Il-Gradwati taʼ Gilgħad Joħorġu b’Żelu Kbir għax-Xogħol tal-Ħsad!
Il-Gradwati taʼ Gilgħad Joħorġu b’Żelu Kbir għax-Xogħol tal-Ħsad!
“IL-ĦSAD huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu.” (Mattew 9:37, 38) Dan il-kliem kellu tifsir speċjali għall-istudenti li ggradwaw mill-116-il klassi taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead) waqt li ppreparaw biex joħorġu għall-inkarigi missjunarji tagħhom.
Nhar is-Sibt, 13 taʼ Marzu, 2004, 6,684 ruħ iltaqgħu fiċ-Ċentru Edukattiv tal-Watchtower f’Patterson, New York, għall-programm tal-gradwazzjoni. Faċilitajiet taʼ Betel oħrajn kienu kollegati bit-televixin sabiex isegwu dan il-programm li fih il-membri tal-klassi ngħataw pariri u inkuraġġiment taʼ l-aħħar. Ilkoll kemm aħna nistgħu nibbenefikaw mill-pariri li ngħataw hekk kif naħdmu b’mod żeluż fil-ħsad spiritwali.
Il-kliem tal-ftuħ minn Theodore Jaracz, membru tal-Ġemgħa li Tiggverna u gradwat tas-sebaʼ klassi taʼ Gilgħad, enfasizza l-kliem taʼ Ġesù: “Morru . . . agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha.” (Mattew 28:19, 20) Kemm kien xieraq dan, ladarba l-gradwati ntbagħtu biex jaqdu f’20 pajjiż differenti! Hu fakkar lill-istudenti li l-istruzzjoni mill-Kelma t’Alla ħejjiethom bis-sħiħ biex ikunu ħaddiema żelużi fix-xogħol tal-ħsad tant importanti.—Mattew 5:16.
Kif Ikunu Produttivi fix-Xogħol tal-Ħsad
L-ewwel kelliemi fil-programm kien Robert Wallen, li ilu assoċjat mill-qrib maʼ l-iskola taʼ Gilgħad għal snin sħaħ. Waqt li tkellem fuq it-tema “Is-Sbuħija tal-Mogħdrija,” hu qal lill-istudenti: “Il-mogħdrija hija l-lingwa li anki t-torox jistgħu jisimgħu u l-għomja jistgħu jaraw.” Ġesù kien jaf sew bit-tbatija t’oħrajn u fittex li jnaqqsilhom minn dak il-piż. (Mattew 9:36) L-istudenti se jsibu ħafna opportunitajiet biex jagħmlu l-istess—fix-xogħol taʼ l-ippridkar, fil-kongregazzjoni, fid-dar missjunarja, u fiż-żwieġ tagħhom stess. Il-kelliemi ħeġġiġhom: “Ħallu s-sbuħija tal-mogħdrija tidher fil-ħajja tagħkom waqt li taqdu lill-oħrajn. L-aħjar imġiba tagħkom biss hija tajba biżżejjed għall-ħajja taʼ kuljum fid-dar missjunarja. Għalhekk, kunu determinati li tilbsu l-mogħdrija.”—Kolossin 3:12.
Imbagħad Gerrit Lösch, membru tal-Ġemgħa li Tiggverna u gradwat tal-41 klassi taʼ Gilgħad, żviluppa s-suġġett “Pubblikaturi tas-Salvazzjoni.” (Isaija 52:7) Sabiex in-nies ikunu salvati fiżikament meta tinqered is-sistema dinjija preżenti, iridu jieħdu għarfien eżatt mill-Kelma t’Alla, jagħmlu dikjarazzjoni pubblika tal-fidi tagħhom, u jitgħammdu. (Rumani 10:10; 2 Timotju 3:15; 1 Pietru 3:21) Madankollu, ir-raġuni prinċipali għala tiġi dikjarata s-salvazzjoni m’hijiex is-salvazzjoni tal-bnedmin imma biex l-isem t’Alla jiġi mfaħħar. Għalhekk, Ħuna Lösch ħeġġeġ lill-missjunarji prospettivi: “Ħudu l-messaġġ tas-Saltna sa truf l-art, u kunu pubblikaturi żelużi tas-salvazzjoni, kollox għat-tifħir taʼ Jehovah.”—Rumani 10:18.
