Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mill-Kalzrijiet Mudlama għall-Alpi Svizzeri

Mill-Kalzrijiet Mudlama għall-Alpi Svizzeri

Bijografija

Mill-​Kalzrijiet Mudlama għall-​Alpi Svizzeri

KIF RAKKONTATA MINN LOTHAR WALTHER

Wara li qattajt tliet snin twal fil-​kalzrijiet mudlama tal-​ħabsijiet Komunisti fil-​Ġermanja tal-​Lvant, kelli ġenn biex induq it-​togħma ħelwa tal-​libertà u s-​sħubija kollha mħabba tal-​familja tiegħi.

MADANKOLLU, ma kontx lest għall-​ħarsa mħawda li kellu fuq wiċċu Johannes, ibni taʼ sitt snin. Fit-​tieni nofs taʼ ħajtu, hu ma kienx ra lil missieru. Għalih, jien kont stranġier għalkollox.

Kuntrarju għal ibni, jien gawdejt is-​sħubija tal-​ġenituri tiegħi li tant kienu jħobbuni. Id-​dar tagħna f’Chemnitz, il-​Ġermanja, fejn twilidt fl-​1928, kienet mimlija b’atmosfera taʼ mħabba. Missieri kien jitkellem fil-​beraħ dwar kemm ma kienx kuntent bir-​reliġjon. Hu kien jiftakar li matul l-​ewwel gwerra dinjija, meta kien jasal il-​25 taʼ Diċembru, is-​suldati “Kristjani” fuq kull naħa kienu jixtiequ “l-​Milied it-​tajjeb” lil xulxin, biex l-​għada kienu jerġgħu jibdew joqtlu lil xulxin. Għalih, ir-​reliġjon kienet l-​agħar forma taʼ ipokrisija.

Il-​Fidi Tieħu Post id-​Diżappunt

B’ferħ ngħid li jien ma kellix l-​istess diżappunt. It-​tieni gwerra dinjija spiċċat meta kelli 17-il sena, u skappajt bi żbrixx milli ninkiteb għal-​lieva. Xorta waħda, kont inkwetat b’mistoqsijiet bħal, ‘Għala hawn dan il-​qtil kollu? Lil min nistaʼ nafda? Fejn nistaʼ nsib sigurtà vera?’ Il-​Ġermanja tal-​Lvant, fejn konna noqogħdu, ġiet taħt il-​kontroll tas-​Sovjetiċi. L-​ideali tal-​Komunisti dwar il-​ġustizzja, l-​ugwaljanza, u r-​relazzjonijiet paċifiċi ħajru lil dawk li kienu mifluġa mill-​ħsara tal-​gwerra. Dalwaqt, ħafna minn dawn l-​uħud sinċieri kienu se jisfaw diżappuntati bil-​kbir—din id-​darba, mhux mir-​reliġjon, imma mill-​politika.

Kien waqt it-​tfittxija tiegħi għal tweġibiet sinifikanti li waħda miz-​zijiet tiegħi, li kienet waħda mix-​Xhieda taʼ Jehovah, kellmitni dwar it-​twemmin tagħha. Hi tatni pubblikazzjoni bbażata fuq il-​Bibbja li qanqlitni biex naqra—għall-​ewwel darba f’ħajti—il-​kapitlu 24 kollu taʼ Mattew. Laqtuni ħafna l-​ispjegazzjonijiet raġunevoli u konvinċenti li kien fih il-​ktieb, li jidentifikaw iż-​żmien tagħna bħala “tmiem id-​dinja” u li jippontaw lejn il-​kaġun prinċipali għall-​problemi taʼ l-​umanità.—Mattew 24:3; Apokalissi 12:9.

Malajr irċivejt iktar pubblikazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah, u jien u naqrahom b’entużjażmu kbir, irrealizzajt li sibt il-​verità li tant kont ili nfittex bil-​ħerqa. Kemm fraħt meta sirt naf li Ġesù Kristu sar Sultan fl-​1914 u li dalwaqt se jrażżan l-​elementi li jiċħdu lil Alla ħalli jġib il-​barkiet għall-​bnedmin ubbidjenti kollha! Għalija, skoperta kbira oħra kienet il-​fehma ċara dwar il-​fidwa. Għenitni nersaq iktar qrib Alla Jehovah b’talb mill-​qalb biex nitolbu maħfra. L-​istedina ħelwa f’Ġakbu 4:8 verament messitli qalbi. Din tgħid: “Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom.”

