Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Għallmuhom Iħarsu Dak Kollu li Ordnajtilkom Jien”

“Għallmuhom Iħarsu Dak Kollu li Ordnajtilkom Jien”

“Għallmuhom Iħarsu Dak Kollu li Ordnajtilkom Jien”

“Morru, mela, agħmlu dixxipli . . . , għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.”—MATTEW 28:19, 20.

1. Liema konversazzjoni seħħet bejn id-​dixxiplu Filippu u raġel mill-​Etjopja?

 IR-​RAĠEL mill-​Etjopja kien ivvjaġġa t-​triq kollha lejn Ġerusalemm. Hemmhekk hu mar biex iqim lill-​Alla li kien iħobb, Jehovah. Milli jidher, hu kien iħobb ukoll il-​Kelma ispirata t’Alla. Fil-​vjaġġ lura lejn id-​dar fil-​karru tiegħu, hu kien qed jaqra kopja mill-​kitbiet tal-​profeta Isaija meta Filippu, dixxiplu taʼ Kristu, iltaqaʼ miegħu. Filippu staqsa lill-​Etjopjan: “Dan li qed taqra qiegħed tifhmu?” Ir-​raġel wieġeb: “Kif nistaʼ nifhem jekk xi ħadd ma jurinix?” Filippu kompla jgħin lil dan l-​istudent sinċier taʼ l-​Iskrittura biex isir dixxiplu taʼ Kristu.—Atti 8:26-39.

2. (a) Ir-​risposta taʼ l-​Etjopjan b’liema mod kienet importanti? (b) Liema mistoqsijiet relatati mal-​kmand taʼ Kristu biex nagħmlu dixxipli se nikkunsidraw?

2 Ir-​risposta taʼ l-​Etjopjan hija taʼ min jinnotaha. Hu qal: ‘Kif nistaʼ jekk xi ħadd ma jurinix.’ Iva, hu kellu bżonn xi ħadd biex jurih, biex jiggwidah. Dan il-​kumment fih innifsu juri l-​importanza taʼ istruzzjoni speċifika li Ġesù inkluda fil-​kmand tiegħu biex nagħmlu dixxipli. Liema istruzzjoni? Sabiex insibu t-​tweġiba, ejja nkomplu nikkunsidraw il-​kliem taʼ Ġesù li nsibu f’​Mattew kapitlu 28. L-​artiklu taʼ qabel iffoka fuq il-​mistoqsijiet għala? u fejn? Issa se nikkunsidraw żewġ mistoqsijiet oħra li għandhom x’jaqsmu mal-​kmand taʼ Ġesù biex nagħmlu dixxipli—xiex? u meta?

“Għallmuhom Iħarsu Dak Kollu li Ordnajtilkom”

3. (a) Wieħed kif isir dixxiplu taʼ Ġesù Kristu? (b) X’għandna ninkludu fit-​tagħlim tagħna meta nkunu qed nagħmlu dixxipli?

3 X’għandna ngħallmu biex ngħinu lil oħrajn isiru dixxipli taʼ Kristu? Ġesù kkmanda lis-​segwaċi tiegħu: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-​ġnus kollha, u għammduhom fl-​isem tal-​Missier u taʼ l-​Iben u taʼ l-​Ispirtu s-​Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.” (Mattew 28:19, 20) B’hekk, għandna ngħallmu l-​affarijiet li kkmanda Ġesù. * Però, x’jistaʼ jsir biex nagħmlu żgur li individwu li jiġi mgħallem il-​kmandamenti taʼ Ġesù mhux biss isir dixxiplu imma jibqaʼ dixxiplu? Fattur importanti wieħed nistgħu narawh fil-​kliem li Ġesù għażel bl-​għaqal. Innota, hu ma qalx sempliċement: ‘Għallmuhom dak kollu li ordnajtilkom jien.’ Minflok, hu qal: “Għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.” (Mattew 19:17, Korsiv tagħna.) Dan x’jimplika?

4. (a) Xi jfisser li tħares kmand? (b) Agħti eżempju taʼ kif nistgħu ngħallmu lil xi ħadd iħares il-​kmandamenti taʼ Kristu.

