Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Qis b’Mod Xieraq il-Valur tar-Rigal tal-Ħajja

Qis b’Mod Xieraq il-Valur tar-Rigal tal-Ħajja

Qis b’Mod Xieraq il-​Valur tar-​Rigal tal-​Ħajja

‘Id-​demm taʼ Kristu [se] inaddaf il-​kuxjenza tagħna mill-​għemil mejjet biex taqdu lil Alla ħaj!’—LHUD 9:14.

1. X’juri li aħna nqisu l-​valur tal-​ħajja bħala imprezzabbli?

 KIEKU xi ħadd jistaqsik kemm tiswa ħajtek, xi prezz tagħtih? Aħna nqisu l-​valur tal-​ħajja bħala imprezzabbli—kemm tagħna u kemm t’oħrajn. Dan jistaʼ jidher mill-​fatt li meta nimirdu x’aktarx li mmorru għand it-​tabib għal kura jew għal eżami mediku regulari. Irridu nibqgħu ħajjin u f’saħħitna. Anki l-​biċċa l-​kbira minn dawk li huma xjuħ jew għandhom xi diżabilità ma jixtiqux imutu; huma jixtiequ jibqgħu jgħixu.

2, 3. (a) Liema obbligu hu enfasizzat fi Proverbji 23:22? (b) Alla kif inhu involut fl-​obbligu li jissemma fi Proverbji 23:22?

2 Ir-​relazzjonijiet tiegħek m’oħrajn jiġu effettwati minn kemm int tqis il-​ħajja taʼ valur. Per eżempju, il-​Kelma t’Alla tgħidilna: “Ismaʼ minn missierek li tak il-​ħajja, u tmaqdarx ’l ommok meta tixjieħ.” (Proverbji 23:22) Li “tismaʼ minn” ifisser iktar milli sempliċement tismaʼ xi kliem; dan il-​proverbju jfisser li tismaʼ u mbagħad tobdi. (Eżodu 15:26; Dewteronomju 7:12; 13:19 [13:18, NW]; 15:5; Ġożwè 22:2; Salm 81:14 [81:13, NW]) Il-​Kelma t’Alla liema raġuni tagħti biex int tismaʼ minn missierek u ommok? Dan ma tagħmlux sempliċement għax missierek jew ommok huma akbar minnek jew għax għandhom iktar esperjenza. Ir-​raġuni li tingħata hi li ‘tawk il-​ħajja.’ Verżjoni oħra tagħti dan il-​vers: “Ismaʼ minn missierek li kkaġuna t-​twelid tiegħek.” Huwa raġunevoli li jekk tqis ħajtek taʼ valur, int tħoss obbligu lejn is-​sors taʼ ħajtek.

3 M’għandniex xi ngħidu, jekk int Kristjan veru, int tirrikonoxxi lil Jehovah bħala s-​Sors li minnu oriġinalment ġiet ħajtek. Permezz tiegħu ‘tgħix,’ tistaʼ ‘titħarrek,’ tistaʼ tkun ħlejqa li għandha sentimenti; u issa int ‘teżisti’ (NW), u tistaʼ taħseb dwar il-​ġejjieni tiegħek jew tippjana għalih, inkluż il-​ħajja bla tmiem. (Atti 17:28; Salm 36:10 [36:9, NW]; Koħèlet 3:11) Fi qbil maʼ Proverbji 23:22, huwa xieraq li “tismaʼ minn” Alla b’ubbidjenza, u tkun tixtieq tifhem u tkun gwidat minn dak li jgħid hu dwar il-​ħajja u mhux tippreferi timxi fuq xi opinjoni oħra dwar il-​valur tal-​ħajja.

