Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Qegħdin iċ-Ċirkustanzi Tiegħek Jikkontrollawlek Ħajtek?

Qegħdin iċ-Ċirkustanzi Tiegħek Jikkontrollawlek Ħajtek?

Qegħdin iċ-​Ċirkustanzi Tiegħek Jikkontrollawlek Ħajtek?

IĊ-​ĊIRKUSTANZI diffiċli u l-​problemi huma komuni f’dan iż-​“żmien iebes.” (2 Timotju 3:1) Xi problemi jistgħu jkunu temporanji u maż-​żmien jitilqu. Oħrajn jibqgħu għaddejjin xhur jew saħansitra snin sħaħ. Minħabba f’hekk, ħafna jħossuhom bħas-​salmista David, li għajjat lil Jehovah: “Id-​dwejjaq taʼ qalbi żdiedu: eħlisni min-​niket tiegħi.”—Salm 25:17, .

Qiegħed int tissielet maʼ problemi kbar wisq għalik? Jekk inhu hekk, tistaʼ ssib l-​għajnuna u l-​inkuraġġiment fil-​Bibbja. Ejja nikkunsidraw il-​ħajjiet taʼ żewġ qaddejja leali taʼ Jehovah li rnexxielhom ikampaw mad-​diffikultajiet: Ġużeppi u David. Billi neżaminaw kif irreaġixxew fl-​inkwiet, nistgħu nitgħallmu lezzjonijiet prattiċi li se jgħinuna nkampaw maʼ sfidi simili llum.

Iffaċċjaw Sfidi Serji

Meta Ġużeppi kellu 17-il sena, hu kien diġà qed jiffaċċja problema serja fil-​familja tiegħu. Ħutu l-​kbar raw li Ġakobb, missierhom, lil Ġużeppi “kien iħobbu aktar minn ħutu kollha.” Għalhekk, “saru jobogħduh u ma kellhomx ħila jkellmuh bis-​sliem.” (Ġenesi 37:4) Tistaʼ taħseb kemm din is-​sitwazzjoni kkaġunatlu ansjetà u stress lil Ġużeppi. Maż-​żmien, ħutu tant saru jobogħduh li bigħuh bħala lsir.—Ġenesi 37:26-33.

Waqt li kien ilsir fl-​Eġittu, Ġużeppi kellu jirreżisti t-​tentazzjonijiet immorali li kienet tagħmillu l-​mara taʼ sidu. Meta Ġużeppi rrifjutaha, din tant irrabjat li akkużatu b’mod falz li pprova jistupraha. Intbagħat “il-​ħabs,” u hemmhekk “rabtulu riġlejh bil-​ktajjen, dawwrulu l-​ħadid maʼ għonqu.” (Ġenesi 39:7-20; Salm 105:17, 18) Min jaf kemm kien diffiċli dan għalih! Ġużeppi qattaʼ madwar 13-il sena bħala lsir jew ħabsi minħabba l-​inġustizzji li għamlulu oħrajn, fosthom membri tal-​familja tiegħu stess.—Ġenesi 37:2; 41:46.

David taʼ Iżrael tal-​qedem ukoll iffaċċja l-​provi bħala żagħżugħ. Għal ħafna snin kellu bilfors jgħix bħala maħrub, ikkaċċjat qisu annimal mis-​Sultan Sawl. Ħajjet David kienet dejjem fil-​periklu. Darba minnhom, hu mar għal xi ikel għand Aħimelek il-​qassis. (1 Samwel 21:2-8 [21:1-7, NW]) Meta sar jaf li Aħimelek kien għen lil David, Sawl ordna li jinqatel Aħimelek u mhux hekk biss, imma wkoll il-​qassisin kollha u l-​familji tagħhom. (1 Samwel 22:12-19) Tistaʼ timmaġina d-​diqa kbira li ħass David? Hu kien ikkaġuna b’mod indirett din it-​traġedja.

Aħseb dwar is-​snin taʼ inkwiet u maltrattament li ssaportew Ġużeppi u David. Billi neżaminaw x’għamlu biex għelbu s-​sitwazzjonijiet diffiċli tagħhom, nistgħu nitgħallmu affarijiet siewja ħafna. Ejja nikkunsidraw tliet modi fiex dawn l-​irġiel jistħoqqilhom jiġu imitati.

