Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħajja Sodisfaċenti Minkejja Wġigħ taʼ Qalb

Ħajja Sodisfaċenti Minkejja Wġigħ taʼ Qalb

Bijografija

Ħajja Sodisfaċenti Minkejja Wġigħ taʼ Qalb

KIF RAKKONTATA MINN AUDREY HYDE

Meta nħares lura u niftakar li qattajt iktar minn 63 sena fil-​ministeru full-time—59 minnhom fil-​kwartieri ġenerali tax-​Xhieda taʼ Jehovah—nistaʼ ngħid li jien kelli ħajja sodisfaċenti. Veru, il-​fatt li rajt lill-​ewwel raġel tiegħi jmut bil-​mod il-​mod bil-​kanċer u lit-​tieni wieħed isofri mill-​effetti terribbli tal-​marda Alzheimer kienu ġrajjiet taʼ niket kbir. Imma ħa ngħidilkom kif irnexxieli nibqaʼ ferħana minkejja dan in-​niket.

JIEN qattajt tfuliti f’razzett qrib il-​belt żgħira taʼ Haxtun, fil-​pjanuri fil-​grigal taʼ Kolorado, ħdejn il-​fruntiera taʼ Nebraska. Kont il-​ħames waħda mis-​sitt itfal li kellhom ommi u missieri, Orille u Nina Mock. Russell, Wayne, Clara, u Ardis twieldu bejn l-​1913 u l-​1920, u jien twilidt is-​sena taʼ wara. Curtis twieled fl-​1925.

Fl-1913, ommi saret Studenta tal-​Bibbja, kif kienu jissejħu x-​Xhieda taʼ Jehovah dakinhar. Maż-​żmien, ilkoll kemm aħna sirna xhieda.

Ħajja Tajba fil-​Pjanuri

Missieri kien bniedem progressiv ħafna. Kellna d-​dawl elettriku fil-​bini kollu tar-​razzett, xi ħaġa rari ħafna għal dak iż-​żmien. Kellna wkoll il-​prodotti normali li wieħed isib f’razzett—bajd mit-​tiġieġ tagħna, u ħalib, krema, u butir mill-​baqar tagħna stess. Konna nużaw iż-​żwiemel biex naħdmu r-​rabaʼ u konna nkabbru l-​frawli u l-​patata, kif ukoll il-​qamħ u l-​qamħirrum.

Missieri kien tal-​fehma li aħna t-​tfal għandna lkoll nitgħallmu naħdmu. Saħansitra qabel ma bdejt immur l-​iskola, kont imħarrġa biex naħdem fl-​għelieqi. Niftakarni nqattaʼ ġranet sajfin f’xemx tikwi, nonqox biz-​zappuna fil-​ġnien tagħna. ‘Meta se nasal fit-​tarf?’ kont nistaqsi lili nnifsi. Kont inkun imxarrba għasra bl-​għaraq u mimlija tingiż taż-​żunżan. Xi drabi, kont nitħassar lili nnifsi għax tfal oħra ma kellhomx għalfejn jaħdmu iebes bħalna. Madankollu, il-​verità hi li meta nħares lura lejn tfuliti, ninsab grata li ġejna mgħallmin naħdmu.

Ilkoll kemm aħna kellna x-​xogħol tagħna x’nagħmlu. Ardis kienet taf taħleb il-​baqar aħjar minni, u għalhekk xogħli kien li nnaddaf l-​istalel taż-​żwiemel u nimpala d-​demel ’il barra. Madankollu, konna niddevertu u nilagħbu wkoll. Jien u Ardis konna nilagħbu logħba bil-​ballun (softball) maʼ tim lokali. Jien kont nilgħab fit-​tielet bażi, u Ardis fl-​ewwel bażi.

L-iljieli ċari kienu sbieħ immens fil-​pjanuri. L-​eluf taʼ kwiekeb kienu jfakkruni fil-​Ħallieq tagħna, Alla Jehovah. Saħansitra meta kont naqra taʼ tifla, kont niftakar f’​Salm 147:4, li jgħid: “Hu [Jehovah] jgħodd in-​numru tal-​kwiekeb; kollha jsejjħilhom b’isimhom.” F’ħafna minn dawn l-​iljieli ċari, il-​kelb tagħna, Judge, kien iserraħ rasu f’ħoġri u jżommli kumpanija. Wara nofsinhar, spiss kont noqgħod bil-​qiegħda fil-​veranda u nitpaxxa bl-​għelieqi tal-​qamħ ħadrani jiżfen mar-​riħ, donnu fidda fid-​dawl tax-​xemx.

