Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

‘Morru Agħmlu Dixxipli’

‘Morru Agħmlu Dixxipli’

‘Morru Agħmlu Dixxipli’

“Lili ngħatat kull setgħa fis-​sema u fl-​art. Morru, mela, agħmlu dixxipli.”—MATTEW 28:18, 19.

1, 2. (a) Ġesù liema inkarigu ta lis-​segwaċi tiegħu? (b) Liema mistoqsijiet rigward il-​kmandi taʼ Ġesù se nikkunsidraw?

 KIEN jum tar-​rebbiegħa f’Iżrael fis-​sena 33 E.K., u d-​dixxipli taʼ Ġesù kienu miġburin fuq muntanja fil-​Galilija. Il-​Mulej tagħhom li kien ġie rxoxtat kien wasal biex jitlaʼ fis-​smewwiet, imma l-​ewwel kellu xi ħaġa importanti x’jgħidilhom. Ġesù kellu inkarigu għalihom. X’kien dan l-​inkarigu? Id-​dixxipli tiegħu kif irreaġixxew? U dan l-​inkarigu kif japplika għalina llum?

2 Dak li qal Ġesù hu mniżżel f’​Mattew 28:18-20: “Lili ngħatat kull setgħa fis-​sema u fl-​art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-​ġnus kollha, u għammduhom fl-​isem tal-​Missier u taʼ l-​Iben u taʼ l-​Ispirtu s-​Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-​aħħar taż-​żmien.” Ġesù tkellem dwar “kull setgħa,” il-​“ġnus kollha,” “dak kollu li ordnajtilkom,” u “magħkom dejjem.” Il-​kmandi tiegħu li jinvolvu dawk l-​erbaʼ espressjonijiet iqajmu xi mistoqsijiet importanti, u li jistgħu jinġabru fil-​kliem għala? fejn? xiex? u meta? Ejja nikkunsidraw il-​mistoqsijiet waħda waħda. *

“Lili Ngħatat Kull Setgħa”

3. Għala għandna nobdu l-​kmand biex nagħmlu dixxipli?

3 L-​ewwelnett, għala għandna nobdu l-​kmand biex nagħmlu dixxipli? Ġesù qal: “Lili ngħatat kull setgħa fis-​sema u fl-​art. Morru, mela, agħmlu dixxipli.” Il-​kelma “mela” tipponta lejn raġuni prinċipali għala għandna nobdu dan il-​kmand. Ir-​raġuni hi li Ġesù, dak li għamel il-​kmand, għandu “kull setgħa.” Kemm hi estensiva s-​setgħa tiegħu?

4. (a) Kemm hi estensiva s-​setgħa taʼ Ġesu (b) Il-​fatt li nifhmu x’setgħa għandu Ġesù kif għandu jinfluwenza l-​ħarsa tagħna lejn il-​kmand biex nagħmlu dixxipli?

4 Ġesù għandu s-​setgħa fuq il-​kongregazzjoni tiegħu, u mill-​1914 ’l hawn kellu s-​setgħa fuq is-​Saltna t’Alla li kienet għadha kemm ġiet stabbilita. (Kolossin 1:13; Apokalissi 11:15) Bħala l-​arkanġlu hu għandu s-​setgħa fuq armata taʼ mijiet taʼ miljuni t’anġli fis-​sema. (1 Tessalonikin 4:16; 1 Pietru 3:22; Apokalissi 19:14-16) Hu ngħata s-​setgħa mingħand Missieru biex jeqred “kull ħakma u kull setgħa u kull qawwa” li jopponu prinċipji ġusti. (1 Korintin 15:24-26; Efesin 1:20-23) Is-​setgħa li għandu Ġesù mhix limitata biss fuq il-​ħajjin. Hu jaqdi wkoll bħala “mħallef tal-​ħajjin u tal-​mejtin” u għandu l-​qawwa mogħtija minn Alla biex iqajjem lil dawk li raqdu fil-​mewt. (Atti 10:42; Ġwanni 5:26-28) M’għandniex xi ngħidu, kmand mogħti mill-​Wieħed li ngħata daqstant setgħa għandu jitqies bl-​akbar importanza. Għalhekk, aħna nobdu b’rispett u minn jeddna l-​kmand taʼ Kristu biex ‘immorru nagħmlu dixxipli.’