Minkejja li jien kont qed infur bl-​entużjażmu minħabba t-​twemmin li kont għadni kif ksibt, il-​ġenituri tiegħi u oħti għall-​ewwel ma ridux jaċċettaw dak li għedtilhom. Madankollu, dan ma naqqaslix ix-​xewqa tiegħi li nattendi l-​laqgħat Kristjani li kienu jsiru ħdejn Chemnitz minn grupp żgħir taʼ Xhieda. Kont verament sorpriż meta l-​ġenituri tiegħi u oħti ġew miegħi għall-​ewwel laqgħa! Dan kien fix-​xitwa taʼ l-​1945/46. Iktar tard meta ġie fformat grupp għall-​istudju tal-​Bibbja f’Harthau, fejn konna noqogħdu, il-​familja tiegħi bdiet tattendi regolarment.

“Għadni Żgħir”

It-​tagħlim li ħadt dwar veritajiet Bibliċi importanti u s-​sħubija regulari man-​nies taʼ Jehovah wassluni biex niddedika ruħi lil Jehovah u nitgħammed fil-​25 taʼ Mejju, 1946. B’sodisfazzjon kbir għalija, il-​membri tal-​familja tiegħi wkoll għamlu progress spiritwali, u maż-​żmien it-​tlieta li huma saru Xhieda leali. Oħti għadha taqdi bħala membru attiv f’waħda mill-​kongregazzjonijiet f’Chemnitz. Il-​ġenituri tiegħi qdew lealment sakemm mietu, ommi fl-​1965 u missieri fl-​1986.

Sitt xhur wara li tgħammidt bdejt naqdi bħala pijunier speċjali. Dan kien il-​bidu taʼ ħajja twila taʼ servizz fi żmien favorevoli u fi żmien taʼ inkwiet. (2 Timotju 4:2) Malajr infetħu opportunitajiet ġodda taʼ servizz. Kien hemm bżonn taʼ evanġelizzaturi full-time f’post imbiegħed fil-​lvant tal-​Ġermanja. Jien u ħu ieħor applikajna għall-​inkarigu, imma ħassejt li la kelli l-​esperjenza u lanqas il-​maturità għal din ir-​responsabbiltà. Peress li kelli biss 18-il sena, ħassejtni bħal Ġeremija: “Ah, . . . Mulej, ma nafx nitkellem, għadni żgħir.” (Ġeremija 1:6) Minkejja l-​biżaʼ tiegħi, l-​aħwa responsabbli b’qalb tajba ddeċidew li jagħtuna ċ-​ċans. Għalhekk, intbgħatna naqdu f’Belzig, belt żgħira fl-​istat taʼ Brandenburg.

L-ippridkar f’dan it-​territorju kien verament taʼ sfida, imma pprovdieli taħriġ prezzjuż. Maż-​żmien, diversi negozjanti nisa prominenti aċċettaw il-​messaġġ tas-​Saltna u saru Xhieda taʼ Jehovah. Madankollu, il-​pożizzjoni tagħhom bħala Xhieda kienet tmur kontra t-​tradizzjonijiet qawwija u s-​suspetti taʼ din il-​komunità iżolata u żgħira. Il-​kleru Kattoliku u dak Protestant opponew bl-​aħrax u xerrdu l-​malafama kontrina minħabba x-​xogħol tagħna taʼ l-​ippridkar. Imma minħabba li fdajna f’Jehovah għall-​gwida u l-​protezzjoni, stajna ngħinu lil għadd taʼ wħud interessati biex iħaddnu l-​verità.

L-​Intolleranza Tidher Riesqa

Is-​sena 1948 ġabet magħha kemm barkiet u kemm diffikultajiet mhux mistennija. L-​ewwel, ngħatajt l-​inkarigu li naqdi bħala pijunier f’Rudolstadt, Thuringia. Hemm sirt naf ħafna aħwa leali u gawdejt il-​kumpanija tagħhom. Barka importanti oħra waslet f’Lulju taʼ dik is-​sena. Iżżewwiġt lil Erika Ullmann, mara żagħżugħa Kristjana leali u attiva li kont ili nafha minn meta bdejt nattendi l-​laqgħat fil-​Kongregazzjoni taʼ Chemnitz. Bdejna naqdu bħala pijunieri flimkien f’Harthau, ir-​raħal tiegħi. Madankollu, maż-​żmien Erika ma setgħetx tkompli fis-​servizz full-time minħabba problemi taʼ saħħa u raġunijiet oħra.

