Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-Iktar Wirt Prezzjuż li Qatt Tistaʼ Tirċievi

L-Iktar Wirt Prezzjuż li Qatt Tistaʼ Tirċievi

L-​Iktar Wirt Prezzjuż li Qatt Tistaʼ Tirċievi

FL-​AĦĦAR snin taʼ ħajtu, l-​appostlu xwejjaħ Ġwanni kiteb: “Ngħid għalija, ma nafx b’ferħ akbar minn dak li nħoss meta nismaʼ li wliedi mexjin fil-​verità.”—3 Ġwanni 4.

L-appostlu leali kien qed jirreferi għal uliedu f’sens spiritwali. Madankollu, ħafna ġenituri jidwu l-​istess kliem taʼ l-​appostlu. Huma ħadmu iebes biex irabbu lil uliedhom “fid-​dixxiplina u t-​twiddib tal-​Mulej,” u issa jifirħu meta jaraw lil uliedhom li issa kibru “mexjin fil-​verità.” (Efesin 6:4) Fil-​fatt, li tgħallem lil uliedek it-​triq għall-​ħajja eterna hu l-​iktar wirt prezzjuż li tistaʼ tagħtihom. Dan hu għaliex id-​devozzjoni lejn Alla, li tinkludi li ngħixu ħajja taʼ Kristjani kif irid Jehovah, “għandha l-​wegħda tal-​ħajja taʼ issa u taʼ dik li għad trid tiġi.”—1 Timotju 4:8.

Jehovah, il-​Missier perfett, għandu stima kbira lejn il-​ġenituri li għandhom il-​biżaʼ t’Alla u li jagħmlu sforz kbir biex jgħallmu lil uliedhom spiritwalment. Meta t-​tfal iwieġbu b’mod favorevoli, huma jkunu ferħanin meta jimxu fit-​triq tal-​verità flimkien mal-​ġenituri tagħhom. Hekk kif dawn l-​ulied jikbru u jimmaturaw, huma jkollhom memorji sbieħ taʼ dawn l-​esperjenzi. Xi wħud b’ferħ jiftakru l-​ewwel darba li pparteċipaw fl-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku. * Jew forsi jaħsbu dwar l-​ewwel darba li qraw skrittura meta kienu fil-​ministeru minn dar għal dar flimkien mal-​ġenituri tagħhom. Kif jistgħu jinsew meta l-​ġenituri tagħhom kienu joqogħdu jaqrawlhom mill-​Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-​Bibbja jew mill-​ktieb Listening to the Great Teacher * (Nisimgħu mill-​Għalliem il-​Kbir)? Gabriel jiftakar xi ħaġa li tant kien sar iħobb: “Meta kelli biss erbaʼ snin, ommi kienet tkantali kuljum waqt li kienet tkun qed issajjar. Għadni niftakar b’għożża kbira għanja tas-​Saltna partikulari. Iktar tard, din l-​għanja għenitni nara l-​importanza tas-​servizz taʼ Jehovah.” Forsi int ukoll tiftakar l-​għanja sabiħa li qed jirreferi għaliha Gabriel. Din hi numru 157 fil-​ktieb taʼ l-​għanjiet Għannu Tifħir lil Jehovah, u t-​titlu tagħha hu “Qim lil Jehovah matul iż-​Żgħożija.”

L-​għanja tibda: “Minn fomm it-​trabi ġab Alla tifħir;/Biex jilqgħu lil Ġesù għajtu bil-​kbir.” Tabilħaqq, kien hemm tfal li kellhom il-​privileġġ li jassoċjaw maʼ Ġesù, u min jaf kemm ħa gost bl-​imġiba rifreskanti u onesta tagħhom. Ġesù saħansitra uża l-​ħerqa li t-​tfal għandhom biex jitgħallmu bħala eżempju biex is-​segwaċi tiegħu jimitawh. (Mattew 18:3, 4) Għalhekk, it-​tfal għandhom post xieraq fil-​qima taʼ Jehovah. Fil-​fatt, il-​kliem taʼ l-​għanja jkompli: “Iv’ anki trabi lil Alla jfaħħruh.”

Permezz tal-​kondotta eżemplari tagħhom—fid-​dar, fl-​iskola, u f’postijiet oħra—ħafna tfal ġabu unur lil Alla u lill-​familji tagħhom. X’barka kien għalihom li jkollhom ‘ġenituri li jħobbu l-​verità.’ (Dewteronomju 6:7) Il-​ġenituri li għandhom il-​biżaʼ t’Alla jobduh, u hu bħala Missier kollu mħabba jgħallem lill-​bnedmin li hu ħalaq biex jimxu fit-​triq li għandhom jgħaddu minnha. U x’barka jirċievu meta jagħmlu dan! Hekk kif huma, imbagħad, jgħallmu liż-​żgħar tagħhom fil-​familja, kemm ikunu ferħanin li għandhom tfal li ‘jobduhom b’rispett’! (Isaija 48:17, 18) Angélica, li issa qed taqdi fl-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah fil-​Messiku, tgħid: “Il-​ġenituri tiegħi għamlu sforz biex jipprattikaw prinċipji Bibliċi. Dan għamel it-​tfulija tiegħi waħda pjaċevoli. Kont ferħana.”