4 Li wieħed iħares kmand ifisser li “jbiddel l-​azzjonijiet tiegħu” fi qbil maʼ kmand—li jobdih, jew iżomm miegħu. Għalhekk, kif ngħallmu lil xi ħadd iħares, jew jobdi, l-​affarijiet li kkmanda Kristu? Aħseb ftit dwar il-​mod taʼ kif għalliem tas-​sewqan jgħallem lill-​istudenti tiegħu jħarsu l-​liġijiet tat-​traffiku. Jistaʼ jkun li għalliem jgħallem lill-​istudenti tiegħu r-​regoli tat-​triq fil-​klassi. Però, biex jgħallem lill-​istudenti tiegħu kif jobdu dawn ir-​regoli, hu għandu bżonn jiggwida lill-​istudenti waqt li huma jsuqu fit-​traffiku u jaħdmu iebes biex jipprattikaw dak li tgħallmu. Bl-​istess mod, meta nistudjaw il-​Bibbja man-​nies, aħna ngħallmuhom il-​kmandamenti taʼ Kristu. Madankollu, aħna rridu wkoll niggwidaw lill-​istudenti waqt li jistinkaw biex japplikaw l-​istruzzjonijiet taʼ Kristu fil-​ħajja tagħhom taʼ kuljum u fil-​ministeru. (Ġwanni 14:15; 1 Ġwanni 2:3) B’hekk, biex inwettqu bis-​sħiħ il-​kmand taʼ Kristu biex nagħmlu dixxipli rridu nkunu kemm għalliema u kemm uħud li jiggwidaw. B’dan il-​mod, aħna nimitaw l-​eżempju li ħalla Ġesù u Jehovah innifsu.—Salm 48:15 (48:14, NW); Apokalissi 7:17.

5. Wieħed li nistudjaw il-​Bibbja miegħu, għala forsi jżomm lura milli jobdi l-​kmand taʼ Kristu biex nagħmlu dixxipli?

5 Li ngħallmu lil oħrajn iħarsu l-​kmandamenti taʼ Ġesù jinkludi li ngħinuhom jobdu l-​kmand biex nagħmlu dixxipli. Għal xi wħud li nistudjaw il-​Bibbja magħhom, dan jistaʼ jkun taʼ sfida. Anki jekk qabel kienu membri attivi taʼ xi knisja tal-​Kristjaneżmu, x’aktarx li l-​għalliema reliġjużi li kellhom qabel qatt m’għallmuhom biex imorru jagħmlu dixxipli. Xi mexxejja tal-​knisja jammettu bil-​miftuħ li meta jiġu biex jgħallmu lill-​merħla tagħhom biex jippridkaw, il-​knejjes tal-​Kristjaneżmu jfallu kompletament. Meta kien qed jikkummenta dwar il-​kmand taʼ Ġesù biex immorru fid-​dinja u ngħinu lil kull tip taʼ nies isiru dixxipli, l-​istudjuż tal-​Bibbja John R. W. Stott innota: “Il-​fatt li nqasna milli nobdu s-​sinifikat taʼ dan il-​kmand huwa l-​akbar dgħjufija tal-​Kristjani evanġeliċi fil-​qasam taʼ l-​evanġeliżmu llum.” Hu żied: “Għandna t-​tendenza li nipproklamaw il-​messaġġ tagħna minn ċerta distanza. Kultant qisna wħud li b’moħħna mistrieħ mill-​bajja nagħtu parir lil uħud li qed jegħrqu. Ma naqbżux fil-​baħar biex insalvawhom. Nibżgħu li nixxarrbu.”

6. (a) Meta nkunu qed ngħinu student tal-​Bibbja, kif nistgħu nimitaw l-​eżempju taʼ Filippu? (b) Kif nistgħu nuru l-​interess tagħna meta student tal-​Bibbja jibda jieħu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar?

6 Jekk xi ħadd li nistudjaw il-​Bibbja miegħu kien qabel parti minn reliġjon li l-​membri tagħha ‘jibżgħu li jixxarrbu,’ forsi jkun taʼ sfida għalih biex jegħleb il-​biżaʼ tiegħu mill-​ilma, biex ngħidu hekk, u jobdi l-​kmand taʼ Kristu biex nagħmlu dixxipli. Hu se jkollu bżonn l-​għajnuna. B’hekk, hemm bżonn li nkunu paċenzjużi waqt li nagħtuh it-​tip taʼ istruzzjoni u gwida li se tkabbar il-​fehma tiegħu u tqanqlu jieħu azzjoni, sewwasew bħalma t-​tagħlim taʼ Filippu ċċara l-​fehma taʼ l-​Etjopjan u qanqlu biex jitgħammed. (Ġwanni 16:13; Atti 8:35-38) Flimkien maʼ dan, ix-​xewqa tagħna li ngħallmu lill-​istudenti tal-​Bibbja biex iħarsu l-​kmand taʼ li nagħmlu dixxipli tqanqalna biex inkunu maʼ ġenbhom meta jieħdu l-​ewwel passi tagħhom fl-​ippridkar tas-​Saltna.—Koħèlet 4:9, 10; Luqa 6:40.