Dawn kienu żminijiet diffiċli għan-​nies taʼ Jehovah. Id-​Dipartiment tax-​Xogħol f’Chemnitz annulla l-​karta li kienet tippermettili nixtri ċertu ammont taʼ ikel bi prezz fiss. Dan għamlu sabiex jisforzani nieqaf mix-​xogħol taʼ l-​ippridkar u nfittex xogħol sekulari full-time. Xi aħwa responsabbli użaw il-​każ tiegħi biex jitolbu rikonoxximent legali mill-​Istat. Dan ġie miċħud, u fit-​23 taʼ Ġunju, 1950, ngħatajt is-​sentenza biex inħallas multa jew jitfgħuni 30 jum il-​ħabs. Appellajna għad-​deċiżjoni, imma l-​qorti għolja ċaħdet l-​appell, u ntbgħatt il-​ħabs.

Dan kien biss il-​bidu taʼ l-​oppożizzjoni u l-​inkwiet li kienu qed jiżdiedu bil-​mod il-​mod. Inqas minn xahar wara, f’Settembru taʼ l-​1950, wara li beda kampanja taʼ malafama fuq il-​mezzi tax-​xandir, ir-​reġim Komunista pprojbixxa l-​attivitajiet tagħna. Minħabba li żdidna malajr u bqajna newtrali, tawna t-​tikketta taʼ aġenzija taʼ spiji mill-​Punent, li twettaq “attività dubjuża” waqt li tippretendi li hi reliġjon. Dakinhar stess li ħarġet il-​projbizzjoni, marti wildet f’darna lit-​tifel tagħna Johannes, meta jien kont il-​ħabs. Minkejja li l-​qâbla pprotestat, l-​uffiċjali tas-​Sigurtà taʼ l-​Istat daħlu bil-​forza fl-​appartament tagħna u fittxew għall-​evidenza sabiex jagħtu prova taʼ l-​akkużi tagħhom. M’għandniex xi ngħidu, huma ma sabu xejn. Minkejja dan, iktar tard irnexxielhom ideffsu spija fil-​kongregazzjoni tagħna. Dan wassal biex f’Ottubru taʼ l-​1953, l-​aħwa rġiel responsabbli ġew arrestati, inkluż jien.

Fil-​Kalzrijiet Mudlama

Wara li ġejna dikjarati ħatja u ngħatajna sentenzi li jibdew minn tliet snin sa sitt snin, ngħaqadna maʼ għadd taʼ aħwa fil-​kalzri inkallati tal-​Kastell Osterstein, fi Zwickau. Minkejja l-​kundizzjonijiet terribbli f’dan il-​post, veru fraħna bis-​sħubija li kellna maʼ aħwa maturi. In-​nuqqas taʼ libertà tagħna ma kienx ifisser nuqqas taʼ ikel spiritwali. Għalkemm konna mibgħudin u projbiti mir-​reġim, It-​Torri taʼ l-​Għassa daħal baxx baxx il-​ħabs u dritt fiċ-​ċelel tagħna! Kif?

Xi aħwa kienu inkarigati jaħdmu f’minjieri tal-​faħam fejn setgħu jiltaqgħu maʼ Xhieda mhux ħabsin li tawhom ir-​rivisti. Imbagħad l-​aħwa kienu jġibu r-​rivisti bil-​moħbi fil-​ħabs u b’għaqal kbir irnexxielhom jgħaddulna lkoll l-​ikel spiritwali li tant kellna bżonn. Verament kont kuntent u inkuraġġit minħabba li esperjenzajt l-​attenzjoni u d-​direzzjoni taʼ Jehovah b’dan il-​mod!

Sa l-​aħħar tas-​sena 1954, intbgħatna fil-​ħabs mistkerrah taʼ Torgau. Ix-​Xhieda taʼ dan il-​post ferħu bina. Sa dakinhar kienu baqgħu b’saħħithom spiritwalment billi rripetew dak li setgħu jiftakru minn artikli antiki tat-​Torri taʼ l-​Għassa. Kemm kienu jixxennqu għal provvista ġdida taʼ ikel spiritwali! Issa kien imiss lilna li naqsmu magħhom il-​punti li studjajna fi Zwickau. Imma kif stajna nagħmlu dan minħabba li kien projbit strettament li nkellmu lil xulxin waqt il-​mixjiet tagħna taʼ kuljum? Fil-​fatt, l-​aħwa kienu tawna xi suġġerimenti prezzjużi dwar kif kellna naġixxu, u l-​id qawwija taʼ protezzjoni taʼ Jehovah kienet fuqna. Dan għallimna kemm hu importanti li nħabirku fl-​istudju tal-​Bibbja u fil-​meditazzjoni meta nkunu liberi u jkollna l-​opportunità biex nagħmlu dan.

