Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Min Kienu l-Anabattisti?

Min Kienu l-Anabattisti?

Min Kienu l-​Anabattisti?

DAWK li jkunu qed iżuru għall-​ewwel darba ċ-​ċentru tal-​belt taʼ Münster f’Westphalia, il-​Ġermanja, kważi dejjem jieqfu jħarsu lejn tliet gaġeġ tal-​ħadid li hemm imdendlin mal-​kampnar tal-​knisja. Il-​gaġeġ ilhom hemm kważi 500 sena, ħlief għal xi ftit perijodi taʼ żmien. Oriġinalment fihom kien hemm l-​iġsma taʼ tliet irġiel li kienu torturati u maqtula fil-​pubbliku. L-​irġiel kienu Anabattisti, u l-​gaġeġ huma fdalijiet tas-​saltna tagħhom.

Min kienu l-​Anabattisti? Il-​moviment tagħhom kif inbeda? X’kien it-​tagħlim prinċipali tagħhom? L-​irġiel għala nqatlu? U x’konnessjoni hemm bejn it-​tliet gaġeġ u s-​saltna?

Riforma fil-​Knisja—Imma Kif Tistaʼ Ssir?

Fl-​aħħar tas-​seklu 15 u fil-​bidu tas-​seklu 16 żdiedet ħafna l-​kritika kontra l-​Knisja Kattolika Rumana u l-​kleru. Il-​knisja mtliet bil-​korruzzjoni u l-​immoralità, u għalhekk, ħafna ħassew li kien hemm bżonn bidliet kbar. Fl-​1517, Martin Luteru talab pubblikament li ssir riforma, u hekk kif oħrajn ngħaqdu fid-​dibattitu, malajr bdiet tiżviluppa r-​Riforma Protestanta.

Imma r-​riformisti ma kellhom l-​ebda pjan konsistenti taʼ x’kellu jsir u sa liema punt kellhom jaslu dawn il-​bidliet. Ħafna għarfu l-​bżonn li jżommu maʼ dak li tgħid il-​Bibbja fejn tidħol il-​qima. Madankollu, ir-​riformisti lanqas biss setgħu jaqblu fuq interpretazzjoni komuni tat-​tagħlim Bibliku. Xi wħud ħassew li l-​progress li kienet qed tagħmel ir-​Riforma kien wisq bil-​mod. U kien minn fost dawn ir-​riformisti li ħareġ il-​moviment taʼ l-​Anabattisti.

Fil-ktieb tiegħu Die Täufer—Geschichte und Deutung, Hans-Jürgen Goertz kiteb: “Fil-​fatt, ma kienx hemm biss moviment wieħed tal-​battisti; kien hemm diversi movimenti.” Per eżempju, fl-​1521 erbat irġiel li kienu magħrufin bħala l-​profeti taʼ Zwickau qajmu l-​inkwiet minħabba li ppridkaw it-​tagħlim taʼ l-​Anabattisti f’Wittenberg. U fl-​1525 grupp ieħor t’Anabattisti ġie fformat f’Zurich, l-​Isvizzera. Xi komunitajiet Anabattisti ġew ifformati wkoll fil-​Moravja—issa r-​Repubblika Ċeka—u fl-​Olanda.

Il-​Magħmudija—Għat-​Trabi jew għall-​Adulti?

Il-​maġġuranza tal-​komunitajiet Anabattisti kienu żgħar, u l-​membri ġeneralment kienu paċifiċi. Huma ma kinux jaħbu t-​twemmin tagħhom; fil-​fatt, huma ppridkaw lil oħrajn. Id-​duttrini bażiċi tat-​twemmin taʼ l-​Anabattisti kienu spjegati fid-​Dikjarazzjoni taʼ Schleitheim fl-​1527. Fost affarijiet oħra, huma rrifjutaw li jieħdu sehem f’servizz militari, baqgħu separati mid-​dinja, u keċċew lil dawk li waqgħu f’xi ħażen. Imma l-​iktar karatteristika li kienet tispikka fit-​twemmin taʼ l-​Anabattisti, dik li ġagħlithom jidhru verament differenti minn reliġjonijiet oħra, kienet li huma kienu konvinti li l-​magħmudija kienet għall-​adulti u mhux għat-​trabi. *

Il-​magħmudija taʼ l-​adulti ma kinitx sempliċement kwistjoni taʼ xi domma reliġjuża; kienet kwistjoni taʼ poter. Jekk il-​magħmudija kienet titħalla sa ma individwu jikber—u b’hekk dak li jkun setaʼ jieħu deċiżjoni bbażata fuq il-​fidi—xi wħud jispiċċaw biex lanqas biss jitgħammdu. U sa ċertu punt, il-​knisja ma kellhiex kontroll fuq individwi mhux mgħammdin. Għal xi knejjes, il-​magħmudija taʼ l-​adulti kienet tfisser li kienu tilfu xi ftit mill-​poter.