“Dak Kollu li Ordnajtilkom”

7. Li ngħallmu lil oħrajn ‘iħarsu kollox’ jinkludi li ngħallmuhom liema kmandamenti?

7 Aħna ma rridux sempliċement ngħallmu lil dixxipli ġodda biex jagħmlu dixxipli. Ġesù istruwina biex ngħallmu lil oħrajn biex “iħarsu dak kollu” li hu kkmanda. (Korsiv tagħna.) Dan żgur jinkludi l-​akbar żewġ kmandamenti—li nħobbu lil Alla u nħobbu lil għajrna. (Mattew 22:37-39) Dixxiplu ġdid kif jistaʼ jiġi mgħallem iħares dawn il-​kmandamenti?

8. Agħti eżempju taʼ kif dixxiplu ġdid jistaʼ jiġi mgħallem il-​kmand biex juri mħabba.

8 Erġaʼ aħseb f’dak l-​istudent li qed jitgħallem isuq. Waqt li l-​istudent qed jgħaddi mit-​traffiku bl-​għalliem maġenbu, l-​istudent qed jitgħallem mhux biss billi jismaʼ lill-​għalliem imma wkoll billi jħares lejn sewwieqa oħrajn. Per eżempju, l-​għalliem forsi jipponta lejn sewwieq li bil-​ħlewwa jħalli lil xi ħadd joħroġ quddiemu fit-​traffiku; jew sewwieq li b’manjieri tajbin ibaxxi d-​dwal tal-​karozza sabiex ma jagħmix lil dawk li jkunu ġejjin bil-​kontra; jew sewwieq li joffri għajnuna lil xi ħadd li tkun waqfitlu l-​karozza. Dawn l-​eżempji jgħallmu lill-​istudent lezzjonijiet taʼ valur li jistaʼ japplika meta jkun qed isuq. B’mod simili, dixxiplu ġdid li jivvjaġġa fit-​triq tal-​ħajja jitgħallem mhux biss mill-​għalliem tiegħu imma wkoll mill-​eżempji mill-​aqwa li jara fil-​kongregazzjoni.—Mattew 7:13, 14.

9. Dixxiplu ġdid kif jistaʼ jitgħallem xi jfisser li nħarsu l-​kmand biex nuru mħabba?

9 Per eżempju, student tal-​Bibbja forsi josserva omm waħedha li tagħmel sforz kbir biex tiġi s-​Sala tas-​Saltna bit-​tfal ċkejknin tagħha. Forsi jara persuna dipressa li lealment tmur il-​laqgħat minkejja l-​ġlieda tagħha kontra d-​dipressjoni, armla anzjana li twassal lil uħud imdaħħlin fiż-​żmien oħra għal kull laqgħa tal-​kongregazzjoni, jew żagħżugħ li jieħu sehem fit-​tindif tas-​Sala tas-​Saltna. L-​istudent tal-​Bibbja forsi jibda jinnota anzjan fil-​kongregazzjoni li lealment jieħu t-​tmexxija fis-​servizz taʼ l-​għalqa minkejja l-​ħafna responsabbiltajiet li għandu fil-​kongregazzjoni. Forsi jiltaqaʼ maʼ Xhud li hu diżabilitat u ma jistax joħroġ mid-​dar imma li hu sors taʼ inkuraġġiment spiritwali għal dawk kollha li jżuruh. L-​istudent forsi josserva koppja li qed jagħmlu bidliet kbar f’ħajjithom sabiex jieħdu ħsieb lill-​ġenituri tagħhom li huma mdaħħlin fiż-​żmien. Billi josserva lil dawn il-​Kristjani qalbhom tajba, lesti li jgħinu, u taʼ min joqgħod fuqhom, id-​dixxiplu l-​ġdid jitgħallem permezz taʼ l-​eżempju xi jfisser li tobdi l-​kmand taʼ Kristu biex inħobbu lil Alla u lill-​għajrna, speċjalment lil sħabna fit-​twemmin. (Proverbji 24:32; Ġwanni 13:35; Galatin 6:10; 1 Timotju 5:4, 8; 1 Pietru 5:2, 3) B’dan il-​mod, kull membru tal-​kongregazzjoni Kristjana jistaʼ—u għandu—ikun għalliem u wieħed li jiggwida.—Mattew 5:16.