Żmien għal Deċiżjonijiet Importanti

Bl-​għajnuna taʼ Jehovah bqajna sħaħ fil-​fidi. B’sorpriża kbira, xi wħud minna nħlisna fl-​aħħar tas-​sena 1956. Ma nistax nispjega l-​ferħ li ħassejna meta nfetħu l-​bibien tal-​ħabs! Sa dakinhar, ibni kellu sitt snin, u tgħidx kemm fraħt meta stajt nerġaʼ ningħaqad maʼ marti fit-​trobbija taʼ binna. Għal xi żmien Johannes ittrattani qisni barrani, imma malajr żviluppat rabta taʼ mħabba bejnietna.

Ix-Xhieda taʼ Jehovah fil-​Ġermanja tal-​Lvant kienu qed jiffaċċjaw żmien tassew diffiċli. Minħabba li bdiet tiżdied l-​oppożizzjoni lejn il-​ministeru Kristjan u l-​pożizzjoni newtrali tagħna, kellna ngħixu taħt theddida kontinwa—ħajja mimlija perikli, inkwiet, u keded. Għalhekk, jien u Erika kellna neżaminaw sew is-​sitwazzjoni tagħna bit-​talb, u ħassejna l-​bżonn li mmorru ngħixu xi mkien ieħor sabiex ikollna kundizzjonijiet iktar favorevoli ħalli ma ninfnewx bl-​inkwiet. Ridna l-​libertà biex naqdu lil Jehovah u nilħqu l-​miri spiritwali tagħna.

Fir-rebbiegħa taʼ l-​1957, ġietna opportunità biex immorru ngħixu fi Stuttgart, fil-​Ġermanja tal-​Punent. Hemmhekk, ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar ma kienx projbit, u aħna stajna nissieħbu maʼ ħutna bil-​libertà kollha. L-​appoġġ kollu mħabba tagħhom kien taʼ l-​għaġeb. Qattajna sebaʼ snin mal-​kongregazzjoni taʼ Hedelfingen. Matul dawk is-​snin, it-​tifel beda l-​iskola u għamel progress tajjeb. F’Settembru taʼ l-​1962, gawdejt il-​privileġġ li nattendi l-​Iskola tal-​Ministeru tas-​Saltna f’Wiesbaden. Hemmhekk ġejt inkuraġġit biex immur ngħix mal-​familja tiegħi fejn kien hemm bżonn taʼ għalliema tal-​Bibbja li jitkellmu l-​Ġermaniż. Dan inkluda ċerti nħawi fil-​Ġermanja u l-​Isvizzera.

Għal fuq l-​Alpi Svizzeri

Għalhekk, fl-​1963 morna l-​Isvizzera. Ngħatajna d-​direzzjoni biex naħdmu maʼ kongregazzjoni żgħira fi Brunnen, ħdejn il-​Lag sabiħ taʼ Lucerne, fil-​parti ċentrali taʼ l-​Alpi Svizzeri. Għalina, konna qisna qegħdin f’ġenna taʼ l-​art. Kellna nidraw id-​djalett Ġermaniż li jitkellmu f’dan il-​post, l-​istil taʼ ħajja lokali, u l-​mentalità tan-​nies. Minkejja dan, ħadna pjaċir fix-​xogħol u l-​ippridkar qalb dawn in-​nies paċifiċi. Għamilna 14-il sena fi Brunnen. It-​tifel kiber f’dan il-​post.

Fl-1977, meta kelli kważi 50 sena, ġejna mistidnin naqdu fil-​Betel taʼ l-​Isvizzera f’Thun. Rajnieh bħala privileġġ mhux mistenni u aċċettajnieh b’apprezzament kbir. Jien u marti għamilna disaʼ snin fis-​servizz f’Betel, u dan ngħożżuh bħala xi ħaġa taʼ importanza speċjali fil-​ħajja Kristjana u fl-​iżvilupp spiritwali tagħna. Gawdejna wkoll l-​ippridkar mal-​pubblikaturi lokali f’Thun u fil-​viċinanzi, fejn dejjem kellna veduta taʼ l-​‘għeġubijiet’ taʼ Jehovah, il-​muntanji maestużi bil-​qċaċet kollha borra fl-​Alpi ħdejn Bern.—Salm 9:2 (9:1, NW).

