Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

‘Hi Għallmitna Nirrispettaw ir-Reliġjon Tagħha’

‘Hi Għallmitna Nirrispettaw ir-Reliġjon Tagħha’

‘Hi Għallmitna Nirrispettaw ir-​Reliġjon Tagħha’

WAĦDA mix-​Xhieda taʼ Jehovah mill-​provinċja taʼ Rovigo, l-​Italja, saret taf li kellha tumur u li l-​kundizzjoni tagħha kienet serja. Hi ddaħħlet l-​isptar diversi drabi, u kull darba kienet titlob li jikkurawha mingħajr trasfużjonijiet tad-​demm. Wara li kienet toħroġ mill-​isptar kienet tingħata l-​kura fid-​dar tagħha minn infermieri li jagħtu s-​servizz fil-​komunità lil dawk morda bil-​kanċer.

Il-fidi soda taʼ din il-​pazjenta taʼ 36 sena u l-​fatt li kienet lesta tikkoopera impressjona bil-​kbir lit-​tobba u l-​infermieri li ħadu ħsiebha. Ftit qabel ma l-​pazjenta mietet minħabba l-​kanċer, wieħed mill-​infermieri li għenha kiteb f’rivista għall-​infermieri dwar l-​esperjenza mal-​pazjenta li hu sejħilha Angela.

“Angela hija mimlija ħeġġa u għandha xewqa kbira li tgħix. Hi taf bil-​kundizzjoni tagħha u bil-​marda serja li qed tiffaċċja, u bħalma konna nagħmlu aħna fis-​sitwazzjoni tagħha, hi qed tfittex soluzzjoni, rimedju, jew mediċina. . . . Aħna l-​infermieri sirna nafuha ftit ftit. Hi m’opponietx l-​għajnuna tagħna. Għall-​kuntrarju, il-​fatt li Angela kienet sinċiera għamel l-​affarijiet eħfef. Kien il-​pjaċir tagħna li nieħdu ħsiebha, għax konna nafu li fil-​ħin li nqattgħu maʼ din il-​mara sinċiera lkoll konna se nibbenefikaw. . . . Aħna mill-​ewwel indunajna li r-​reliġjon tagħha kienet se tkun t’ostaklu biex nittrattaw il-​marda tagħha.” Din kienet l-​opinjoni tiegħu għax hu ħass li Angela kellha tingħata trasfużjonijiet tad-​demm, li hi rrifjutat.—Atti 15:28, 29.

“Bħala professjonisti fil-​kura tas-​saħħa, aħna għedna lil Angela li ma konniex naqblu mad-​deċiżjoni tagħha, imma bl-​għajnuna tagħha, aħna stajna nifhmu li l-​ħajja kienet tfisser ħafna għaliha. Fhimna wkoll l-​importanza tar-​reliġjon tagħha kemm għaliha u kemm għall-​familja tagħha. Angela ma qatgħetx qalbha. Ma ċedietx għall-​marda. Hi kuraġġuża ħafna. Trid tgħix, lesta li tiġġieled, u trid tibqaʼ ħajja. Hi esprimiet id-​determinazzjoni tagħha u t-​twemmin tagħha. Għandha determinazzjoni li spiss aħna stess m’għandniex, fidi, li fil-​każ tagħna m’hijiex daqshekk b’saħħitha. . . . Angela għallmitna l-​importanza li nirrispettaw ir-​reliġjon tagħha, xi ħaġa differenti ħafna mill-​etika professjonali tagħna. . . . Aħna nemmnu li dak li għallmitna Angela hu taʼ importanza kbira, għax aħna niltaqgħu maʼ kull tip taʼ nies, kull tip taʼ ċirkustanzi, u kull tip taʼ reliġjon, u aħna nistgħu nitgħallmu minnhom u huma jitgħallmu minna.”

L-artiklu mbagħad ġibed l-​attenzjoni għall-​Kodiċi taʼ l-​Etika Professjonali għall-​Infermieri Taljani, approvat fl-​1999, li jgħid: “L-​infermiera jaġixxu b’tali mod li juri li jikkunsidraw il-​valuri reliġjużi, etiċi, u kulturali taʼ l-​individwu, kif ukoll ir-​razza u s-​sess tiegħu.” Xi drabi, forsi jkun diffiċli għat-​tobba u l-​infermieri biex jirrispettaw it-​twemmin reliġjuż tal-​pazjent, u wieħed ma jistax ma japprezzax lil dawk li huma lesti jirrispettawhom.

Id-deċiżjonijiet li jieħdu x-​Xhieda taʼ Jehovah rigward il-​kura medika u tas-​saħħa tagħhom jiġu meħudin wara li jkunu ħasbu sew dwarhom. Huma jikkunsidraw bis-​serjetà dak li tgħid l-​iskrittura, u kif inhu muri fil-​każ t’Angela, huma m’humiex fanatiċi. (Filippin 4:5, NW) Madwar id-​dinja, numru li jiżdied taʼ professjonisti fil-​kura tas-​saħħa huma lesti li jirrispettaw il-​kuxjenza tal-​pazjenti tagħhom li huma Xhieda.