Uri Rispett għall-​Ħajja

4. Fil-​bidu taʼ l-​istorja tal-​bniedem, ir-​rispett għall-​ħajja kif sar kwistjoni importanti?

4 Fil-​bidu taʼ l-​istorja tal-​bniedem, Jehovah għamilha ċara li hu ma ħalliex f’idejn il-​bniedem biex juża l-​ħajja (jew jabbuża minnha) kif ifettillu. Kajjin, mimli rabja minħabba l-​għira li kellu, qered ħajja innoċenti, dik taʼ ħuh Abel. Taħseb li Kajjin kellu dritt jieħu deċiżjoni bħal dik dwar il-​ħajja? Alla ma ħasibhiex hekk. Hu sejjaħ lil Kajjin biex jagħti kont: “X’għamilt! Leħen id-​demm taʼ ħuk qiegħed jgħajjatli mill-​art.” (Ġenesi 4:10) Innota li d-​demm t’Abel fl-​art kien jirrappreżenta lil ħajtu, li ġiet imqassra ħesrem, u kien qed jgħajjat lil Alla għall-​vendetta.—Lhud 12:24.

5. (a) Alla liema ħaġa pprojbixxa fi żmien Noè, u għal min kienet tapplika? (b) Din il-​projbizzjoni f’liema sens kienet pass importanti?

5 Wara d-​Dilluvju, il-​bniedem kellu bidu ġdid permezz taʼ tmienja min-​nies biss. F’dikjarazzjoni li kienet tapplika għall-​bnedmin kollha, Alla rrivela iktar dwar il-​valur li hu jagħti lill-​ħajja u d-​demm. Hu qal li l-​bnedmin setgħu jieklu l-​laħam taʼ l-​annimali, imma poġġa din ir-​restrizzjoni: “Kull ma hu ħaj u jitħarrek fl-​art ikun ikel għalikom; u wkoll il-​ħaxix aħdar, kollox nagħtikom. Imma l-​laħam b’demmu ġo fih, li hu ħajtu, la tikluhx.” (Ġenesi 9:3, 4) Xi Lhud jinterpretaw dan bħala li jfisser li l-​bnedmin ma kellhomx jieklu l-​laħam jew id-​demm taʼ xi annimal li kien ikun għadu ħaj. Imma ż-​żmien kellu juri ċar li dak li Alla kien qed jipprojbixxi hawnhekk kien li wieħed jieħu d-​demm biex isostni l-​ħajja. Iktar minn hekk, id-​digriet li Alla ta permezz taʼ Noè kien pass importanti lejn it-​twettiq taʼ l-​iskop grandjuż Tiegħu li kien jinvolvi d-​demm—skop li kien se jagħti ċans lill-​bnedmin jiksbu l-​ħajja taʼ dejjem.

6. Permezz taʼ Noè, Alla kif enfasizza l-​mod kif Hu jqis il-​valur tal-​ħajja?

6 Alla kompla: “U jien nitlob kont taʼ demmkom, li hu ħajjitkom; nitolbu mingħand kull bhima, mingħand kull bniedem; mingħand kull wieħed nitħallas tal-​ħajja taʼ bniedem ieħor bħalu. Kull min ixerred demm taʼ bniedem, minn bniedem ieħor jixxerred demmu. Għax skond ix-​xbieha tiegħu, ħalqu lill-​bniedem Alla.” (Ġenesi 9:5, 6) Minn din id-​dikjarazzjoni lill-​familja umana kollha tistaʼ tara li Alla jqis id-​demm tal-​bniedem bħala li jirrappreżenta l-​ħajja tiegħu. Huwa l-​Ħallieq li jagħti l-​ħajja lil individwu, u ħadd m’għandu jieħu dik il-​ħajja li hija rappreżentata mid-​demm. Jekk individwu joqtol lil xi ħadd, bħalma għamel Kajjin, il-​Ħallieq għandu d-​dritt ‘jitlob’ lura l-​ħajja tal-​qattiel.

7. Għala għandna nkunu interessati fid-​dikjarazzjoni t’Alla lil Noè dwar id-​demm?

7 Bid-​dikjarazzjoni li għamel, Alla kien qed jikkmanda lill-​bnedmin biex ma jużawx id-​demm b’mod ħażin. Qatt ħsibt għala? X’kienet ir-​raġuni għala Alla kien iqis id-​demm b’dan il-​mod? Fil-​fatt, it-​tweġiba tinvolvi tagħlim mill-​iktar importanti tal-​Bibbja. Dan it-​tagħlim hu fil-​qalba tal-​messaġġ Kristjan, għalkemm ħafna organizzazzjonijiet reliġjużi jippreferu jinjorawh. X’inhu dan it-​tagħlim, u l-​ħajja, id-​deċiżjonijiet, u l-​azzjonijiet tiegħek kif inhuma involuti?

