Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tistaʼ l-Bibbja Tgħinek Tħarreġ lil Uliedek?

Tistaʼ l-Bibbja Tgħinek Tħarreġ lil Uliedek?

Tistaʼ l-​Bibbja Tgħinek Tħarreġ lil Uliedek?

L-​ORKIDEA hija fjura sabiħa ħafna, imma diffiċli biex tkabbarha. Biex tirnexxi, trid tikkontrolla t-​temperatura, id-​dawl, u d-​daqs tal-​qasrija. L-​orkidea hija sensittiva għall-​ħamrija u l-​fertilizzant u tintlaqat faċilment mill-​mard u l-​insetti. Għaldaqstant, ħafna drabi, l-​ewwel darba li tipprova tkabbar orkidea ma jirnexxilikx.

It-trobbija tat-​tfal hija bil-​wisq iktar diffiċli u komplikata, u din tirrikjedi wkoll attenzjoni mill-​qrib. Għalhekk, hija xi ħaġa komuni li l-​ġenituri ma jkunux ċerti x’għandhom jagħmlu rigward it-​trobbija tat-​tfal. Ħafna jħossu li għandhom bżonn l-​għajnuna, l-​istess bħalma wieħed li jkabbar l-​orkidej jeħtieġ pariri mingħand espert. Ovvjament, kull ġenitur jixtieq jikseb l-​aqwa gwida. Minfejn tistaʼ tinstab gwida bħal din?

Filwaqt li l-​Bibbja m’hijiex manwâl fuq it-​trobbija tat-​tfal, il-​Ħallieq nebbaħ lill-​kittieba biex fiha jinkludu ħafna pariri prattiċi fuq is-​suġġett. Il-​Bibbja tenfasizza l-​iżvilupp taʼ kwalitajiet mixtieqa, kwalitajiet li skond ħafna wħud spiss qed jiġu injorati. (Efesin 4:22-24) F’dan ir-​rigward, il-​pariri Skritturali jipprovdu aspett importanti ħafna t’edukazzjoni bilanċjata. Diġà hemm eluf taʼ nies li applikaw dawn il-​pariri u marru tajjeb, minkejja ż-​żmien li għexu fih jew l-​ambjent kulturali tagħhom. Għaldaqstant, jekk timxi fuq dawn il-​pariri Skritturali tkun tistaʼ tħarreġ lil uliedek b’suċċess.

L-​Eżempju tal-​Ġenituri—L-​Aqwa Edukazzjoni

“Int li tgħallem lil ħaddieħor, ma tgħallimx lilek innifsek? Int tippriedka: La tisraqx, u tisraq? Tgħid: La tiżnix, u tiżni?”—Rumani 2:21, 22.

Chairman tal-​Bord taʼ l-​Edukazzjoni f’Seoul qal: “L-​eżempju bil-​kliem u bil-​fatti huwa l-​aqwa edukazzjoni għat-​tfal.” Jekk il-​ġenituri ma jagħtux eżempju tajjeb fil-​kliem u fil-​kondotta u jagħtu lil uliedhom taħriġ speċifiku, it-​tfal malajr jassumu li l-​ġenituri huma ipokriti. Dak li jgħidu l-​ġenituri ma jibqax ikollu effett. Per eżempju, jekk il-​ġenituri jixtiequ jgħallmu l-​onestà lil uliedhom, huma stess iridu jkunu onesti. Huwa komuni ħafna li meta xi ġenituri ma jkunux iridu jwieġbu xi telefonata partikulari, huma jqabbdu lit-​tfal biex jgħidu, “Skużani, missieri (jew ommi) mhux hawn.” It-​tfal li jintqalilhom biex jagħmlu hekk iħossuhom skomdi u konfużi. Maż-​żmien, għandhom mnejn jibdew jigdbu bla mistħija taʼ xejn jekk isibu ruħhom f’sitwazzjoni diffiċli. Għaldaqstant, jekk il-​ġenituri jixtiequ sinċerament li wliedhom ikunu persuni onesti, huma stess iridu jitkellmu bl-​onestà u jaġixxu skond dak li jgħidu.