L-​Eżempju mill-​Aħjar t’Ommi

Ommi kienet mara miżżewġa devota ħafna. Missieri dejjem kien il-​kap tad-​dar, u ommi għallmitna nirrispettawh. Fl-​1939, hu wkoll sar wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Aħna konna nafu li missierna jħobbna, avolja kien iqabbadna naħdmu iebes u ma tantx kien ifissidna. Fix-​xitwa spiss kien jarma ż-​żwiemel u jiħodna dawra bl-​islitta. Kemm konna nieħdu pjaċir naraw is-​silġ ileqq!

Madankollu, kienet ommi li rabbietna nħobbu lil Alla u nirrispettaw il-​Bibbja. Tgħallimna li isem Alla hu Jehovah u li hu s-​Sors tal-​ħajja. (Salm 36:10 [36:9, NW]; 83:19 [83:18, NW]) Tgħallimna wkoll li hu pprovdielna linji taʼ gwida, mhux biex iċaħħadna mill-​ferħ, imma għax jixtiqilna l-​ġid. (Isaija 48:17) Ommi kienet dejjem iżżommilna quddiem għajnejna li aħna għandna xogħol speċjali x’nagħmlu. Tgħallimna li Ġesù qal lis-​segwaċi tiegħu: “Dan l-​Evanġelju tas-​Saltna jixxandar fid-​dinja kollha, biex il-​ġnus kollha jkollhom xhieda. Mbagħad jiġi t-​tmiem.”—Mattew 24:14.

Fi ċkuniti, meta kont nasal id-​dar mill-​iskola u ma nsibx lil ommi d-​dar, kont immur infittixha. Darba minnhom, meta kelli madwar sitt snin jew sebaʼ, sibtha fil-​maħżen. Imbagħad bdiet nieżla x-​xita bil-​qliel. Konna qegħdin fil-​kamra tat-​tiben, u staqsejtha jekk Alla kienx se jerġaʼ jġib Dilluvju ieħor. Hi żguratni li Alla kien wiegħed li qatt iktar ma kien se jeqred l-​art b’dilluvju. Niftakar ukoll li kemm-il darba konna mmorru niġru għall-​kantina biex nistkennu mill-​ħafna uragani li kien ikollna.

Saħansitra qabel ma twilidt, ommi kienet diġà tieħu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Fid-​dar tagħna kien jiltaqaʼ grupp t’aħwa, ilkoll kemm huma bit-​tama li jgħixu maʼ Kristu fis-​sema. Għalkemm ommi kienet issibha iebsa ħafna biex tippriedka minn dar għal dar, l-​imħabba li kellha għal Alla għelbet dak il-​biżaʼ. Hi baqgħet leali sal-​ġurnata li mietet, fl-​24 taʼ Novembru, 1969, fl-​età taʼ 84 sena. “Ma, int sejra fis-​sema, u se tkun maʼ dawk li taf,” għedtilha b’leħen baxx f’widnejha. Kemm kont ferħana li stajt inkun m’ommi f’dik l-​okkażjoni u naqsam magħha l-​fiduċja tiegħi f’din it-​tama! B’vuċi ħelwa qaltli, “Int m’hawnx bħalek.”

Bdejna Nippridkaw

Fl-​1939, Russell sar pijunier, bħalma jissejħu l-​evanġelizzaturi full-time fost ix-​Xhieda taʼ Jehovah. Hu qeda bħala pijunier f’Oklahoma u Nebraska sa l-​1944 meta mbagħad ġie msejjaħ biex jaqdi fil-​kwartieri ġenerali tax-​Xhieda taʼ Jehovah (imsejħa Betel), fi Brooklyn, New York. Jien sirt pijuniera fl-​20 taʼ Settembru, 1941, u qdejt f’diversi nħawi taʼ Kolorado, Kansas, u Nebraska. Dawk is-​snin bħala pijuniera kienu mimlijin hena mhux biss għax stajt ngħin lil ħaddieħor jitgħallem dwar Jehovah imma wkoll għax tgħallimt niddependi minnu.

