​Xhieda taʼ Jehovah u sar konvint li huma l-​qaddejja veri t’Alla. Hu ra l-​bżonn li jibda jissieħeb magħhom. Illum il-​ġurnata hu jgħid: “Issa li jien attiv maʼ din l-​organizzazzjoni mxerrda madwar id-​dinja nistaʼ ngawdi paċi tal-​moħħ u tal-​qalb. Iktar ma jgħaddi ż-​żmien qed niġi megħjun nieħu iktar għarfien eżatt tal-​Bibbja. Din hi xi ħaġa taʼ valur kbir għalija personalment.”

Stedina għal Dawk li Qed Ifittxu

Nies li jirraġunaw l-​istess u li qed jaħdmu mill-​qrib maʼ xulxin bħala grupp jistgħu jwettqu biċċa xogħol b’mod iktar effettiv minn individwi li jaħdmu indipendentement minn xulxin. Per eżempju, l-​istruzzjonijiet li Ġesù ta lid-​dixxipli tiegħu meta kien se jħallihom kienu: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-​ġnus kollha, u għammduhom fl-​isem tal-​Missier u taʼ l-​Iben u taʼ l-​Ispirtu s-​Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.” (Mattew 28:19, 20) Biċċa xogħol bħal din kif setgħet titwettaq b’mod sodisfaċenti li kieku ma kienx hemm direzzjoni jew organizzazzjoni? Dak li jkun kif jistaʼ jobdi t-​twissija Skritturali li kieku jipprova jaqdi lil Alla indipendentement?

Matul din l-​aħħar sena, ix-​Xhieda taʼ Jehovah madwar id-​dinja qassmu 91,933,280 ktieb, ktejjeb, u browxer ibbażati fuq il-​Bibbja kif ukoll 697,603,247 rivista, u b’hekk laħqu mijiet taʼ miljuni taʼ wħud f’235 art bil-​messaġġ mill-​Kelma t’Alla. Xi prova mill-​aqwa li l-​isforz taʼ grupp magħqud u organizzat sew iwettaq ħafna iktar minn kemm individwu waħdu qatt jistaʼ jagħmel!

Minbarra t-​tqassim taʼ letteratura tal-​Bibbja, ix-​Xhieda taʼ Jehovah jikkonduċu studji tal-​Bibbja bla ħlas sabiex jassistu lin-​nies biex jirċievu fehma profonda taʼ dak li Alla jirrikjedi. Bħala medja, is-​sena l-​oħra kkonduċew 5,726,509 studji tal-​Bibbja kull ġimgħa maʼ individwi jew gruppi. L-​istruzzjoni mill-​Bibbja għenet lil miljuni taʼ nies jiksbu bażi soda fuqiex jagħmlu l-​għażla tagħhom rigward kwistjonijiet taʼ qima. Int mistieden titgħallem il-​ħtiġijiet divini kif inhuma mniżżlin fil-​Bibbja. Imbagħad tistaʼ tagħmel l-​għażla tiegħek.—Efesin 4:13; Filippin 1:9; 1 Timotju 6:20; 2 Pietru 3:18.

Jekk trid togħġob lil Alla, huwa vitali li tingħaqad maʼ reliġjon—imma mhux maʼ kwalunkwe grupp jew denominazzjoni. Trid tibbaża l-​għażla tiegħek taʼ reliġjon fuq għarfien eżatt tal-​Bibbja, u mhux fuq dommi bla provi jew fuq dak li tismaʼ mingħand in-​nies. (Proverbji 16:25) Tgħallem x’inhuma l-​ħtiġijiet għar-​reliġjon vera. Qabbilhom mat-​twemmin tiegħek. Imbagħad agħżel skond dan.—Dewteronomju 30:19.

[Stampi f’paġna 7]

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah igawdu għaqda f’din id-​dinja mifruda