Id-​Demm—Kif Setaʼ Jintuża?

8. Fil-​Liġi, Jehovah liema restrizzjoni poġġa fuq l-​użu tad-​demm?

8 Jehovah ipprovda iktar dettalji dwar il-​ħajja u d-​demm meta lill-​Iżraelin tahom il-​kodiċi tal-​Liġi. Dan kien pass ieħor fit-​twettiq taʼ l-​iskop tiegħu. X’aktarx li taf li l-​Liġi kienet tirrikjedi li jsiru offerti lil Alla, bħalma huma offerti tal-​qamħ, taż-​żejt, u taʼ l-​inbid. (Levitiku 2:1-4; 23:13; Numri 15:1-5) Kienu jsiru wkoll sagrifiċċji taʼ l-​annimali. Alla qal hekk dwar dawn: “Għax ħajjet il-​laħam hi fid-​demm, u jien tajthulkom għal fuq l-​artal biex tagħmlu bih l-​espjazzjoni għalikom. Għaliex bid-​demm, li hu l-​ħajja, issir l-​espjazzjoni. Għalhekk għedt lil ulied Iżrael: ‘Ħadd minn fostkom ma għandu jiekol id-​demm.’” Jehovah żied li jekk xi kaċċatur jew bidwi joqtol annimal biex jieklu, hu kellu jxerred demmu u jgħattih bit-​trab. L-​art hi l-​banketta li fuqha Alla jpoġġi riġlejh, u meta individwu jxerred id-​demm fl-​art ikun qed jirrikonoxxi li l-​ħajja kienet qed terġaʼ tmur għand id-​Donatur tal-​Ħajja.—Levitiku 17:11-13; Isaija 66:1.

9. X’kien l-​uniku użu li setaʼ jsir mid-​demm kif indikat fil-​Liġi, u x’kien l-​iskop taʼ dan?

9 Dik il-​liġi ma kinitx sempliċement xi ritwal reliġjuż li m’għandu ebda importanza għalina. Innotajt għala l-​Iżraelin ma kellhomx jieħdu demm? Alla qal: “Għalhekk għedt lil ulied Iżrael: ‘Ħadd minn fostkom ma għandu jiekol id-​demm.’” X’kienet ir-​raġuni? “Jien tajthulkom [id-demm] għal fuq l-​artal biex tagħmlu bih l-​espjazzjoni għalikom.” Qiegħed int tara kif dan jipprovdi dehen dwar għala Alla kien qal lil Noè li l-​bnedmin ma kellhomx jieklu d-​demm? Il-​Ħallieq iddeċieda li jqis id-​demm bħala li għandu sinifikat superjuri, u għażel li jwarrbu għal użu speċjali wieħed li setaʼ jsalva ħafna ħajjiet. Dan kellu jkollu l-​irwol vitali biex jgħatti d-​dnubiet (jew ipatti għalihom). Mela skond il-​Liġi, l-​uniku użu li kien awtorizzat minn Alla kien fuq l-​artal biex ipatti għall-​ħajjiet taʼ l-​Iżraelin li kienu qed ifittxu l-​maħfra mingħand Jehovah.

10. Id-​demm taʼ l-​annimali għala ma setax iwassal għall-​maħfra kompleta, imma s-​sagrifiċċji li saru taħt il-​Liġi liema tfakkira pprovdew?