Għall-ħabta li Russell beda jaqdi bħala pijunier, Wayne kien jinsab l-​università fin-​naħa tal-​lvant wara li kien għamel xogħol sekulari għal ftit taż-​żmien. Iktar tard, ġie mistieden biex imur Betel. Hu qeda għal perijodu taʼ żmien fil-​Kingdom Farm, qrib Ithaca, New York. Hemmhekk kienu jkabbru l-​prodotti meħtieġa għall-​ftit ħaddiema tar-​razzett kif ukoll għall-​200 ħaddiem fil-​Betel taʼ Brooklyn. Wayne uża l-​abbiltajiet u l-​esperjenza tiegħu fis-​servizz taʼ Jehovah sakemm miet fl-​1988.

Oħti Ardis iżżewġet lil James Kern, u kellhom familja taʼ ħamest itfal. Hi mietet fl-​1997. Oħti l-​oħra, Clara, għadha leali lejn Jehovah sa llum, u fil-​btajjel tiegħi għadni mmur inżurha fid-​dar tagħha f’Kolorado. Ħuna ż-​żgħir, Curtis, ġie fil-​Betel taʼ Brooklyn f’nofs is-​snin 40. Xogħlu kien li jġorr bit-​trakk il-​prodotti u l-​provvisti mill-​Kingdom Farm għal Betel u lura. Hu qatt ma żżewweġ u miet fl-​1971.

Ix-​Xewqa Tiegħi—Is-​Servizz f’Betel

Ħuti s-​subien il-​kbar kienu marru jaqdu f’Betel qabli, u x-​xewqa tiegħi kienet li mmur naqdi hemm ukoll. Jien ċerta li ġejt mistiedna biex naqdi hemm bis-​saħħa taʼ l-​eżempju mill-​aħjar tagħhom. Il-​fatt li kont nismaʼ lil ommi titkellem dwar l-​istorja taʼ l-​organizzazzjoni t’Alla u li rajt b’għajnejja t-​twettiq taʼ profeziji Bibliċi dwar l-​aħħar jiem, qanqalli x-​xewqa li naqdi f’Betel. Wegħedt lil Jehovah fit-​talb li jekk iħallini naqdi f’Betel, qatt ma nitlaq minn hemm ħlief jekk ikolli xi obbligi Kristjani x’nieħu ħsieb.

Wasalt f’Betel fl-​20 taʼ Ġunju, 1945, u xogħli kien li nnaddaf. Kuljum ridt innaddaf 13-il kamra u nifrex 26 sodda, u magħhom kelli l-​kurituri, it-​turġien, u t-​twieqi. Ix-​xogħol kien iebes. F’kull ġurnata li kont naħdem, kont ngħid lili nnifsi, ‘Veru li qed tħossok għajjiena, imma qiegħda f’Betel, id-​dar t’Alla!’

Fil-bidu tas-​servizz tiegħi f’Betel, ġratli xi ħaġa imbarazzanti ħafna. Peress li trabbejt fil-​kampanja, ma kellix idea li dumbwaiter kien lift żgħir biex iġorr il-​provvisti minn sular għal ieħor. Allura, jum wieħed ċempilli xi ħadd waqt ix-​xogħol u qalli, “Tistaʼ tibagħtu ’l isfel lid-​dumbwaiter?” Min ċempel qataʼ minnufih, u għalhekk ma kontx naf xi rrid nagħmel. Imma mbagħad ftakart li wieħed mill-​aħwa rġiel li kien jgħix fis-​sular li kont innaddaf kien jaħdem bħala wejter. Għalhekk mort inħabbatlu u għedtlu, “Iriduk isfel fil-​kċina.”

Iż-​Żwieġ maʼ Nathan Knorr

Mill-​1920 ’il quddiem, il-​Beteliti li xtaqu jiżżewġu kien ikollhom jitilqu minn Betel u jaqdu l-​interessi tas-​Saltna xi mkien ieħor. Imma fil-​bidu tas-​snin 50, xi koppji li kien ilhom jaqdu f’Betel għal ftit żmien mhux ħażin tħallew jiżżewġu u jibqgħu hemm. Allura, meta Nathan H. Knorr, li dakinhar kien minn taʼ quddiem fix-​xogħol tas-​Saltna madwar id-​dinja, wera interess fija, għedt f’qalbi, ‘Dan żgur jibqaʼ!’