Kristjani bħal dawn jaqblu li verament hu taʼ ġid li tieħu ħsieb il-​wirt spiritwali tiegħek. Forsi int żagħżugħ li qed titrabba f’familja li għandha valuri Kristjani veri. Jekk inhu hekk, l-​istess għanja tħeġġek: “Żgħażagħ Kristjani ibqgħu imnaddfin.” Se jasal il-​waqt li trid tieħu deċiżjonijiet persunali, u għalhekk issa ‘strieħ int fuq Jehovah f’kull ħin./Tfittixx int il-​popolarità.’

Jekk int b’mod żbaljat tagħmel il-​popolarità l-​ewwel ħaġa f’ħajtek, it-​taħriġ kollu li tirċievi jistaʼ jkun għalxejn u tistaʼ tħassar il-​prospetti tiegħek għall-​futur. Ix-​xewqa li tkun popolari tistaʼ twasslek biex ma tibqax għassa. Xi wħud spiċċaw jassoċjaw maʼ dawk li, waqt li jidhru li huma nies mill-​aħjar, saħansitra forsi jiġbduk, m’għandhom ebda interess fil-​livelli Kristjani. Dan deher ċar minn Tara, wieħed mill-​karattri prinċipali fil-​vidjo Young People Ask—How Can I Make Real Friends? (Iż-Żgħażagħ Jistaqsu—Kif Jistaʼ Jkolli Ħbieb Veri?) Bħal Tara, kwalunkwe Kristjan żagħżugħ li jassoċja maʼ dawk li ma japprezzawx il-​qima vera se jsir jaf li maż-​żmien, kif tgħid l-​għanja, “il-​ħbieb ħżiena jtemmu ’ntegrità,” għaliex iħassru d-​drawwiet tajba. Jirrikjedi snin sħaħ taʼ sforzi biex tiżviluppa drawwiet tajbin, imma jistgħu jitħassru f’ħakka t’għajn.

M’għandniex xi ngħidu, mhux faċli tgħix ħajja li turi li għandek il-​biżaʼ t’Alla. Madankollu, kif tkompli tgħid l-​għanja, jekk ‘tiftakar int f’Alla f’żgħożitek kuljum,/Biex lil Jehovah int taqdi iddum,’ int se tibni pedament sod għal suċċess veru. U “hekk kif int tikber ferħ akbar issib.” Int se ssir tapprezza saħansitra iktar il-​fatt li jekk ikollok lil Jehovah jieħu ħsiebek b’tant imħabba, xejn ma jistaʼ jwaqqfek milli tagħmel is-​sewwa f’għajnejh. Dan hu l-​mod taʼ kif issir adult matur li għandu l-​biżaʼ t’Alla. Iżjed minn hekk, jekk tkun bil-​għaqal u tieħu vantaġġ mit-​trobbija Kristjana, int se jkollok l-​opportunità biex “ferħ lil qalb Alla hekk dejjem iġġib.” Liema privileġġ akbar jistaʼ jkollu bniedem?—Proverbji 27:11.

Għalhekk, żgħażagħ, dejjem ftakru kemm hu taʼ valur it-​taħriġ li tieħdu mingħand Jehovah u mingħand il-​ġenituri Kristjani tagħkom. Jalla l-​imħabba kbira tagħhom lejk tqanqlek biex tagħmel is-​sewwa f’għajnejn Jehovah. Bħal Ġesù Kristu u ż-​żagħżugħ leali Timotju, int se tferraħ lil Missierek tas-​sema u lill-​ġenituri tiegħek. U jekk xi darba int stess issir ġenitur, x’aktarx li taqbel m’Angélica, li ssemmiet qabel, li tgħid: “Jekk xi darba jkolli t-​tfal, se nagħmel l-​aħjar tiegħi biex inpoġġilhom l-​imħabba għal Jehovah fi qlubhom minn ċkunithom, biex imħabbtu tkun id-​dawl li jiggwidahom.” Ċertament, it-​triq tas-​sewwa li twassal għall-​ħajja eterna hija l-​aqwa wirt li qatt tistaʼ tirċievi!

[Noti taʼ taħt]

^ par. 4 Din il-​parti mill-​programm t’edukazzjoni mill-​Bibbja fil-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah hija miftuħa għaż-​żgħar u l-​kbar.

^ par. 4 Il-pubblikazzjonijiet imsemmijin huma pubblikati mix-​Xhieda taʼ Jehovah.