Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-​Qarrejja

David, qaddej leali taʼ Jehovah, għala ħalla lil martu Mikal ikollha xbieha, jew idolu, tat-​terafim, kif inhu muri fl-1 Samwel 19:12, 13?

L-​ewwelnett, ejja nikkunsidraw il-​kuntest fil-​qosor. Meta l-​aħbar dwar il-​komplott tas-​Sultan Sawl biex joqtol lil David wasal għand mart David, hi aġixxiet mill-​ewwel. Il-​Bibbja tgħid: “Mikal niżżlet lil David mit-​tieqa, u dan qabad u telaq, u ħeles. U Mikal qabdet it-​terafim [li evidentement kien id-​daqs u l-​forma taʼ raġel], għattietu u qegħditu fil-​friex, ħadet biċċa xagħar tal-​mogħoż, u qegħditha ħdejn rasu, u għattietu bil-​ħwejjeġ.” Meta l-​messaġġiera taʼ Sawl ġew biex jaħtfu lil David, Mikal qaltilhom: “Marid!” Din it-​tattika tawlet it-​tfittxija għal David, u rnexxielu jaħrab.—1 Samwel 19:11-16.

Sejbiet arkeoloġiċi jissuġġerixxu li fiż-​żminijiet tal-​qedem, ix-​xbihat tat-​terafim mhux biss kienu jintużaw għal skopijiet reliġjużi iżda wkoll għal skopijiet legali. Hekk bħalma l-​kuntratti tal-​proprjetà u t-​testmenti bil-​miktub jiddeterminaw id-​drittijiet tal-​wirt illum, l-​istess kienu x-​xbihat tat-​terafim ħafna żmien ilu. Milli jidher, li jkollok terafim setaʼ, f’ċerti ċirkustanzi, jagħti lil ħaten id-​dritt li jiret il-​proprjetà taʼ missier martu li jkun miet. Dan jistaʼ jispjega għala, f’okkażjoni iktar kmieni, Rakel ħadet ix-​xbihat tat-​terafim mingħand missierha u għala dan kien daqshekk ansjuż biex jiħodhom lura. F’dak il-​waqt, Ġakobb, ir-​raġel taʼ Rakel, ma kienx jaf dwar dak li kienet għamlet martu.—Ġenesi 31:14-34.

Meta l-​Iżraelin saru ġens, irċivew l-​Għaxar Kmandamenti, li t-​tieni wieħed minnhom jipprojbixxi b’mod speċifiku li jsiru x-​xbihat. (Eżodu 20:4, 5) Iktar tard, il-​profeta Samwel irrefera għal din il-​liġi meta kellem lis-​Sultan Sawl. Hu qal: “Ir-​ribelljoni daqs id-​dnub tas-​seħer, u li twebbes rasek daqs il-​ħażen tal-​qima tax-​xbihat [“terafim,” NW].” (1 Samwel 15:23) Minħabba din ir-​raġuni, wisq probabbli t-​terafim ma kellux skopijiet taʼ wirt ġewwa Iżrael. Minkejja dan, din il-​forma antika taʼ superstizzjoni Lhudija tidher li kompliet f’xi familji ġewwa Iżrael. (Mħallfin 17:5, 6; 2 Slaten 23:24) Il-​fatt li Mikal kellha x-​xbieha tat-​terafim fost l-​affarijiet li kienet tippossiedi, jissuġġerixxi li qalbha ma kinitx sħiħa maʼ Jehovah. David jew ma kienx jaf dwar ix-​xbieha tat-​terafim jew ittollerah minħabba li Mikal kienet it-​tifla tas-​Sultan Sawl.

Il-ħarsa taʼ David dwar id-​devozzjoni esklużiva lejn Jehovah hija espressa f’dan il-​kliem: “Kbir il-​Mulej, taʼ min ifaħħru ħafna, tal-​biżaʼ aktar mill-​allat kollha. Għax kollha frugħa l-​allat tal-​popli, Jaħweh hu li għamel is-​smewwiet.”—1 Kronaki 16:25, 26.

[Stampa f’paġna 29]

It-​tieni mill-​Għaxar Kmandamenti kien jipprojbixxi li jsiru xbihat, bħal dak tat-​terafim muri hawnhekk

[Sors]

From the book The Holy Land, Vol. II, 1859