10 Dan il-​konċett għandu x’jaqsam ħafna mal-​Kristjanità. Meta rrefera għal din il-​karatteristika tal-​Liġi mogħtija minn Alla, l-​appostlu Kristjan Pawlu qal: “Skond il-​Liġi, tistaʼ tgħid kollox jissaffa bid-​demm; u bla tixrid tad-​demm ma hemmx maħfra.” (Lhud 9:22) Pawlu għamilha ċara li s-​sagrifiċċji mitluba mil-​Liġi m’għamlux lill-​Iżraelin perfetti u bla dnub. Hu kiteb: “B’dawn l-​istess sagrifiċċji ssir it-​tifkira tad-​dnubiet minn sena għal oħra. Għax ma jistax ikun li d-​demm tal-​gniedes u tal-​mogħoż ineħħi d-​dnubiet.” (Lhud 10:1-4) Minkejja dan, sagrifiċċji bħal dawn kellhom skop. Dawn kienu jfakkru lill-​Iżraelin li huma kienu midinbin u kellhom bżonn xi ħaġa oħra sabiex jiksbu maħfra kompleta. Imma jekk id-​demm li rrappreżenta l-​ħajjiet taʼ l-​annimali ma setax jgħatti kompletament id-​dnubiet tal-​bnedmin, kien hemm xi demm li setaʼ jagħmel dan?

Is-​Soluzzjoni tad-​Donatur tal-​Ħajja

11. Kif nafu li s-​sagrifiċċji tad-​demm taʼ l-​annimali kienu qed jiġbdu l-​attenzjoni lejn xi ħaġa?

11 Il-​Liġi kienet fil-​fatt qed tiġbed l-​attenzjoni lejn xi ħaġa bil-​wisq iktar effettiva biex twettaq ir-​rieda t’Alla. Pawlu staqsa: “Għalfejn il-​Liġi, mela?” Hu wieġeb: “Kienet żjieda li saret minħabba fid-​dnub, sakemm ma jkunx ġie n-​nisel li għalih saret il-​wegħda, li kienet imxandra mill-​anġli permezz taʼ medjatur [Mosè].” (Galatin 3:19) Bl-​istess mod, Pawlu kiteb: “Il-​Liġi . . . għandha biss id-​dell tal-​ġid li għandu jiġi, u mhux dan l-​istess ġid [“realtà,” NW].”—Lhud 10:1.

12. Kif nistgħu aħna naraw l-​iskop t’Alla rigward id-​demm jinkixef bil-​mod il-​mod quddiemna?

12 Mela s’issa rajna li fi żmien Noè, Alla ħareġ digriet fejn stqarr li l-​bnedmin setgħu jieklu l-​laħam taʼ l-​annimali biex jgħixu, imma ma setgħux jieħdu d-​demm. Iktar tard, Alla stqarr li “ħajjet il-​laħam hi fid-​demm.” Iva, hu għażel li jqis id-​demm bħala li jfisser il-​ħajja u qal: “Jien tajthulkom [id-demm] għal fuq l-​artal biex tagħmlu bih l-​espjazzjoni għalikom.” Iżda, kienet se tinkixef xi ħaġa oħra taʼ l-​għaġeb dwar l-​iskop t’Alla. Il-​liġi kienet dell tal-​ġid li kien għadu jrid jiġi. Dawn l-​affarijiet x’inhuma?

13. Il-​mewt taʼ Ġesù għala kienet importanti?

13 Ir-​realtà kienet tiċċentra fuq il-​mewt taʼ Ġesù Kristu. Bħalma taf, Ġesù kien torturat u msammar maʼ zokk. Ngħata mewta taʼ kriminal. Pawlu kiteb: “Meta aħna konna bla saħħa, Kristu, meta wasal iż-​żmien, miet għall-​ħżiena. . . . Alla wriena l-​imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin.” (Rumani 5:6, 8) Meta Kristu miet għalina, hu pprovda fidwa biex tgħatti dnubietna. Din il-​fidwa hija l-​qalba tal-​messaġġ Kristjan tagħna. (Mattew 20:28; Ġwanni 3:16; 1 Korintin 15:3; 1 Timotju 2:6) Il-​fidwa x’konnessjoni għandha mad-​demm u l-​ħajja, u ħajtek kif inhi involuta?

14, 15. (a) Xi traduzzjonijiet t’​Efesin 1:7 kif jenfasizzaw il-​mewt taʼ Ġesù? (b) Liema fatt tistaʼ ma tindunax bih f’​Efesin 1:7?