Għalhekk, kemm il-​Kattoliċi u kemm il-​Luterani riedu jiskuraġġixxu l-​magħmudija taʼ l-​adulti. Wara l-​1529, għallinqas f’xi postijiet, dawk li kienu jitgħammdu bħala adulti u dawk li għammduhom x’aktarx li kienu jingħataw il-​mewt. Il-​ġurnalist Thomas Seifert jispjega li l-​Anabattisti kienu “persegwitati bl-​aħrax fl-​Imperu Ruman Qaddis tan-​Nazzjon Ġermaniż kollu.” Il-​persekuzzjoni laħqet il-​quċċata tagħha f’Münster.

Il-​Belt Medjevali taʼ Münster Trid Bidla

Münster medjevali kellha madwar 10,000 abitant u kienet imdawra bi swar li ħadd ma setaʼ jirbaħhom u li kienu wesgħin madwar 90 metru u kellhom ċirkonferenza taʼ 5 kilometri. Madankollu, is-​sitwazzjoni ġewwa l-​belt ma kinitx stabbli daqs id-​difiża tagħha. The Kingdom of the Anabaptists, pubblikat mill-​Mużew tal-​Belt taʼ Münster, isemmi li “ġewwa kien hemm tilwim politiku bejn il-​membri tal-​Kunsill Leġislattiv tal-​belt u x-​Xirkiet tas-​Snajjaʼ.” Barra minn hekk, l-​abitanti kienu rrabjati minħabba l-​imġiba tal-​kleru. Il-​belt taʼ Münster appoġġat ir-​Riforma u fl-​1533 inbidlet minn belt Kattolika għal waħda Luterana.

Bernhard Rothmann, wieħed mill-​qassisin riformisti prinċipali f’Münster, kien bniedem kemxejn impulsiv. L-​awtur Friedrich Oehninger jispjega li l-​opinjonijiet taʼ Rothmann ‘ċertament saru bħal dawk taʼ l-​Anabattisti; hu u xi kollegi oħra rrifjutaw li jgħammdu lit-​trabi.’ Hu kiseb l-​appoġġ taʼ ħafna nies f’Münster, għalkemm l-​opinjonijiet drastiċi tiegħu kienu wisq estremi għal xi wħud. “Iktar u iktar uħud li kienu jħobbu s-​sitwazzjoni reliġjuża taʼ qabel telqu mill-​belt, mimlijin taqtigħ il-​qalb u biżaʼ li kienet se tiġri xi ħaġa ħażina. Folol kbar t’Anabattisti bdew ġejjin Münster minn kullimkien, bit-​tama li jaraw l-​ideali tagħhom isiru realtà.” Il-​fatt li nġabar dan in-​numru kbir t’Anabattisti f’Münster wassal għal ġrajja tal-​biżaʼ.

Ġerusalemm il-​Ġdida Assedjata

Żewġ emigranti Olandiżi li marru Münster—Jan Mathys, furnar minn Haarlem, u Jan Beuckelson, magħruf bħala John taʼ Leiden—kien se jkollhom irwol importanti fl-​iżviluppi t’hemmhekk. Mathys stqarr li hu kien profeta u ħabbar li f’April taʼ l-​1534 kellu jkun hemm it-​tieni miġja taʼ Kristu. Il-​belt ġiet dikjarata bħala Ġerusalemm il-​Ġdida msemmija fil-​Bibbja, u n-​nies kienu qed jistennew li se tispiċċa d-​dinja. Rothmann iddeċieda li l-​proprjetà kollha kellha tinqasam bejn kulħadd. L-​abitanti li kienu adulti kellhom jieħdu deċiżjoni: Jitgħammdu jew jitilqu. Folol sħaħ tgħammdu u dawn inkludew uħud li tgħammdu sempliċement biex jevitaw li jkollhom jitilqu minn djarhom u jħallu kulma kellhom warajhom.

Komunitajiet oħra kienu qed josservaw imbeżżgħin hekk kif Münster saret l-​ewwel belt li fiha l-​Anabattisti kienu l-​iktar forza reliġjuża u politika b’saħħitha. Skond il-​ktieb Die Täufer zu Münster, dan wassal biex Münster ġabet fuqha l-​ostilità taʼ l-​Imperu Ruman Qaddis tan-​Nazzjon Ġermaniż. Il-​Konti Franz von Waldeck, li kien prinċep, isqof, u uffiċjal magħruf, ġabar armata biex jassedjaw il-​belt taʼ Münster. Din l-​armata kienet magħmula minn Luterani u Kattoliċi. Dawn iż-​żewġ reliġjonijiet, li sa dan iż-​żmien kienu fuq naħat opposti fil-​kwistjoni tar-​Riforma u li dalwaqt kienu se jitqabdu kontra xulxin fil-​Gwerra taʼ Tletin Sena, ngħaqdu flimkien kontra l-​Anabattisti.