“Sa l-​Aħħar taż-​Żmien”

10. (a) Għal kemm żmien se nkomplu nagħmlu dixxipli? (b) Ġesù liema eżempju ħalla rigward kif inwettqu l-​inkarigi tagħna?

10 Sa meta għandna nkomplu nagħmlu dixxipli? Sa l-​aħħar taż-​żmien, jew taʼ din is-​sistema dinjija. (Mattew 28:20) Se nkunu kapaċi nwettquh dan l-​aspett tal-​kmand taʼ Ġesù? Bħala kongregazzjoni madwar id-​dinja, aħna determinati li nagħmlu dan. Fis-​snin li għaddew, aħna bil-​ferħ tajna mill-​ħin, l-​enerġija, u r-​riżorsi tagħna biex insibu lil dawk li għandhom “attitudni xierqa lejn il-​ħajja taʼ dejjem.” (Atti 13:48, NW) Fil-​preżent, ix-​Xhieda taʼ Jehovah iqattgħu medja taʼ iktar minn tliet miljun siegħa kull ġurnata tas-​sena fl-​ippridkar tas-​Saltna u l-​attività taʼ li nagħmlu dixxipli madwar id-​dinja. Aħna nagħmlu dan għax insegwu l-​eżempju taʼ Ġesù. Hu qal: “L-​ikel tiegħi hu li nagħmel ir-​rieda taʼ min bagħatni u li nwassal fit-​tmiem l-​opra tiegħu.” (Ġwanni 4:34, korsiv tagħna.) Din ukoll hi x-​xewqa sinċiera tagħna. (Ġwanni 20:21) Aħna rridu nagħmlu iktar milli nibdew ix-​xogħol li ġie fdat f’idejna; irridu llestuh.—Mattew 24:13; Ġwanni 17:4.

11. Xi ġralhom xi wħud minn ħutna Kristjani, u x’għandna nistaqsu lilna nfusna?

11 Madankollu, jiddispjaċina meta naraw li xi wħud minn sħabna fit-​twemmin iddgħajfu spiritwalment u, bħala riżultat, naqqsu fil-​pass jew waqfu milli jwettqu l-​kmand taʼ Kristu biex jagħmlu dixxipli. Hemm xi mod kif nistgħu ngħinuhom jerġgħu jibdew jassoċjaw mal-​kongregazzjoni u jieħdu sehem fix-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli? (Rumani 15:1; Lhud 12:12) Il-​mod kif Ġesù għen lill-​appostli tiegħu meta kienu f’kundizzjoni dgħajfa għal xi żmien jurina x’nistgħu nagħmlu aħna llum.

Uri Interess

12. (a) X’għamlu l-​appostli ftit qabel il-​mewt taʼ Ġesù? (b) Ġesù kif ittratta lill-​appostli tiegħu minkejja li wrew dgħjufija serja?

12 Fit-​tmiem tal-​ministeru taʼ Ġesù fuq l-​art, meta l-​mewt tiegħu kienet qrib ħafna, l-​appostli “telquh u ħarbu.” Bħalma kien bassar Ġesù, huma ‘nxterrdu kull wieħed lejn daru.’ (Mark 14:50; Ġwanni 16:32) Ġesù kif aġixxa maʼ ħbiebu li kienu ddgħajfu spiritwalment? Ftit wara l-​irxoxt tiegħu, Ġesù qal lil xi wħud mis-​segwaċi tiegħu: “Tibżgħu xejn: morru wasslu l-​aħbar lil ħuti biex jitilqu lejn il-​Galilija: lili jarawni hemmhekk.” (Mattew 28:10) Għalkemm l-​appostli kienu wrew dgħjufija serja, Ġesù xorta sejħilhom “ħuti.” (Mattew 12:49) Ma kienx qataʼ qalbu minnhom. B’dan il-​mod, Ġesù wera ħniena u ħafrilhom, eżatt bħalma Jehovah juri ħniena u maħfra. (2 Slaten 13:23) Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù?