5. (a) Pietru kif obda l-​kliem taʼ Ġesù? (b) L-​ubbidjenza taʼ Pietru għall-​istruzzjonijiet taʼ Ġesù wasslet għal liema barka?

5 Fil-​bidu tal-​ministeru tiegħu fuq l-​art, Ġesù għallem lid-​dixxipli tiegħu b’mod taʼ l-​għaġeb li jekk jirrikonoxxu s-​setgħa tiegħu u jobdu l-​kmandi tiegħu, dan kien se jwassal għal barkiet. Hu darba qal lil Pietru, li kien sajjied: “Aqdef ’il barra fil-​fond, u kalaw ix-​xbiek tagħkom għas-​sajd.” Pietru kien ċert li ma kienx hemm ħut, u għalhekk qal lil Ġesù: “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn.” Madankollu, Pietru bl-​umiltà żied: “Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-​xbiek.” Wara li Pietru obda l-​kmand taʼ Kristu, hu qabad ‘kotra kbira taʼ ħut.’ Mistagħġeb, Pietru “nxteħet f’riġlejn Ġesù u qallu: ‘Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb!’” Imma Ġesù wieġeb: “Tibżax; minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-​nies.” (Luqa 5:1-10; Mattew 4:18) X’nitgħallmu minn dan ir-​rakkont?

6. (a) Ir-​rakkont tal-​qabda mirakoluża tal-​ħut x’juri rigward it-​tip t’ubbidjenza li jitlob Ġesù? (b) Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù?

6 Ġesù ta lil Pietru, lil Indrì, u lil appostli oħra l-​inkarigu li jkunu “sajjieda tal-​bnedmin,” mhux qabel, imma wara li qabdu din il-​kotra kbira taʼ ħut. (Mark 1:16, 17) Biċ-​ċar, Ġesù ma talabx ubbidjenza għamja. Hu ta lill-​irġiel raġuni konvinċenti għala kellhom jobduh. Sewwasew bħalma kellhom riżultati taʼ l-​għaġeb meta obdew il-​kmand taʼ Ġesù biex iniżżlu x-​xbiek tagħhom, hekk ukoll kien se jkollhom barkiet kbar jekk jobdu l-​kmand taʼ Ġesù biex ‘jaqbdu l-​bnedmin.’ B’fidi sħiħa, l-​appostli wieġbu għal dak li qal Ġesù. Ir-​rakkont jikkonkludi: “Imbagħad ressqu d-​dgħajjes maʼ l-​art, telqu kollox u marru warajh.” (Luqa 5:11) Illum, waqt li ninkuraġġixxu lil oħrajn biex jieħdu sehem fix-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli, aħna nkunu qed nimitaw lil Ġesù. Aħna ma rridux sempliċement li n-​nies jagħmlu dak li ngħidulhom, imma nagħtuhom raġunijiet konvinċenti biex jobdu l-​kmand taʼ Ġesù.

Raġunijiet Konvinċenti u Motivi Xierqa

7, 8. (a) X’inhuma xi raġunijiet Skritturali għala nippridkaw dwar is-​Saltna u nagħmlu dixxipli? (b) Liema skrittura timmotivak b’mod speċjali biex tkompli bix-​xogħol taʼ l-​ippridkar? (Ara wkoll in-​nota taʼ taħt.)

7 Minħabba li nagħrfu s-​setgħa taʼ Kristu, aħna nieħdu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna u taʼ li nagħmlu dixxipli. Liema raġunijiet Skritturali oħra dwar l-​għala nagħmlu dan ix-​xogħol nistgħu naqsmu maʼ dawk li nixtiquhom jimxu ’l quddiem għal xogħlijiet mill-​aħjar? Ikkunsidra l-​osservazzjonijiet li ġejjin taʼ diversi Xhieda leali minn pajjiżi differenti, u innota kif l-​iskritturi ċitati jappoġġaw dak li jgħidu.