Tixtieq li wliedek jitgħallmu jitkellmu kif suppost? Mela int trid tagħti eżempju tajjeb. Uliedek jixorbu kulma tgħid u jagħmlu bħalek. Sung-sik, missier t’erbat itfal, jgħid: “Jien u marti ddeċidejna li ma nużawx kliem baxx. Urejna rispett lejn xulxin u ma konniex ngħollu leħinna, lanqas meta konna nkunu mdejqin jew irrabjati. Eżempju tajjeb kien bil-​wisq iktar effettiv minn sempliċi kliem. Ninsabu kuntenti li wliedna juru rispett u manjieri tajbin meta jitkellmu m’oħrajn.” F’​Galatin 6:7, il-​Bibbja tgħid: “Dak li bniedem jiżraʼ, dak huwa jaħsad.” Ġenituri li jixtiequ li wliedhom ikollhom livelli morali għoljin iridu l-​ewwel juru li huma stess qed jgħixu skond dawn il-​livelli.

Żomm il-​Linji taʼ Komunikazzjoni Miftuħin

“Tennihom [il-kmandamenti t’Alla] lil uliedek, u tkellem fuqhom meta tkun f’darek, u meta tkun miexi fit-​triq, u meta timtedd, u meta tqum.”—Dewteronomju 6:7.

It-tendenza li n-​nies jaħdmu sigħat żejda wara l-​ħin tax-​xogħol qed tiżdied. Meta kemm ir-​raġel u kemm il-​mara jkollhom impjieg, dan iħalli effett qawwi. Il-​ħin li ħafna ġenituri jqattgħu maʼ wliedhom qed jonqos. Waqt li jkunu d-​dar, il-​ġenituri jridu jagħmlu l-​faċendi u xogħol ieħor, u għalhekk x’aktarx li jkunu għajjenin jew mifluġin. F’ċirkustanzi bħal dawn, kif tistaʼ żżomm komunikazzjoni tajba maʼ wliedek? Tistaʼ ssib opportunitajiet biex titkellmu billi int u wliedek tagħmlu l-​faċendi flimkien. Wieħed missier taʼ familja saħansitra neħħa t-​televixin primarjament biex ikollu iżjed ċans jitkellem mat-​tfal. Hu osserva: “Għall-​ewwel it-​tfal kienu se jaqbdu jiddejqu, imma hekk kif bdejt nilgħab magħhom logħob taʼ taħbil il-​moħħ u nitkellmu dwar kotba interessanti, huma aċċettawha din il-​bidla.”

Huwa importanti li t-​tfal jidraw minn kmieni jikkomunikaw mal-​ġenituri tagħhom. Inkella, meta t-​tfal isiru adoloxxenti u forsi jiffaċċjaw xi problemi, m’humiex se jħarsu lejn il-​ġenituri tagħhom bħala ħbieb maʼ min jistgħu jitkellmu. Kif tistaʼ tgħinhom jiftħu qalbhom? Proverbji 20:5 jgħid: “Il-​ħsieb f’moħħ il-​bniedem bħall-​ilma f’bir fond; min moħħu jilħaqlu jaf joħroġhulu.” Billi jistaqsu mistoqsijiet bħal “Int x’taħseb?,” il-​ġenituri jistgħu jinkuraġġixxu lil uliedhom jesprimu x’jaħsbu u xi jħossu.

X’se tagħmel jekk uliedek jagħmlu żball serju? Dan huwa ż-​żmien meta jeħtieġ li tittrattahom bil-​ħlewwa. Ikkontrolla l-​emozzjonijiet tiegħek waqt li tismaʼ x’għandhom x’jgħidu. Wieħed missier jgħid dan dwar il-​mod kif jittratta sitwazzjoni bħal din: “Meta t-​tfal jiżbaljaw, nipprova ma nirreaġixxix b’mod esaġerat. Inpoġġi bil-​qiegħda u nismaʼ x’għandhom x’jgħidu. Nipprova nifhem is-​sitwazzjoni. Meta nsibha diffiċli biex nikkontrolla lili nnifsi, nistenna ftit u nikkalma.” Jekk tikkontrolla l-​emozzjonijiet tiegħek u tagħti widen, x’aktarx li d-​dixxiplina li tagħti tintlaqaʼ iktar malajr.