13. Kif għandna nqisu lil dawk li ddgħajfu spiritwalment?

13 Aħna għandu jkollna interess sinċier f’dawk li naqqsu fil-​pass jew waqfu milli jieħdu sehem fil-​ministeru. Xorta nibqgħu niftakru fl-​għemejjel taʼ mħabba li dawn sħabna fit-​twemmin wettqu fil-​passat—xi wħud forsi għal sekli sħaħ. (Lhud 6:10) Tassew nimmissjaw is-​sħubija tagħhom. (Luqa 15:4-7; 1 Tessalonikin 2:17) Però, kif nistgħu nesprimu l-​interess tagħna fihom?

14. Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù meta ngħinu lil xi ħadd dgħajjef?

14 Ġesù qal lill-​appostli, li kellhom qalbhom maqtugħa, biex imorru l-​Galilija u jarawh hemmhekk. F’ċertu sens, Ġesù stidinhom jattendu laqgħa speċjali. (Mattew 28:10) Bl-​istess mod illum, aħna ninkuraġġixxu lil dawk li huma dgħajfin spiritwalment biex jattendu l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni Kristjana, u forsi jkun hemm bżonn li ninkuraġġuhom iktar minn darba. Fil-​każ taʼ l-​appostli, l-​istedina rnexxiet, għaliex “il-​ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-​Galilija u marru fuq il-​muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù.” (Mattew 28:16) X’ferħ inħossu meta wħud li ddgħajfu b’mod simili jwieġbu għall-​istedina li nagħmlulhom minn qalbna biex jerġgħu jibdew jattendu l-​laqgħat Kristjani!—Luqa 15:6.

15. Kif nistgħu nsegwu l-​eżempju taʼ Ġesù meta nagħtu merħba lil dawk l-​uħud dgħajfin li jiġu fil-​post fejn niltaqgħu?

15 Kif se naġixxu meta Kristjan dgħajjef jasal is-​Sala tas-​Saltna? Ġesù x’għamel meta ra l-​appostli tiegħu, li l-​fidi tagħhom kienet iddgħajfet għal xi żmien, fil-​post fejn kellhom jiltaqgħu? “Ġesù resaq ikellimhom.” (Mattew 28:18) Ma qagħadx iħares lejhom mill-​bogħod imma mar fuqhom. Immaġina kif ħadu r-​ruħ l-​appostli meta Ġesù ħa l-​inizjattiva! Jalla aħna wkoll nieħdu l-​inizjattiva u nagħtu merħba mill-​qalb lil dawk l-​uħud dgħajfin li jagħmlu l-​isforz biex jerġgħu jirritornaw għall-​kongregazzjoni Kristjana.

16. (a) X’nistgħu nitgħallmu mill-​mod kif Ġesù ttratta lis-​segwaċi tiegħu? (b)Kif nistgħu nirriflettu l-​ħarsa taʼ Ġesù dwar uħud dgħajfin? (Ara n-​nota taʼ taħt.)

16 X’għamel iktar Ġesù? L-​ewwel, hu għamel avviż: “Lili ngħatat kull setgħa.” It-​tieni, ta inkarigu: “Morru, mela, agħmlu dixxipli.” It-​tielet, għamel wegħda: “Jiena magħkom dejjem.” Imma innotajt x’ma għamilx Ġesù? Ma ċanfarx lid-​dixxipli għan-​nuqqasijiet u d-​dubji tagħhom. (Mattew 28:17) Kien effettiv il-​mod kif ittratta s-​sitwazzjoni? Iva. Wara ftit taż-​żmien, l-​appostli kienu għal darb’oħra qed “jgħallmu u jxandru” l-​aħbar tajba. (Atti 5:42) Billi nsegwu l-​eżempju taʼ Ġesù dwar kif għandna nqisu u nittrattaw lil uħud dgħajfin, nistgħu naraw riżultati simili li jferrħu l-​qalb fil-​kongregazzjoni lokali tagħna. *Atti 20:35.

“Jiena Magħkom Dejjem”

17, 18. Liema ħsibijiet li jsaħħu nsibu fil-​kliem taʼ Ġesù, “Jiena magħkom dejjem”?