Nathan kellu ħafna responsabbiltajiet f’li jindokra l-​attività tax-​Xhieda taʼ Jehovah madwar id-​dinja. Għalhekk, kien onest ħafna miegħi, u tani ħafna raġunijiet għala għandi naħsibha sewwa qabel ma naċċetta li niżżewġu. Dak iż-​żmien, hu kien jivvjaġġa ħafna biex iżur fergħat tax-​Xhieda taʼ Jehovah madwar id-​dinja u ġieli kien idum ġimgħat sħaħ. Għaldaqstant, spjegali li konna se nkunu mifrudin għal perijodi twal taʼ żmien.

Meta kont żgħira, kont noqgħod nimmaġina li se niżżewweġ fir-​rebbiegħa u nqattaʼ l-​qamar il-​għasel fil-​gżejjer Paċifiċi tal-​Ħawajj. Imma fir-​realtà, aħna żżewwiġna fix-​xitwa, fil-​31 taʼ Jannar, 1953, u qattajna l-​qamar il-​għasel is-​Sibt wara nofsinhar u l-​Ħadd f’New Jersey. It-​Tnejn erġajna dħalna għax-​xogħol. Madankollu, ġimgħa wara rnexxielna mmorru qamar il-​għasel għal ġimgħa.

Sieħeb Ħabrieki

Nathan kellu 18-il sena meta wasal f’Betel fl-​1923. Hu rċieva taħriġ imprezzabbli mingħand uħud taʼ l-​esperjenza bħal Joseph F. Rutherford, li kien minn taʼ quddiem fix-​xogħol tax-​Xhieda, u l-​maniġer taʼ l-​istamperija Robert J. Martin. Meta Ħuna Martin miet f’Settembru taʼ l-​1932, Nathan sar il-​maniġer taʼ l-​istamperija. Is-​sena taʼ wara, Ħuna Rutherford ħa lil Nathan miegħu meta mar iżur fergħat tax-​Xhieda taʼ Jehovah fl-​Ewropa. Meta miet Ħuna Rutherford f’Jannar taʼ l-​1942, Nathan ngħata rresponsabbiltà li jindokra x-​xogħol tax-​Xhieda taʼ Jehovah madwar id-​dinja.

Nathan kien progressiv ħafna, dejjem jippjana għal tkabbir fil-​futur. Xi wħud ħassew li dan ma kienx xieraq, ladarba kien meqjus li t-​tmiem taʼ din is-​sistema dinjija kien fil-​qrib ħafna. Fil-​fatt, xi ħadd li ra l-​pjanijiet taʼ Nathan staqsieh: “Dan x’inhu, Ħuna Knorr? Mela m’għandikx fidi?” Hu wieġeb: “Iva, għandi, imma jekk it-​tmiem ma jiġix malajr daqskemm qed naħsbu, inkunu lesti.”

Idea li Nathan kien jemmen ħafna fiha kienet li titwaqqaf skola għall-​missjunarji. Għaldaqstant, fl-​1 taʼ Frar, 1943, inbdiet skola missjunarja fir-​razzett il-​kbir fejn kien qiegħed jaqdi ħija Wayne. Għalkemm l-​iskola kienet tikkonsisti minn kors intensiv taʼ studju tal-​Bibbja għal madwar ħames xhur, Nathan ra li l-​istudenti jkollhom ftit rikreazzjoni. Fl-​ewwel snin taʼ l-​iskola, hu kien jieħu sehem fil-​logħob bil-​ballun, imma mbagħad ma baqax jilgħab għax beżaʼ li jekk iweġġaʼ ma jkunx jistaʼ jattendi l-​konvenzjonijiet distrettwali tas-​sajf. Minflok, għażel li jagħmilha taʼ referì. L-​istudenti kienu jieħdu gost ħafna meta kien jgħawweġ ir-​regoli bl-​addoċċ favur l-​istudenti barranin li kienu jilagħbu.

Il-​Vjaġġi maʼ Nathan

Maż-​żmien, bdejt nivvjaġġa barra l-​pajjiż maʼ Nathan. Kont nieħu pjaċir naqsam l-​esperjenzi mal-​volontieri fil-​fergħat u mal-​missjunarji. Stajt nara personalment l-​imħabba u d-​devozzjoni tagħhom, u tgħallimt dwar ir-​rutina u l-​kundizzjonijiet t’għajxien fil-​pajjiżi fejn kienu jaqdu. Matul is-​snin, bqajt nirċievi ittri t’apprezzament għal dawn iż-​żjajjar.