Id-​Dixxiplina Bbażata fuq l-​Imħabba Hija Essenzjali

“Intom il-​missirijiet, iġġarrbuhomx iżżejjed lil uliedkom; iżda rabbuhom fid-​dixxiplina u t-​twiddib tal-​Mulej.”—Efesin 6:4.

Biex tikseb riżultati tajbin, il-​mod kif tagħti d-​dixxiplina bl-​imħabba huwa importanti. Il-​ġenituri kif jistgħu ‘jġarrbu żżejjed lil uliedhom’? Jekk id-​dixxiplina ma taqbilx mas-​serjetà taʼ l-​iżball jew jekk tingħata b’ħafna kritika, it-​tfal se jirreżistu. Id-​dixxiplina għandha tingħata bl-​imħabba f’kull każ. (Proverbji 13:24) Jekk tirraġuna maʼ wliedek, huma se jirrealizzaw li int tiddixxiplinahom għax tħobbhom.—Proverbji 22:15; 29:19.

Mill-banda l-​oħra, huwa tajjeb li t-​tfal jesperjenzaw il-​konsegwenzi mhux mixtieqa taʼ mġiba ħażina. Per eżempju, jekk it-​tfal jonqsu lil xi persuna oħra, int tistaʼ tinsisti li jmorru jitolbu apoloġija. Meta jiksru xi regoli tal-​familja, tistaʼ tagħmel restrizzjonijiet fuq ċerti privileġġi sabiex tenfasizza kemm huwa importanti li jobdu r-​regoli.

Ikun tajjeb li d-​dixxiplina tingħata f’waqtha. Koħèlet 8:11 joħroġ dan il-​punt: “Għax l-​għemejjel tal-​ħżiena ma jeħdux minnufih il-​kundanna li jkun jistħoqqilhom; għalhekk qalb il-​ħżiena titħajjar ħafna biex tagħmel id-​deni.” Bl-​istess mod, ħafna tfal jipprovaw jaraw jekk jgħadduhiex lixxa wara li jagħmlu xi ħaġa ħażina. Mela, ladarba tkun wissejthom li jekk jagħmlu xi ħaġa ħażina se tagħtihom kastig, kun ċert li tagħtihulhom.

Ir-​Rikreazzjoni Bnina Hija Importanti

‘Kollox għandu żmienu, żmien li tidħak, u żmien li tiżfen.’—Koħèlet 3:1, 4.

Il-ħin liberu u r-​rikreazzjoni bnina u bilanċjata huma neċessarji għall-​iżvilupp tal-​moħħ u l-​ġisem tat-​tfal. Meta l-​ġenituri jgawdu rikreazzjoni maʼ wliedhom, l-​għaqda fil-​familja tissaħħaħ u t-​tfal jiksbu sens taʼ sigurtà. X’tipi taʼ rikreazzjoni jistgħu jgawdu flimkien il-​membri tal-​familja? Jekk tagħmel sforz u taħseb ftit tistaʼ ssib ħafna affarijiet sbieħ x’tagħmlu. Tistgħu tipprattikaw xi sport, bħal dawra bir-​rota, u xi logħob tal-​ballun, bħal tennis, badminton, u volleyball. U ġib quddiem għajnejk kemm tistgħu tqattgħu mumenti sbieħ flimkien meta ddoqqu xi strumenti mużikali. Tistgħu wkoll tqattgħu ħin memorabbli flimkien billi żżuru postijiet viċin tagħkom biex tgawdu n-​natura.

F’sitwazzjonijiet bħal dawn, il-​ġenituri jistgħu jnisslu fi wliedhom ħarsa bilanċjata lejn ir-​rikreazzjoni. Raġel Kristjan li għandu tliet subien qal: “Jien ninvolvi ruħi kemm jistaʼ jkun fir-​rikreazzjoni taʼ wliedi. Per eżempju, meta jilagħbu xi logħba tal-​kompjuter, nistaqsihom kif tilgħabha. Meta b’ħerqa kbira jispjegawli kif taħdem, jien nuża l-​opportunità biex nitkellem dwar il-​periklu taʼ divertiment li ma jagħmilx ġid. Innotajt li huma jwarrbuh divertiment mhux xieraq.” Iva, tfal li huma kuntenti bir-​rikreazzjoni li jgawdu bħala familja inqas ikollhom ħajra li jduru għal programmi televiżivi, vidjos, films, u logħob fuq l-​Internet li jkun fihom vjolenza, immoralità, u abbuż tad-​drogi.