Tibqax Irrabjat u Żżomm f’Qalbek

L-​ewwelnett, dawn l-​irġiel leali rrifjutaw li jinqabdu fin-​nassa li jibqgħu rrabjati u jżommu f’qalbhom. Waqt li Ġużeppi kien il-​ħabs, setaʼ faċilment joqgħod jaħseb b’mod negattiv dwar it-​tradiment minn ħutu, billi forsi joqgħod jimmaġina l-​vendetta li setaʼ jagħmel jekk qatt jerġaʼ jarahom. Kif nafu li Ġużeppi rreżista dawn il-​ħsibijiet taʼ ħsara? Ikkunsidra kif irreaġixxa meta kellu l-​opportunità li jivvendika ruħu minn ħutu meta ġew l-​Eġittu biex jixtru l-​qamħ. Ir-​rakkont jgħid: “[Ġużeppi] tbiegħed minnhom u beka. . . . U Ġużeppi ordna [lill-qaddejja tiegħu] li [lill-ħutu] jimlewlhom l-​ixkejjer tagħhom bil-​qamħ u li jqiegħdu l-​bċejjeċ tal-​fidda taʼ kull wieħed fl-​ixkora tiegħu, u li jagħtuhom ikel għat-​triq.” Iktar tard, meta bagħat lil ħutu biex iġibu lil missierhom lejn l-​Eġittu, Ġużeppi ħeġġiġhom: “Issa toqogħdux titlewwmu fit-​triq.” Kemm bil-​kliem kif ukoll bl-​azzjonijiet, Ġużeppi wera li ma ħalliex ir-​rabja u l-​fatt li joqgħod iżomm f’qalbu jeqirdulu ħajtu.—Ġenesi 42:24, 25; 45:24.

B’mod simili, David ma qagħadx jaħseb fit-​tul fuq dak li għamillu s-​Sultan Sawl u jħalli r-​rabja tiegħu tikber għalih. David darbtejn ġietu l-​opportunità li joqtol lil Sawl. Madankollu, meta l-​irġiel li kienu miegħu ħeġġewh jagħmel hekk, David qal: “Iħarisni l-​Mulej! Ma jkun qatt li nagħmel dan lil sidi, il-​midluk tal-​Mulej, li mmidd idi fuqu, għax hu l-​midluk tal-​Mulej.” David ħalla kollox f’idejn Jehovah, u qal lill-​irġiel: “Daqs kemm hu ħaj il-​Mulej, il-​Mulej biss jilħqu, jew jasal il-​jum tiegħu u jmut, jew jinżel għall-​gwerra u jinqered.” Iktar tard, David saħansitra kkompona għanja taʼ niket meta mietu Sawl u bin Sawl, Ġonatan. Bħal Ġużeppi, David ma ħalliex lilu nnifsu jittiekel mir-​rabja.—1 Samwel 24:4-7 (24:3-6, NW); 26:7-13; 2 Samwel 1:17-27.

Inżommu aħna f’qalbna u nibqgħu rrabjati meta xi ħadd iweġġagħna b’xi inġustizzja? Faċli jiġrilna hekk. Jekk inħallu l-​emozzjonijiet tagħna jaħkmuna, ir-​riżultat jistaʼ jagħmlilna iktar ħsara mill-​inġustizzja nfisha. (Efesin 4:26, 27) Forsi veru li ftit jew xejn ikollna kontroll fuq dak li jagħmel ħaddieħor, imma r-​reazzjoni tagħna nistgħu nikkontrollawha. Meta jkollna fidi li Jehovah se jieħu ħsieb l-​affarijiet meta jkun wasal iż-​żmien Tiegħu, se jkun iktar faċli li ma nibqgħux irrabjati u nżommu f’qalbna.—Rumani 12:17-19.

