Ittra lil Noè
Ittra lil Noè
“GĦAŻIŻ Noè, jien kemm-il darba qrajt fil-Bibbja dwarek u dwar kif int bnejt arka u dħalt fiha mal-familja tiegħek, u b’hekk salvajtu mid-Dilluvju.”
Hekk tibda ittra li Minnamaria, tfajla taʼ 15-il sena, bagħtet għall-konkors tal-kitba li sar għall-istudenti taʼ bejn l-14 u l-21 sena. Il-konkors ġie organizzat mis-servizzi tal-posta Finlandiża, mill-Federazzjoni taʼ l-Għalliema tal-Lingwa Finlandiża, u mis-Soċjetà tal-Letteratura Finlandiża. Il-parteċipanti kellhom jiktbu ittra bbażata fuq ktieb. Din setgħet tiġi indirizzata lill-awtur tal-ktieb jew lil xi karattru msemmi fih. L-għalliema għażlu iktar minn 1,400 mill-ittri taʼ l-istudenti tagħhom u għaddewhom lill-membri tal-ġurija. Dawn imbagħad għażlu l-aħjar waħda, għaxra oħra li ħadu t-tieni, u jerġaʼ għaxra oħra li ħadu t-tielet. Minnamaria ferħet ħafna li l-ittra tagħha kienet fost dawk li ħadu t-tielet.
Minnamaria, studenta adoloxxenti, għala qagħdet tindirizza l-ittra tagħha lil Noè, bniedem li għex mal-5,000 sena ilu? Hi tikkummenta: “Il-Bibbja kienet l-ewwel ħaġa li ġiet f’moħħi. Jien sirt midħla sew tal-karattri li jissemmew fiha. Tant qrajt dwarhom li għalija qishom għadhom ħajjin. Għażilt lil Noè għaliex ħajtu tant kienet eċċitanti u differenti minn tiegħi.”
L-ittra li Minnamaria kitbet lil Noè tispiċċa bil-kliem: “Int għadek eżempju taʼ fidi u ubbidjenza. Ħajtek tinkuraġġixxi lil dawk kollha li jaqraw il-Bibbja biex huma wkoll jaġixxu fi qbil mal-fidi tagħhom.”
Din l-ittra taʼ qarrejja żagħżugħa turi tajjeb kemm il-Bibbja “hi ħajja” u għandha ‘qawwa’ fuq in-nies, sew jekk żgħażagħ u sew jekk xjuħ.—Lhud 4:12.