“Kemm Tibbrillaw?” kienet il-mistoqsija li qajjem Lawrence Bowen, wieħed mill-għalliema taʼ Gilgħad. Hu rrefera għall-kliem taʼ Ġesù mniżżel f’Mattew 6:22 (NW) u inkuraġġixxa lill-istudenti li kienu se jiggradwaw biex iżommu għajnejhom “sempliċi” sabiex ‘jirriflettu d-dawl spiritwali li jigglorifika lil Jehovah u jibbenefika lill-bnedmin sħabhom.’ Mill-bidu tal-ministeru tiegħu, Ġesù ħalla eżempju perfett f’dan ir-rigward billi baqaʼ ffokat fuq li jagħmel ir-rieda t’Alla. Ġesù ssaporta l-provi minn Satana fid-deżert billi mmedita fuq l-affarijiet meraviljużi li kien għallmu Missieru fis-sema. (Mattew 3:16; 4:1-11) Ġesù straħ kompletament fuq Jehovah sabiex iwettaq l-inkarigu li Alla kien tah biex jagħmel. Bl-istess mod, sabiex jilqgħu l-isfidi li hemm quddiemhom, il-missjunarji għandhom ikomplu bid-drawwiet tajbin taʼ studju tal-Bibbja u jistrieħu kompletament fuq Jehovah.
Mark Noumair, għalliem ieħor taʼ Gilgħad u gradwat mis-77 klassi taʼ Gilgħad, ikkonkluda din is-serje taʼ taħditiet, billi tkellem Ġożwè 9:25) Hu inkuraġġixxa lill-istudenti biex jimitaw l-attitudni tal-Gibgħonin tal-qedem. Għalkemm Gibgħon kienet ‘belt kbira u niesha kienu nies qalbiena,’ il-Gibgħonin ma talbux prominenza jew stennew li l-affarijiet isiru kif kien jaqbel lilhom. (Ġożwè 10:2) Huma minn jeddhom kienu jaqdu bħala wħud li “jaqtgħu l-ħatab u jġorru l-ilma” taħt il-kmand tal-Leviti biex jappoġġaw il-qima taʼ Jehovah. (Ġożwè 9:27) Fil-fatt, il-membri tal-klassi li ggradwaw qalu lil Ġożwè Akbar, Ġesù Kristu, “Hawn aħna f’idek.” Issa, hekk kif jibdew l-inkarigi tagħhom f’pajjiżi barranin, huma jridu jaċċettaw kwalunkwe xogħol li jagħtihom Ġożwè Akbar.
dwar it-tema “Hawn Aħna f’Idek.” (Esperjenzi u Intervisti
“Fissru Ċar l-Iskrittura” kienet it-tema tad-diskussjoni li wieħed mill-għalliema, Wallace Liverance, gradwat tal-61 klassi taʼ Gilgħad, kellu maʼ grupp taʼ studenti. Huma rrakkontaw u rreċtaw esperjenzi li kienu gawdew fil-ministeru taʼ l-għalqa fil-perijodu li damet sejra l-iskola. Deher ċar li l-istudju intensiv tagħhom taʼ l-Iskrittura matul il-ħames xhur taʼ taħriġ kien laħqilhom qalbhom u mmotivahom biex jaqsmu m’oħrajn dak li kienu tgħallmu. (Luqa 24:32) Matul il-kors taʼ ħames xhur, wieħed mill-istudenti rnexxielu jaqsam maʼ ħuh dak li kien qed jitgħallem. Dan inkuraġġixxa lil ħuh biex ifittex il-kongregazzjoni tal-lokal u jibda jistudja l-Bibbja. Issa ħuh ikkwalifika bħala pubblikatur mhux mgħammed.
Wara dawn l-esperjenzi, Richard Ashe u John Gibbard intervistaw diversi wħud li ilhom snin sħaħ jaqdu lil Jehovah lealment, inkluż xi indokraturi li jivvjaġġaw li kienu qed jieħdu taħriġ speċjali fiċ-Ċentru Edukattiv tal-Watchtower. Huma kienu gradwati mill-klassijiet taʼ l-Iskola taʼ Gilgħad tal-passat. Wieħed minnhom ftakar dak li kien qal Ħuna Knorr matul il-kors: “F’Gilgħad se tagħmlu ħafna studju. Imma jekk tispiċċaw biex tikber raskom, aħna nkunu fallejna. Aħna rridu li tispiċċaw b’qalb kbira.” L-aħwa li jivvjaġġaw taw il-parir lill-membri tal-klassi preżenti biex ikunu konċernati dwar in-nies, biex jaġixxu m’oħrajn bħalma kien jagħmel Kristu, u biex jaċċettaw bl-umiltà kwalunkwe inkarigu li jingħataw. Jekk japplikaw dawn il-pariri, mingħajr dubju dawn il-missjunarji ġodda se jiġu megħjunin sabiex ikunu produttivi fl-inkarigi tagħhom.