14 Xi reliġjonijiet jenfasizzaw il-​mewt taʼ Ġesù, u l-​membri tagħhom jgħidu affarijiet bħal “Ġesù miet għalija.” Ikkunsidra kif xi traduzzjonijiet tal-​Bibbja jittraduċu Efesin 1:7: “Huwa fih u permezz tal-​mewt tiegħu li għandna l-​ħelsien, jiġifieri, it-​tneħħija tad-​dnubiet tagħna.” (The American Bible, minn Frank Scheil Ballentine, 1902) “Permezz tal-​mewt taʼ Kristu aħna ninħelsu, u dnubietna jinħafru.” (Today’s English Version, 1966) “Huwa fi Kristu u permezz tiegħu u s-​sagrifiċċju taʼ ħajtu li aħna ġejna liberati, liberazzjoni li tfisser il-​maħfra tad-​dnubiet.” (The New Testament, minn William Barclay, 1969) “Huwa permezz tal-​mewt taʼ Kristu li dnubietna jinħafru u aħna ninħelsu.” (The Translator’s New Testament, 1973) F’dawn it-​traduzzjonijiet tistaʼ tara li l-​enfasi hi fuq il-​mewt taʼ Ġesù. ‘Imma,’ forsi xi wħud jgħidu, ‘Il-​mewt taʼ Ġesù hija verament importanti. Allura, x’hemm nieqes f’dawn it-​traduzzjonijiet?’

15 Tabilħaqq, li kieku kellek tiddependi biss minn traduzzjonijiet bħal dawn, forsi ma kontx tinduna b’punt importanti ferm, u b’hekk kien ikun diffiċli li tifhem għalkollox il-​messaġġ tal-​Bibbja. Traduzzjonijiet bħal dawn jaħbu l-​fatt li fit-​test oriġinali t’​Efesin 1:7 hemm il-​kelma Griega li tfisser “demm.” B’hekk, ħafna Bibbji, bħall-​Bibbja taʼ l-​Għaqda Biblika Maltija, iqarrbu iktar lejn it-​test oriġinal: “Fih aħna għandna l-​fidwa bid-​demm tiegħu, il-​maħfra tad-​dnubiet, skond l-​għana tal-​grazzja tiegħu.”—Korsiv tagħna.

16. Il-​frażi tradotta “d-​demm tiegħu” fiex għandha tfakkarna?

16 It-​traduzzjoni “bid-​demm tiegħu” għandha tifsira sinifikanti ferm u għandha tfakkarna f’ħafna aspetti li jinvolvu d-​demm. Kien hemm bżonn taʼ iktar minn mewt, saħansitra l-​mewt tar-​raġel perfett Ġesù. Hu wettaq dak li kien iffigurat bil-​quddiem fil-​Liġi, partikolarment f’Jum l-​Espjazzjoni. F’dak il-​jum speċjali kienu jiġu sagrifikati annimali li kienu speċifikati mil-​Liġi. Imbagħad il-​qassis il-​kbir kien jieħu ftit mid-​demm tagħhom fil-​post l-​Iktar Qaddis tat-​Tabernaklu jew tempju, u hemm jippreżentah quddiem Alla, bħallikieku kien fil-​preżenza tiegħu.—Eżodu 25:22; Levitiku 16:2-19.

17. Ġesù kif wettaq dak li kien iffigurat bil-​quddiem minn Jum l-​Espjazzjoni?