Meta noqgħod nirrifletti fuq il-​vjaġġi tagħna, niftakar ħafna esperjenzi. Per eżempju, meta żorna l-​Polonja, kien hemm żewġ aħwa nisa jfesfsu f’widnejn xulxin quddiemi. Jien staqsejthom, “Għala qed titkellmu minn taħt l-​ilsien?” Huma skużaw ruħhom u spjegawli li kienu mdorrijin jagħmlu hekk meta x-​xogħol tax-​Xhieda taʼ Jehovah kien projbit fil-​Polonja, u kienu jitwaħħlu mikrofoni bil-​moħbi fid-​djar tagħhom biex jissemmgħulhom.

Oħtna Adach kienet waħda mill-​ħafna aħwa li qdew fil-​Polonja meta x-​xogħol kien projbit. Hi kellha xagħarha nokkli u bil-​frenża. Darba minnhom għolliet il-​frenża u wrietni marka kbira fuq moħħha taʼ meta wieħed persekutur taha daqqa. Bqajt ixxokkjata meta rajt b’għajnejja r-​riżultat tat-​trattament aħrax li l-​aħwa tagħna kellhom jissaportu.

Wara Betel, il-​Ħawajj huwa l-​post favorit tiegħi. Niftakar il-​konvenzjoni li kellna hemmhekk fil-​belt taʼ Hilo fl-​1957. Kienet okkażjoni kbira, u l-​attendenza kienet akbar mit-​total tax-​Xhieda lokali. Is-​sindku saħansitra ta lil Nathan iċ-​ċavetta tal-​belt bħala ġest simboliku taʼ merħba uffiċjali. Ħafna wħud ġew jilqgħuna u jlibbsuna l-​girlandi tal-​fjuri.

Konvenzjoni eċċitanti oħra kienet f’Nuremberg, il-​Ġermanja, fl-​1955, li nżammet fejn qabel kienu jsiru l-​parati militari taʼ Hitler. Kulħadd jaf li Hitler kien ħalef li jeqred lin-​nies taʼ Jehovah fil-​Ġermanja, imma issa dan l-​istadju kien mimli bix-​Xhieda taʼ Jehovah! Ma stajtx ma nibkix. Il-​platform kien enormi u warajh kellu xena impressjonanti taʼ 144 pilastru kbir. Jien kont fuq il-​platform u minn hemm stajt nara l-​udjenza vasta taʼ iktar minn 107,000 ruħ. Tant kien hemm bogħod san-​naħa taʼ wara li bilkemm stajt nara l-​aħħar filliera.

Stajna naraw l-​integrità taʼ l-​aħwa Ġermaniżi u s-​saħħa li kienu rċivew mingħand Jehovah matul il-​persekuzzjoni li kellhom mill-​ħakma Nazista. Dan saħħilna d-​determinazzjoni tagħna biex inkunu leali u nibqgħu nuru integrità lejn Jehovah. Nathan għamel it-​taħdita taʼ l-​għeluq, u x’ħin spiċċa, xejjer idu bħala tislima lill-​udjenza. Minnufih l-​aħwa għamlu bħalu u bdew ixejru l-​imkatar tagħhom. Kienet qisha għalqa mimlija fjuri sbieħ.

Ma nistax ma nsemmix ukoll iż-​żjara tagħna fil-​Portugall f’Diċembru taʼ l-​1974.Konna attendejna l-​ewwel laqgħa tax-​Xhieda f’Lisbona wara li x-​xogħol taʼ l-​għoti taʼ xiehda kien ġie legalizzat. Dan kien ilu projbit għal 50 sena! Għalkemm dak iż-​żmien kien hemm biss 14,000 pubblikatur tas-​Saltna f’dak il-​pajjiż, ’il fuq minn 46,000 ruħ attendew għaż-​żewġ laqgħat li nżammu. Qabiżli d-​dmugħ meta l-​aħwa qalu: “M’hemmx għalfejn ninħbew iktar. Issa ħelsin.”