Agħmel l-​Aħjar li Tistaʼ biex Taddatta Ruħek għas-​Sitwazzjoni Tiegħek

It-​tieni ħaġa li nistgħu nitgħallmu hi li ma nħallux iċ-​ċirkustanzi tagħna jwaqqfuna milli naġixxu b’mod normali. Forsi tant inkunu inkwetati b’dak li ma nistgħux nagħmlu li ma narawx dak li nistgħu nagħmlu. Fil-​fatt, iċ-​ċirkustanzi tagħna jibdew jikkontrollawna. Dan setaʼ ġara lil Ġużeppi. Minflok, hu għażel li jagħmel l-​aħjar li jistaʼ biex jaddatta ruħu għas-​sitwazzjoni tiegħu. Waqt li kien qed jaqdi bħala lsir, Ġużeppi “sab grazzja f’għajnejn sidu, u kien iservih, u hu qiegħdu fuq daru kollha.” Ġużeppi aġixxa b’mod simili meta kien il-​ħabs. Minħabba l-​barka taʼ Jehovah u l-​bżulija taʼ Ġużeppi, “il-​kap tal-​ħabs ħalla f’idejn Ġużeppi l-​ħabsin kollha li kien hemm; u kull ma kien isir hemm ġew kien jagħmlu hu.”—Ġenesi 39:4, 21-23.

Matul is-​snin li David għex bħala maħrub, hu wkoll għamel l-​aħjar li setaʼ biex jaddatta ruħu għaċ-​ċirkustanzi li kellu. Waqt li kien qed jgħix fid-​deżert taʼ Faran, hu u l-​irġiel li kienu miegħu pproteġew il-​merħliet taʼ Nabal mill-​qtajjaʼ tal-​ħallelin. “Huma kienu sur għalina billejl u binhar,” qal wieħed mir-​rgħajja taʼ Nabal. (1 Samwel 25:16) Iktar tard, meta kien qiegħed Siklag, David ħabat għall-​bliet miżmuma mill-​għedewwa taʼ Iżrael lejn in-​nofsinhar tiegħu, u b’hekk ipproteġa l-​fruntieri taʼ Ġuda.—1 Samwel 27:8; 1 Kronaki 12:21-23 (12:20-22, NW).

Għandna aħna bżonn nagħmlu iktar sforz sabiex nagħmlu l-​aħjar li nistgħu ħalli naddattaw ruħna għaċ-​ċirkustanzi li jkollna? Minkejja li forsi jkun diffiċli, jistaʼ jirnexxilna. Meta rrifletta ftit dwar ħajtu, l-​appostlu Pawlu kiteb: “Jien issa tgħallimt ngħaddi b’dak li jkolli. . . . Kollox drajt u noqgħod għal kollox; ix-​xabaʼ u l-​ġuħ; il-​ġid u l-​għaks.” Pawlu kif żviluppa din il-​ħarsa lejn il-​ħajja? Billi dejjem straħ fuq Jehovah. Hu ammetta: “Għal kollox niflaħ bis-​saħħa taʼ dak li jqawwini.”—Filippin 4:11-13.

Stenna lil Jehovah

It-​tielet ħaġa li nitgħallmu hi li minflok ma nużaw mezzi mhux Skritturali biex nibdlu ċ-​ċirkustanzi tagħna, għandna nistennew lil Jehovah biex jaġixxi. Id-​dixxiplu Ġakbu kiteb: “Ħallu li s-​sabar ikollu l-​milja tiegħu fikom, biex tkunu perfetti u sħaħ, bla ma jkun jonqoskom xejn.” (Ġakbu 1:4) Is-​sabar għandu jitħalla jkollu “l-​milja tiegħu” fina billi nissaportu l-​prova sa l-​aħħar u ma nużawx mezzi mhux Skritturali biex intemmuha malajr. Imbagħad il-​fidi tagħna se tiġi testjata u rfinuta, u se jidher ċar kemm hi qawwija u soda. Ġużeppi u David issaportew b’dan il-​mod. Ma pprovawx isibu soluzzjoni li forsi ma kinitx se togħġob lil Jehovah. Minflok, huma għamlu l-​aħjar li setgħu biex jaddattaw ruħhom għas-​sitwazzjonijiet tagħhom. Huma stennew lil Jehovah, u kemm irċivew barkiet talli għamlu hekk! Jehovah użahom it-​tnejn biex jeħles u jmexxi l-​poplu tiegħu.—Ġenesi 41:39-41; 45:5; 2 Samwel 5:4, 5.