Il-​Qerda tas-​Saltna taʼ l-​Anabattisti

Is-​saħħa taʼ l-​armata li kienet qed tassedja l-​belt xejn ma beżżgħethom lil dawk li kienu protetti wara s-​swar. F’April taʼ l-​1534, meta suppost kellha sseħħ it-​tieni miġja taʼ Kristu, Mathys ħareġ mill-​belt riekeb fuq żiemel abjad billi ħaseb li kien se jkollu l-​protezzjoni divina. Immaġina kif twerwru dawk li appoġġaw lil Mathys hekk kif ittawlu minn fuq is-​swar tal-​belt u raw lit-​truppi li kienu qed jassedjawhom iqattgħu lil Mathys f’biċċiet u jdendlu rasu fuq għuda.

John taʼ Leiden sar is-​suċċessur taʼ Mathys u ġie msejjaħ is-​Sultan Jan taʼ l-​Anabattisti f’Münster. Hu pprova jirranġa l-​iżbilanċ li kien hemm bejn is-​sessi—il-​belt kellha ħafna iktar nisa milli rġiel—billi inkuraġġixxa lill-​irġiel sabiex jiżżewġu kemm-ilmara riedu. Eżempju taʼ l-​estremitajiet li saru fis-​saltna Anabattista f’Münster kien li min jikkommetti l-​adulterju u ż-​żína kien jingħata l-​mewt, filwaqt li l-​poligamija kienet tollerata, saħansitra inkuraġġita. Is-​Sultan Jan innifsu kellu 16-il mara. Meta waħda minnhom, Elisabeth Wandscherer, talbitu permess biex titlaq mill-​belt, ordna li jaqtgħulha rasha fil-​pubbliku.

L-assedju dam 14-il xahar, sa Ġunju taʼ l-​1535 meta fl-​aħħar il-​belt waqgħet f’idejn l-​għedewwa tagħha. Münster ġarrbet qerda li l-​belt qatt ma reġgħet rat bħalha sat-​tieni gwerra dinjija. Rothmann ħarab, imma s-​Sultan Jan u żewġ Anabattisti mlaħħqin oħra nqabdu, ġew torturati, u maqtulin. L-​iġsma tagħhom tpoġġew f’gaġeġ u ddendlu mal-​kampnar tal-​Knisja taʼ San Lambert. Dan kellu “jservi taʼ twissija tal-​biżaʼ għal dawk kollha li setgħu jaqilgħu l-​inkwiet,” jispjega Seifert. Iva, il-​fatt li ndaħlu fil-​politika ġabilhom konsegwenzi drastiċi.

X’sar minnhom il-​komunitajiet Anabattisti l-​oħra? Il-​persekuzzjoni baqgħet għaddejja għal diversi snin madwar l-​Ewropa. Il-​maġġuranza taʼ l-​Anabattisti żammew mal-​prinċipji paċifiċi tagħhom, għalkemm kien hemm xi ftit minnhom li baqgħu jiġġieldu. Maż-​żmien, Menno Simons, dak li qabel kien qassis, ħa t-​tmexxija taʼ l-​Anabattisti, u l-​grupp eventwalment sar magħruf bħala l-​Mennoniti jew b’ismijiet oħra.

It-​Tliet Gaġeġ

L-​Anabattisti kienu bażikament nies reliġjużi li pprovaw iżommu mal-​prinċipji Bibliċi. Imma l-​estremisti f’Münster ġagħlu lill-​Anabattisti jabbandunaw dan il-​mod taʼ ħajja u jinvolvu ruħhom fil-​politika. Malli ġara dan, il-​moviment inbidel u sar forza rivoluzzjonarja. Dan kien ifisser diżastru għall-​moviment taʼ l-​Anabattisti u għall-​belt medjevali taʼ Münster.

Dawk li jżuru ċ-​ċentru tal-​belt għadhom jiġu mfakkrin f’dawn il-​ġrajjiet tal-​biżaʼ li seħħew kważi 500 sena ilu. Kif? Permezz tat-​tliet gaġeġ tal-​ħadid li hemm imdendlin mal-​kampnar tal-​knisja.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 9 Dan l-​artiklu ma jeżaminax l-​argument dwar jekk il-​magħmudija hijiex għat-​trabi jew le. Għal iktar dettalji fuq dan is-​suġġett, ara l-​artiklu “Għandhom It-​Trabi Jkunu Mgħammdin?” fit-​Torri taʼ l-​Għassa tal-​15 taʼ Ġunju, 1986.

[Stampi f’paġna 13]

Is-​Sultan Jan kien torturat, maqtul, u mdendel mal-​kampnar tal-​Knisja taʼ San Lambert