Minn mindu kont nivvjaġġa maʼ Nathan sa llum il-​ġurnata, nieħu pjaċir nagħti xiehda b’mod informali—fuq l-​ajruplani, fir-​restoranti—u nagħti xiehda fit-​toroq. Dejjem inġorr il-​letteratura miegħi ħalli nkun preparata. Meta darba konna qed nistennew ajruplan li kien ittardja, waħda mara staqsietni fejn kont naħdem. Dan wassal għal konversazzjoni magħha u m’oħrajn li kienu ħdejna jisimgħu. Is-​servizz f’Betel u l-​ippridkar tawni ħafna x’nagħmel u ħafna ferħ.

Mard u Inkuraġġiment taʼ l-​Aħħar

Fl-​1976, Nathan marad bil-​kanċer, u jien, flimkien mal-​membri taʼ Betel, għentu jkampa. Minkejja li saħħtu kienet sejra lura, konna nistiednu fil-​kamra tagħna lil diversi membri taʼ fergħat madwar id-​dinja li kienu jinzertaw fi Brooklyn għat-​taħriġ. Niftakar iż-​żjajjar taʼ Don u Earlene Steele, Lloyd u Melba Barry, Douglas u Mary Guest, Martin u Gertrud Poetzinger, Pryce Hughes, u ħafna oħrajn. Dawn kienu spiss jirrakkontawlna xi esperjenzi minn pajjiżhom. L-​iktar li bqajt impressjonata kien bl-​esperjenzi taʼ kemm ħutna żammew sod minkejja li x-​xogħol kien projbit.

Meta Nathan irrealizza li kien wasal biex imut, tani ftit pariri tajbin biex jgħinuni nkampa meta normol. Hu qalli: “Kellna żwieġ hieni. Ħafna nies ma jesperjenzawhiex din il-​ħaġa.” Xi ħaġa li għamlet iż-​żwieġ tagħna hieni kienet kemm Nathan kien jaħseb fija. Per eżempju, meta konna niltaqgħu maʼ wħud differenti fil-​vjaġġi tagħna, kien jgħidli: “Audrey, jekk xi darba ma nintroduċikx magħhom, ir-​raġuni hi għax inkun insejt x’jisimhom.” Ħadt pjaċir li kien avżani minn qabel.

Nathan fakkarni f’dan: “Wara l-​mewt, it-​tama tagħna tkun ċerta, u m’għandniex għalfejn inbatu iktar.” Imbagħad ħeġġiġni: “Ħares ’il quddiem, għax il-​premju tiegħek hemm qiegħed. Tgħixx fil-​passat—avolja jibqagħlek il-​memorji. Iż-​żmien jgħinek tfiq. Timteliex bir-​rabja u tibda titħassar lilek innifsek. Kun kuntenta li kellek dan il-​ferħ u dawn il-​barkiet. Wara ftit, se ssib li l-​memorji jġibulek il-​ferħ. Il-​memorji huma rigal mingħand Alla.” Hu kompla: “Żomm ruħek okkupata—ipprova uża ħajtek billi tagħmel xi ħaġa għal ħaddieħor. Dan se jgħinek issib il-​ferħ fil-​ħajja.” Eventwalment, nhar it-​8 taʼ Ġunju, 1977, Nathan temm ħajtu fuq l-​art.

Iż-​Żwieġ maʼ Glenn Hyde

Nathan kien qalli li stajt ngħix fil-​passat bil-​memorji tiegħi jew inkella nibda ħajja ġdida. Għalhekk, fl-​1978, wara li mort noqgħod fil-​Watchtower Farms f’Wallkill, New York, iżżewwiġt lil Glenn Hyde, bniedem gustuż, kwiet, u ġentili ħafna. Qabel ma kien sar Xhud, hu kien qeda fil-​Flotta meta l-​Istati Uniti kienet involuta fil-​gwerra kontra l-​Ġappun.

Fi żmien il-​gwerra, Glenn kien jaħdem fuq bastiment taʼ l-​għassa armat bit-​torpidows u xogħlu kien fil-​kamra tal-​magni. Minħabba l-​istorbju tal-​magna, hu tilef parti mis-​smigħ. Wara l-​gwerra beda jaħdem bħala pompier tat-​tifi tan-​nar. Dam snin sħaħ joħlom ikrah minħabba dak li ra fil-​gwerra. Hu tgħallem il-​verità tal-​Bibbja mingħand is-​segretarja tiegħu li tagħtu xiehda b’mod informali.