Għin lil Uliedek Jagħżlu Ħbieb Tajbin

“Min jagħmilha maʼ l-​għaref, isir għaref, min imur mal-​boloh, jaqaʼ fl-​hemm.”—Proverbji 13:20.

Missier Kristjan li b’suċċess rabbaʼ erbat itfal qal: “Ma nistax nenfasizza biżżejjed kemm huwa importanti xi ħbieb jagħżlu. Ħabib ħażin wieħed jistaʼ jkisser ix-​xogħol kollu li tkun għamilt.” Sabiex jgħin lil uliedu jagħżlu ħbieb tajbin, hu kien juża l-​għaqal u jistaqsihom mistoqsijiet bħal: Min hu l-​akbar ħabib tiegħek? Għala jogħġbok? X’tixtieq timita minnu? Ġenitur ieħor jagħmel arranġamenti biex uliedu jistiednu lill-​ħbieb tal-​qalb sad-​dar. Imbagħad, hu jkun jistaʼ josservahom u jagħti lil uliedu l-​gwida li tkun tixraq.

Huwa wkoll importanti li tgħallem lit-​tfal illi huma jistgħu jagħmlu ħbieb maʼ nies akbar minnhom fl-​età minbarra maʼ dawk taʼ mparhom. Bum-sun, missier taʼ tliet subien, jgħid: “Jien ngħin lil uliedi biex jirrealizzaw li l-​ħbieb mhux bilfors iridu jkunu taʼ mparhom, bħal fil-​każ taʼ David u Ġonatan fil-​Bibbja. Fil-​fatt, nistieden lil Kristjani t’etajiet differenti biex jassoċjaw maʼ wliedi. Bis-​saħħa t’hekk, it-​tfal jagħmluha maʼ ħafna nies li m’humiex taʼ mparhom.” It-​tfal li jassoċjaw m’adulti eżemplari għandhom il-​vantaġġ li jitgħallmu ħafna affarijiet.

Int Tistaʼ Tirnexxi fit-​Taħriġ tat-​Tfal

Skond stħarriġ li sar fl-​Istati Uniti, ħafna ġenituri li pprovaw idaħħlu fi wliedhom kwalitajiet bħar-​rażna, id-​dixxiplina fuqhom infushom, u l-​onestà, ma tantx kellhom suċċess. Dan għala huwa daqshekk diffiċli? Waħda omm li ħadet sehem fl-​istħarriġ qalet: ‘Il-​ħasra hi li l-​uniku mod kif tipproteġi lil uliedek hu li ssakkarhom f’kamra u ma tħallihom qatt joħorġu fid-​dinja.’ Hi kienet qed tirreferi għall-​fatt li l-​ambjent li t-​tfal qed jikbru fih issa qatt ma kien daqshekk ħażin. Meta nqisu din is-​sitwazzjoni, huwa verament possibbli li trabbi lil uliedek b’suċċess?

Li kieku tixtieq tkabbar orkidea imma tibda tinkwieta li se tidbiel, għandek mnejn taqtaʼ qalbek. Kemm iserraħ rasek jekk xi espert fuq it-​trobbija taʼ l-​orkidej jiġi u jagħtik ftit ideat tajbin u b’fiduċja jgħidlek, “Jekk tagħmel hekk jirnexxilek.” Jehovah, l-​Ogħla Awtorità fuq in-​natura tal-​bniedem, jipprovdi pariri dwar l-​aħjar metodu kif trabbi t-​tfal. Hu jgħid: “Ħarreġ tifel jimxi fit-​triq it-​tajba; ma joħroġx minnha lanqas meta jixjieħ.” (Proverbji 22:6) Meta tħarreġ lit-​tfal skond il-​pariri tal-​Bibbja, x’aktarx li se jkollok il-​ferħ li tara lil uliedek jikbru u jsiru adulti responsabbli, jaħsbu f’ħaddieħor, u għandhom sens taʼ moralità. Imbagħad, huma jkunu maħbubin mill-​bnedmin imma fuq kollox minn Jehovah, Missierna tas-​sema.