Immorru Ngħixu xi Mkien Ieħor

Fil-​bidu taʼ l-​1986, għal darb’oħra morna ngħixu xi mkien ieħor. Intlabna mmorru naqdu bħala pijunieri speċjali f’territorju kbir ħafna assenjat lill-​kongregazzjoni taʼ Buchs fil-​parti tal-​lvant taʼ l-​Isvizzera. Kellna nerġgħu nidraw stil taʼ ħajja differenti. Madankollu, peress li konna mqanqlin mix-​xewqa tagħna biex naqdu lil Jehovah kulfejn stajna nintużaw bl-​aħjar mod, dħalna għal dan l-​inkarigu ġdid, u esperjenzajna l-​barka tiegħu. Ġieli kont sostitut għall-​indokraturi li jivvjaġġaw, inżur u nsaħħaħ lill-​kongregazzjonijiet. Għaddew tmintax-il sena minn dakinhar, u gawdejna ħafna esperjenzi hienja fl-​ippridkar f’dawn l-​inħawi. Il-​kongregazzjoni f’Buchs kibret, u aħna ngawdu l-​laqgħat tagħna f’Sala tas-​Saltna mill-​isbaħ li ġiet dedikata ħames snin ilu.

Jehovah ħa ħsiebna b’ġenerożità kbira. Qattajna l-​biċċa l-​kbira minn ħajjitna fil-​ministeru full-time, imma qatt ma naqasna xejn. Għandna l-​ferħ u s-​sodisfazzjon li naraw lit-​tifel u ’l martu, u ’l uliedhom, kif ukoll il-​familji taʼ wliedhom, mexjin lealment fil-​mogħdija taʼ Jehovah.

Meta nħares lura, inħoss li, tabilħaqq, qdejna lil Jehovah fi żmien favorevoli u fi żmien taʼ inkwiet. L-​isforzi tiegħi fil-​ministeru Kristjan ħaduni mill-​kalzrijiet mudlama tal-​ħabsijiet Komunisti għall-​muntanji kollhom ġmiel taʼ l-​Alpi Svizzeri. Jien u l-​familja tiegħi m’għandna l-​ebda dispjaċir.

[Kaxxa f’paġna 28]

“Vittmi Darbtejn” Iżommu Sod fil-​Persekuzzjoni

Taħt ir-​Repubblika Demokratika Ġermaniża (GDR), magħrufa wkoll bħala l-​Ġermanja tal-​Lvant, ix-​Xhieda taʼ Jehovah ġew mgħakksin bil-​kbir. Dokumenti miktubin juru li iktar minn 5,000 Xhud intbagħtu fil-​kampijiet tax-​xogħol iebes forzat u fiċ-​ċentri tad-​detenzjoni minħabba l-​ministeru u n-​newtralità Kristjana.—Isaija 2:4.

Xi wħud minnhom ġew deskritti bħala li sfaw “vittmi darbtejn.” Xi 325 minnhom intefgħu l-​ħabs fil-​kampijiet tal-​konċentrament u l-​ħabsijiet tan-​Nazi. Imbagħad fl-​1950, ġew imfittxijin u mitfugħin il-​ħabs mill-​iStasi, is-​Servizzi tas-​Sigurtà taʼ l-​Istat tal-​GDR. Anki xi wħud mill-​ħabsijiet servew għal żewġ skopijiet—l-​ewwel bħala ħabsijiet tan-​Nazi u mbagħad bħala ħabsijiet taʼ l-​iStasi.

Matul l-​ewwel għaxar snin taʼ persekuzzjoni qawwija, mill-​1950 sa l-​1961, total taʼ 60 Xhud—rġiel u nisa—mietu fil-​ħabs minħabba trattament ħażin, nuqqas taʼ nutriment, mard, jew l-​età avanzata. Tnax-il Xhud ngħataw sentenzi l-​ħabs għal ħajjithom kollha u iktar tard tnaqqsulhom għal 15-il sena ħabs.

Illum, f’dawk li qabel kienu l-​kwartieri ġenerali taʼ l-​iStasi f’Berlin, hemm wirja permanenti li tiffoka fuq l-​40 sena taʼ persekuzzjoni uffiċjali fuq ix-​Xhieda taʼ Jehovah fil-​Ġermanja tal-​Lvant. Ir-​ritratti u r-​rakkonti persunali li jintwerew hawnhekk jagħtu xiehda silenzjuża tal-​kuraġġ u s-​saħħa spiritwali taʼ dawn ix-​Xhieda li baqgħu leali meta għaddew minn prova tan-​nar.

[Mappa f’paġna 24, 25]

IL-​ĠERMANJA TAL-​LVANT

Rudolstadt

Belzig

Torgau

Chemnitz

Zwickau

[Stampa f’paġna 25]

Il-​Kastell Osterstein, fi Zwickau

[Sors]

Fotosammlung des Stadtarchiv Zwickau, Deutschland

[Stampa f’paġna 26]

Maʼ marti, Erika