Aħna wkoll nistgħu niffaċċjaw sitwazzjonijiet li fihom tiġina t-​tentazzjoni li nfittxu soluzzjonijiet mhux Skritturali. Per eżempju, tinsab int skuraġġit għax għadek ma sibtx lil xi ħadd xieraq għaż-​żwieġ? Jekk inhu hekk, evita kwalunkwe tentazzjoni li tiġik biex tkun diżubbidjenti lejn il-​kmand taʼ Jehovah li tiżżewweġ biss “fil-​Mulej.” (1 Korintin 7:39) Għandek xi problemi fiż-​żwieġ? Minflok ma ċċedi għall-​ispirtu tad-​dinja li jinkuraġġixxi s-​separazzjoni u d-​divorzju, aħdmu flimkien bħala koppja biex issolvu d-​diffikultajiet li għaddejjin minnhom. (Malakija 2:16; Efesin 5:21-33) Qed issibha diffiċli biex tieħu ħsieb il-​familja minħabba s-​sitwazzjoni ekonomika tiegħek? Waħda mill-​affarijiet li trid tagħmel biex tistenna lil Jehovah hi li tevita li tagħmel xi ħaġa dubjuża jew illegali biex takkwista l-​flus. (Salm 37:25; Lhud 13:18) Iva, ilkoll kemm aħna rridu nistinkaw biex nagħmlu l-​aħjar li nistgħu ħalli naddattaw ruħna għaċ-​ċirkustanzi tagħna u nagħmlu l-​isforz ħalli Jehovah ikollu xi jbierek. Hekk kif nagħmlu dan, ejja nkunu determinati li nistennew lil Jehovah għas-​soluzzjoni perfetta.—Mikea 7:7.

Jehovah Se Jgħinek

Il-​fatt li nimmeditaw fuq kif persunaġġi Bibliċi bħal Ġużeppi u David irnexxielhom ikampaw mad-​diżappunti u s-​sitwazzjonijiet diffiċli jistaʼ jkollu effett pożittiv fuqna. Għalkemm l-​istejjer tagħhom jieħdu biss ftit paġni mill-​Bibbja, il-​provi tagħhom damu sejrin bosta snin. Staqsi lilek innifsek: ‘Dawn il-​qaddejja t’Alla kif tgħallmu jaċċettaw iċ-​ċirkustanzi tagħhom? Kif baqgħu ferħanin? Liema kwalitajiet kellhom jiżviluppaw?’

Tajjeb ukoll li nikkunsidraw is-​sabar tal-​qaddejja taʼ Jehovah fi żmienna. (1 Pietru 5:9) Ir-​rivisti Torri taʼ l-​Għassa u Stenbaħ! ikun fihom ħafna bijografiji kull sena. Taqrahom int u timmedita fuq l-​eżempju taʼ dawn il-​Kristjani leali? Barra minn hekk, fil-​kongregazzjonijiet tagħna nsibu wħud li jissaportu bil-​fedeltà ċirkustanzi ebsin. Tassoċja magħhom regolarment biex titgħallem minnhom fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni?—Lhud 10:24, 25.

Meta tiffaċċja ċirkustanzi diffiċli, kun ċert li Jehovah se jieħu ħsiebek u jgħinek. (1 Pietru 5:6-10) Stinka biex ma tħallix iċ-​ċirkustanzi tiegħek jikkontrollawlek ħajtek. Imita l-​eżempji taʼ Ġużeppi, David, u oħrajn billi ma tibqax iżżomm f’qalbek, billi tagħmel l-​aħjar li tistaʼ biex taddatta ruħek għas-​sitwazzjoni tiegħek, u billi tistenna lil Jehovah għas-​soluzzjoni perfetta. Ersaq qrib lejh permezz tat-​talb u l-​attivitajiet spiritwali. Jekk tagħmel hekk, int ukoll se ssib li tistaʼ tkun kuntent u ferħan anki fi żminijiet diffiċli.—Salm 34:9 (34:8, NW).

[Stampa f’paġna 21]

Ġużeppi ħadem biex jagħmel l-​aħjar li jistaʼ ħalli jaddatta għaċ-​ċirkustanzi tiegħu

[Stampa f’paġna 23]

David stenna lil Jehovah għas-​soluzzjoni tal-​problemi tiegħu