Oħorġu b’Żelu għax-Xogħol tal-Ħsad!
L-udjenza kellha l-opportunità tismaʼ lil Stephen Lett, membru ieħor tal-Ġemgħa li Tiggverna. Dan ta t-taħdita prinċipali tal-programm, bit-titlu “Oħorġu b’Żelu għax-Xogħol tal-Ħsad!” (Mattew 9:38) Fi ħsad letterali, iż-żmien biex taħsad għalqa huwa limitat. Hemm bżonn li dawk li jagħmlu x-xogħol tal-ħsad jaħdmu iebes. Kemm hu iktar importanti dan matul it-tmiem taʼ din is-sistema dinjija! Fil-ħsad spiritwali kbir, hemm il-ħajjiet fin-nofs. (Mattew 13:39) Ħuna Lett inkuraġġixxa lill-gradwati biex ma ‘jitnikkrux f’xogħolhom’ imma biex ikunu “mħeġġin bl-ispirtu” u ‘jitjassru għal Jehovah’ f’dan il-ħsad li qatt m’hu se jerġaʼ jsir. (Rumani 12:11, NW) Il-kelliemi kkwota l-kliem taʼ Ġesù: “Erfgħu għajnejkom u ħarsu ftit kif l-għelieqi bjadu għall-ħsad!” (Ġwanni 4:35) Hu mbagħad ħeġġeġ lill-gradwati biex juru ż-żelu tagħhom għax-xogħol tal-ħsad billi jagħmlu sforz sinċier biex jilħqu lin-nies meta u fejn jistgħu jinstabu u billi jieħdu vantaġġ minn kull opportunità biex jagħtu xiehda informali. Jekk jaħtfu kull opportunità biex jagħtu xiehda jkunu iktar effettivi. Jehovah hu Alla żeluż, u hu jistenna li lkoll kemm aħna nimitawh u naħdmu iebes fil-ħsad spiritwali.—2 Slaten 19:31; Ġwanni 5:17.
Biex jikkonkludi l-programm, Ħuna Jaracz, li kien iċ-chairman, qara tislijiet minn diversi uffiċċji tal-fergħat u ppreżenta lill-istudenti bid-diplomi tagħhom. Wieħed mill-gradwati qara ittra mingħand il-membri tal-klassi, li fiha esprimew l-apprezzament profond tagħhom għat-taħriġ li ħadu. B’mod ċar, il-programm tal-gradwazzjoni tal-116-il klassi qanqal lil dawk kollha fl-attendenza biex ikunu iktar determinati biex joħorġu b’żelu kbir għax-xogħol tal-ħsad.
[Kaxxa f’paġna 25]
STATISTIĊI TAL-KLASSI
Numru taʼ pajjiżi rappreżentati: 6
Numru taʼ pajjiżi li ġew assenjati fihom: 20
Numru taʼ studenti: 46
Età medja: 34.2
Medja taʼ snin fil-verità: 17.2
Medja taʼ snin fil-ministeru full-time: 13.9
[Stampa f’paġna 26]
Il-116-il Klassi li Ggradwat mill-Iskola taʼ Gilgħad
Fil-lista t’hawn taħt, ir-ringieli huma nnumerati minn quddiem għal wara, u l-ismijiet f’kull ringiela huma mniżżlin mix-xellug għal-lemin.
(1) Ceansu, R.; Sparks, T.; Piña, C.; Turner, P.; Cheney, L. (2) Suardy, M.; Sjöqvist, Å.; Amadori, L.; Smith, N.; Jordan, A.; Boissonneault, L. (3) Matlock, J.; Ruiz, C.; Dular, L.; Vigneron, M.; Henry, K. (4) Sjöqvist, H.; Laux, J.; Ruzzo, J.; Gustafsson, K.; Boissonneault, R.; Jordan, M. (5) Henry, D.; Turner, D.; Kirwin, S.; Florit, K.; Ceansu, S. (6) Amadori, S.; Cheney, J.; Ross, R.; Nelson, J.; Ruiz, J.; Vigneron, M. (7) Florit, J.; Matlock, D.; Ross, B.; Laux, C.; Ruzzo, T.; Dular, D.; Kirwin, N. (8) Gustafsson, A.; Nelson, D.; Suardy, W.; Piña, M.; Smith, C.; Sparks, T.