17 Bħalma spjega Pawlu, Ġesù wettaq dak li kien iffigurat bil-​quddiem minn Jum l-​Espjazzjoni. L-​ewwel, hu semma li l-​qassis il-​kbir f’Iżrael kien jidħol fl-​Iktar Qaddis darba fis-​sena bid-​demm li offra ‘għalih innifsu u għan-​nuqqasijiet li jkun għamel il-​poplu bla ma kien jaf.’ (Lhud 9:6, 7) Fi qbil maʼ dak li ġara f’jum l-​espjazzjoni, wara li Ġesù ġie mqajjem bħala spirtu, hu daħal fis-​sema stess. Bħala spirtu, li ma kellu ebda ġisem tad-​demm u l-​laħam, hu setaʼ jidher għalina quddiem “Alla.” Xi ppreżentalu lil Alla? Mhux xi ħaġa fiżika imma xi ħaġa sinifikanti ferm. Pawlu kompla: “Imma Kristu ġie bħala l-​qassis il-​kbir . . . ; hu daħal darba għal dejjem fis-​Santwarju, mhux bis-​saħħa tad-​demm tal-​mogħoż u taʼ l-​għoġiela, imma bis-​saħħa taʼ demmu stess, u hekk kiseb fidwa għal dejjem. Jekk id-​demm tal-​mogħoż u tal-​gniedes . . . jistaʼ jqaddishom billi jagħtihom l-​indafa tal-​ġisem, kemm aktar id-​demm taʼ Kristu, li bl-​Ispirtu taʼ dejjem offra lilu nnifsu vittma safja lil Alla, jistaʼ jnaddaf il-​kuxjenza tagħkom mill-​għemil mejjet biex taqdu lil Alla ħaj!” Iva, Ġesù ppreżenta l-​valur taʼ demmu lil Alla.—Lhud 9:11-14, 24, 28; 10:11-14; 1 Pietru 3:18.

18. L-​istqarrijiet tal-​Bibbja dwar id-​demm għala għandhom ikunu importanti għall-​Kristjani llum?

18 Din il-​verità mingħand Alla tgħinna nifhmu l-​aspetti meraviljużi kollha taʼ dak li l-​Bibbja tgħid dwar id-​demm—ir-​raġuni għala Alla jqisu b’dan il-​mod, kif aħna għandna nqisuh, u għala għandna nirrispettaw ir-​restrizzjonijiet li Alla poġġa fuq kif nużaw id-​demm. Meta taqra l-​kotba taʼ l-​Iskrittura Griega Kristjana se ssib ħafna referenzi għad-​demm taʼ Kristu. (Ara l-​kaxxa.) Dawn jagħmluha ċara li kull Kristjan għandu jkollu fidi f’“demmu,” jiġifieri fid-​demm taʼ Ġesù. (Rumani 3:25) Il-​maħfra mingħand Alla u l-​paċi miegħu huma possibbli biss ‘bid-​demm imxerred’ taʼ Ġesù. (Kolossin 1:20, korsiv tagħna.) Dan ċertament iseħħ fil-​każ taʼ dawk li magħhom Ġesù għamel patt speċjali biex isaltnu miegħu fis-​sema. (Luqa 22:20, 28-30; 1 Korintin 11:25; Lhud 13:20) Ċertament li se jseħħ ukoll fil-​każ taʼ dawk li jifformaw il-​“kotra kbira” llum, li se jsalvaw mit-​tribulazzjoni l-​kbira u se jgawdu ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula ġenna. B’mod figurattiv, huma ‘ħaslu l-​ilbiesi tagħhom u bajduhom fid-​demm tal-​Ħaruf.’—Korsiv tagħna; Apokalissi 7:9, 14.

19, 20. (a) Alla għala għażel li jagħmel restrizzjoni fuq l-​użu tad-​demm, u aħna kif għandna nħossuna dwar dan? (b) Għalhekk, x’għandna nkunu interessati li nsiru nafu?

19 Jidher ċar li d-​demm għandu tifsira speċjali f’għajnejn Alla. Għandu jkollu tifsira speċjali għalina wkoll. Il-​Ħallieq, li hu konċernat dwar il-​ħajja, lill-​bnedmin għandu dritt jagħmlilhom restrizzjonijiet dwar id-​demm. Minħabba li hu konċernat ħafna anki dwar ħajjitna, hu determinat li jħalli d-​demm jintuża b’mod wieħed biss li hu importanti ferm, l-​uniku mod li jistaʼ jagħmel il-​ħajja taʼ dejjem possibbli. Dan il-​mod kien jinvolvi d-​demm prezzjuż taʼ Ġesù. Kemm għandna nkunu grati li Alla Jehovah aġixxa għall-​ġid tagħna billi uża d-​demm—id-​demm taʼ Ġesù—b’dan il-​mod li jsalva l-​ħajja! U kemm għandna nkunu grati lejn Ġesù talli hu xerred demmu għalina permezz tas-​sagrifiċċju tiegħu! Nistgħu verament nifhmu s-​sentimenti li esprima l-​appostlu Ġwanni: “Lil Dak li ħabbna, u li ħallna minn dnubietna bis-​saħħa taʼ demmu, u li għamilna Saltna, Qassisin għal Alla tiegħu Missieru, lilu l-​glorja u s-​setgħa għal dejjem taʼ dejjem. Amen.”—Apokalissi 1:5, 6.