Wara, fl-​1968, Glenn ġie mistieden f’Betel biex jaqdi bħala pompier tat-​tifi tan-​nar fi Brooklyn. Imbagħad, meta ġabu karozza tat-​tifi tan-​nar fil-​Watchtower Farms, ġie trasferit hemmhekk fl-​1975. Maż-​żmien ħakmitu l-​marda Alzheimer. Glenn miet wara li konna ilna miżżewġin għaxar snin.

Kif kien se jirnexxili nkampa? Il-​pariri mimlijin għerf li kien tani Nathan meta kien jaf li se jmut reġgħu kienu taʼ faraġ għalija. Kont noqgħod naqra dak li kien kitibli dwar kif għandi nkampa meta normol. Għadni sa llum naqsam dawn il-​kummenti m’oħrajn li jormlu, u huma wkoll kisbu l-​faraġ mill-​pariri taʼ Nathan. Tabilħaqq, huwa tajjeb li nħares ’il quddiem bħalma kien inkuraġġieni hu.

Fratellanza Prezzjuża

L-​iktar ħaġa li għamlitli ħajti kuntenta u sodisfaċenti hija l-​ħbieb għeżież fil-​familja taʼ Betel. Waħda partikulari hija Esther Lopez, li ggradwat fl-​1944 mit-​tielet klassi taʼ l-​Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead). Hi rritornat Brooklyn fi Frar taʼ l-​1950 biex taqdi bħala traduttriċi bl-​Ispanjol tal-​letteratura Biblika tagħna. Ħafna drabi, Esther kienet tagħmilli kumpanija meta Nathan kien ikun qed jivvjaġġa. Hi wkoll toqgħod fil-​Watchtower Farms. Issa għandha fuq id-​90 sena u peress li saħħitha marret lura, qed iduru biha fl-​infermerija tagħna.

Mill-familja tiegħi, Russell u Clara biss għadhom ħajjin. Russell għandu fuq id-​90 sena u qed jaqdi lealment fil-​Betel taʼ Brooklyn. Hu kien wieħed minn taʼ l-​ewwel li tħalla jibqaʼ f’Betel wara li żżewweġ. Fl-​1952, iżżewweġ lil Jean Larson, Betelita oħra. Max, ħu Jean, ġie f’Betel fl-​1939 u fl-​1942 ħa post Nathan bħala indokratur taʼ l-​istamperija. Max għad għandu ħafna responsabbiltà f’Betel, inkluż li jieħu ħsieb l-​għażiża martu, Helen, li tbati bil-​multiple sclerosis.

Meta nħares lura lejn it-​63 sena fis-​servizz taʼ Jehovah full-time, nistaʼ ngħid li jien verament kelli ħajja sodisfaċenti. Betel saret dari, u għadni naqdi hawn b’qalbi mimlija ferħ. Il-​kredtu jmur għall-​ġenituri tiegħi talli għallmuna xi jfisser ix-​xogħol u daħlulna fina x-​xewqa li naqdu lil Jehovah. Imma l-​iktar ħaġa li tagħmlilna ħajjitna sodisfaċenti hija l-​fratellanza meraviljuża tagħna u t-​tama li ngħixu flimkien maʼ ħutna f’art magħmula ġenna, waqt li naqdu lill-​Ħallieq Grandjuż tagħna, l-​uniku Alla veru, Jehovah, għall-​eternità kollha.

[Stampa f’paġna 24]

Il-​ġenituri tiegħi f’jum it-​tieġ tagħhom f’Ġunju taʼ l-​1912

[Stampa f’paġna 24]

Mix-​xellug għal-​lemin: Russell, Wayne, Clara, Ardis, jien, u Curtis fl-​1927

[Stampa f’paġna 25]

Bejn Frances u Barbara McNaught, meta kont qed naqdi bħala pijuniera fl-​1944

[Stampa f’paġna 25]

F’Betel fl-​1951. Mix-​xellug għal-​lemin: Jien, Esther Lopez, u l-​mara taʼ ħija, Jean

[Stampa f’paġna 26]

Maʼ Nathan u l-​ġenituri tiegħu

[Stampa f’paġna 26]

Maʼ Nathan fl-​1955

[Stampa f’paġna 27]

Maʼ Nathan fil-​Ħawajj

[Stampa f’paġna 29]

Mat-​tieni raġel tiegħi, Glenn