17 L-​aħħar kliem tal-​kmand taʼ Ġesù, “jiena magħkom dejjem,” għandu effett li jsaħħaħ għal dawk kollha li jistinkaw biex iwettqu l-​kmand taʼ Ġesù biex nagħmlu dixxipli. (Korsiv tagħna.) Minkejja l-​oppożizzjoni li l-​għedewwa jistgħu jagħmlu kontra x-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna u minkejja kwalunkwe tip taʼ malafama li jistgħu jaqilgħu kontrina, m’għandniex għalfejn nibżgħu. Għala le? Ġesù, il-​Mexxej tagħna, li għandu “kull setgħa fis-​sema u fl-​art,” qiegħed magħna biex jappoġġana!

18 Il-​wegħda taʼ Ġesù “jiena magħkom dejjem” hija wkoll sors taʼ faraġ kbir. (Korsiv tagħna.) Waqt li nistinkaw biex inwettqu l-​inkarigu li tana Kristu biex nagħmlu dixxipli, aħna nesperjenzaw mhux biss ġranet taʼ ferħ imma wkoll ġranet taʼ niket. (2 Kronaki 6:29) Xi wħud minna ngħaddu minn żminijiet taʼ niket waqt li nitnikktu minħabba l-​mewt taʼ xi ħadd maħbub. (Ġenesi 23:2; Ġwanni 11:33-36) Oħrajn qed ikampaw max-​xjuħija, meta s-​saħħa tkun iddgħajfet. (Koħèlet 12:1-6) Jerġaʼ hemm oħrajn li jiffaċċjaw perijodi meta jkunu maħkumin minn sentimenti taʼ dipressjoni. (1 Tessalonikin 5:14, NW) U numru li dejjem jikber minna qed jissielet maʼ diffikultajiet ekonomiċi kbar. Madankollu, minkejja dawn l-​isfidi, aħna nirnexxu fil-​ministeru tagħna għaliex Ġesù hu magħna “dejjem,” inkluż fl-​iktar ġranet koroh taʼ ħajjitna.—Mattew 11:28-30.

19. (a) Il-​kmand taʼ Ġesù biex nagħmlu dixxipli fih liema istruzzjonijiet? (b) X’jgħinna nwettqu l-​kmand taʼ Kristu?

19 Bħalma rajna f’dan l-​artiklu u dak taʼ qablu, il-​kmand taʼ Ġesù biex nagħmlu dixxipli jinvolvi ħafna aspetti. Ġesù qalilna għala u fejn għandna nwettqu l-​kmand tiegħu. Qalilna wkoll x’għandna ngħallmu u sa meta għandna nagħmlu dan. M’għandniex xi ngħidu, huwa sfida li nwettqu l-​inkarigu li tana. Imma bl-​appoġġ tas-​setgħa taʼ Ġesù u l-​preżenza tiegħu magħna, aħna nistgħu nwettquh! Ma taqbilx maʼ dan?

[Noti taʼ taħt]

^ par. 3 Xogħol taʼ referenza jiġbed l-​attenzjoni li l-​kmand biex ngħammdu u biex ngħallmu “m’humiex bilfors . . . żewġ azzjonijiet li jiġru wara xulxin.” Minflok, “it-​tagħlim huwa proċess kontinwu, li parti minnu jibda qabel il-​magħmudija . . . u parti oħra tkompli wara l-​magħmudija.”

^ par. 16 Tistaʼ ssib iktar informazzjoni dwar kif għandek tqis u tgħin lil uħud dgħajfin fit-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 taʼ Frar, 2003, paġni 15-18.

Int Kif Twieġeb?

• Kif ngħallmu lil oħrajn josservaw dak li Ġesù kkmanda?

• Liema lezzjonijiet jistaʼ jitgħallem dixxiplu ġdid minn oħrajn fil-​kongregazzjoni?

• X’nistgħu nagħmlu biex ngħinu lil dawk li ddgħajfu spiritwalment?

• Liema saħħa u faraġ niksbu mill-​wegħda taʼ Ġesù “jiena magħkom dejjem”?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampi f’paġna 15]

Irridu nkunu kemm għalliema u kemm uħud li jiggwidaw

[Stampi f’paġna 17]

Dixxiplu ġdid jitgħallem lezzjonijiet imprezzabbli mill-​eżempju t’oħrajn