20 Alla tagħna mimli għerf, li hu d-​Donatur tal-​Ħajja, f’moħħu kellu għal żmien twil dan l-​irwol li jsalva l-​ħajja. Mela, forsi nistaqsu, ‘Dan x’effett għandu jkollu fuq id-​deċiżjonijiet u l-​azzjonijiet tagħna?’ L-​artiklu li jmiss se jiddiskuti din il-​mistoqsija.

Int Kif Twieġeb?

• X’nistgħu nitgħallmu dwar il-​mod kif Alla jqis id-​demm mir-​rakkonti dwar Abel u Noè?

• Fil-​Liġi, Alla liema limiti poġġa dwar l-​użu tad-​demm, u għala?

• Ġesù kif wettaq dak li kien iffigurat bil-​quddiem minn Jum l-​Espjazzjoni?

• Id-​demm taʼ Ġesù kif jistaʼ jsalvalna ħajjitna?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Kaxxa f’paġna 18]

ID-​DEMM TAʼ MIN ISALVA L-​ĦAJJA?

“Oqogħdu attenti għalikom infuskom u għall-​merħla kollha li minnha l-​ispirtu qaddis ħatarkom indokraturi biex tirgħu l-​kongregazzjoni t’Alla, li xtara bid-​demm taʼ Ibnu stess.”—Atti 20:28, NW.

“Kemm aktar u aktar issa li aħna ġġustifikati b’demmu, nsalvaw permezz tiegħu mill-​korla taʼ Alla!”—Rumani 5:9.

“Kontu bla tama u bla Alla fid-​dinja! Imma issa, fi Kristu Ġesù, intom, li darba kontu ’l bogħod, issa tqarribtu bis-​saħħa tad-​demm taʼ Kristu.”—Efesin 2:12, 13.

“Hekk Alla għoġbu li tgħammar fih il-​milja kollha: bih Alla għoġbu jerġaʼ jħabbeb kollox miegħu: bid-​demm tiegħu, mxerred fuq [“iz-​zokk tat-​tortura,” NW].”—Kolossin 1:19, 20.

“Ħuti għandna l-​fiduċja li nidħlu fis-​Santwarju bis-​saħħa tad-​demm taʼ Ġesù.”—Lhud 10:19.

“Intom kontu mifdija mill-​ħajja tagħkom fiergħa li ħadtu mingħand missirijietkom, . . . , imma bid-​demm għażiż taʼ Kristu, li kien bħal ħaruf bla għajb u bla tebgħa.”—1 Pietru 1:18, 19.

“Iżda jekk nimxu fid-​dawl, kif inhu fid-​dawl hu stess, aħna nissieħbu flimkien, u d-​demm taʼ Ġesù Kristu Ibnu jnaddafna minn kull dnub.”—1 Ġwann 1:7.

“Int jistħoqqlok tieħu l-​ktieb, u tiftaħ is-​siġilli tiegħu, għax int kont maqtul, u b’demmek ksibt għal Alla bnedmin minn kull tribù u lsien, minn kull poplu u ġens.”—Apokalissi 5:9.

“Twaddab ’il barra dak li jixli ’l ħutna . . . U huma ħarġu rebbieħa fuqu permezz tad-​demm tal-​Ħaruf u bis-​saħħa tal-​kelma li xehdu.”—Apokalissi 12:10, 11.

[Stampa f’paġna 16]

Permezz tal-​Liġi, Alla għamilha ċara li d-​demm setaʼ jaqdi rwol fil-​maħfra tad-​dnubiet

[Stampa f’paġna 17]

Permezz tad-​demm taʼ Ġesù setgħu jiġu salvati ħafna ħajjiet