8 Roy, mgħammed fl-​1951: “Meta ddedikajt ruħi lil Jehovah, wegħedtu li naqdih għal dejjem. Irrid inżomm kelmti.” (Salm 50:14; Mattew 5:37) Heather, mgħammda fl-​1962: “Meta naħseb dwar dak kollu li Jehovah għamel għalija, irrid nurih kemm jien grata billi naqdih lealment.” (Salm 9:2, 10-12 [9:1, 9-11, NW]; Kolossin 3:15) Hannelore, mgħammda fl-​1954: “Kull darba li nkunu fil-​ministeru, aħna appoġġati mill-​anġli—xi privileġġ!” (Atti 10:30-33; Apokalissi 14:6, 7) Honor, mgħammda fl-​1969: “Meta jasal il-​waqt għall-​ġudizzju taʼ Jehovah, ma rrid lil ħadd fl-​inħawi taʼ fejn noqgħod jakkuża lil Jehovah u lix-​Xhieda tiegħu bi traskuraġni u jgħid, ‘Jien qatt ma ġejt imwissi!’” (Eżekjel 2:5; 3:17-19; Rumani 10:16, 18) Claudio, mgħammed fl-​1974: “Meta nkunu qed nippridkaw, aħna nkunu ‘quddiem Alla’ u ‘fi sħubija maʼ Kristu.’ Immaġina ftit! Waqt li nkunu fil-​ministeru, aħna ngawdu s-​sħubija taʼ l-​aqwa Ħbieb tagħna.”—2 Korintin 2:17, NW. *

9. (a) Ir-​rakkont dwar l-​esperjenza tas-​sajd taʼ Pietru u appostli oħrajn x’jirrivela dwar il-​motiv xieraq biex nobdu lil Kristu? (b) X’inhu l-​motiv xieraq biex nobdu lil Alla u lil Kristu llum, u għala?

9 Ir-​rakkont dwar il-​qabda ħut taʼ l-​għaġeb juri wkoll l-​importanza taʼ li jkollna l-​motiv xieraq biex nobdu lil Kristu—l-​imħabba. Meta Pietru qal, “Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb,” Ġesù ma tbigħedx, u lanqas ma kkundanna lil Pietru minħabba xi dnub. (Luqa 5:8) Ġesù lanqas biss ikkritika lil Pietru talli talbu jitlaq. Minflok, Ġesù b’qalb tajba wieġbu: “Tibżax.” Biżaʼ mhux xieraq kien ikun motiv ħażin biex jobdi lil Kristu. Minflok, Ġesù qal lil Pietru li hu u sħabu kienu se jkunu t’użu bħala sajjieda tal-​bnedmin. Illum, aħna bl-​istess mod ma nużawx il-​biżaʼ jew emozzjonijiet negattivi simili, bħalma huma s-​sens taʼ ħtija u mistħija, biex nisforzaw lill-​oħrajn jobdu lil Kristu. Ubbidjenza b’qalb sħiħa u bbażata fuq l-​imħabba għal Alla u għal Kristu biss tferraħ qalb Jehovah.—Mattew 22:37.

“Agħmlu Dixxipli mill-​Ġnus Kollha”

10. (a) Liema dettall dwar il-​kmand taʼ Ġesù biex jagħmlu dixxipli ħoloq sfida kbira għad-​dixxipli tiegħu? (b) Id-​dixxipli kif wieġbu għall-​kmand taʼ Ġesù?

10 It-​tieni mistoqsija li qamet f’konnessjoni mal-​kmand taʼ Kristu hi, Fejn għandu jsir dan ix-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli? Ġesù qal lis-​segwaċi tiegħu: “Agħmlu dixxipli mill-​ġnus kollha.” Qabel iż-​żmien tal-​ministeru taʼ Ġesù, nies mill-​ġnus kienu jiġu milqugħin meta kienu jmorru Iżrael biex jaqdu lil Jehovah. (1 Slaten 8:41-43) Ġesù nnifsu ppriedka l-​iktar lil Lhud naturali, imma issa qal lis-​segwaċi tiegħu biex imorru għand nies mill-​ġnus kollha. Fir-​realtà, il-​postijiet għas-​sajd, jew it-​territorju għall-​ippridkar, tad-​dixxipli tiegħu kienu limitati għal “għadira” żgħira—il-​Lhud naturali—imma f’qasir żmien dan kien se jinkludi l-​“baħar” kollu kemm hu taʼ l-​umanità. Għalkemm din il-​bidla ħolqot sfida għad-​dixxipli, huma obdew minnufih l-​istruzzjoni taʼ Ġesù. Inqas minn 30 sena wara l-​mewt taʼ Ġesù, l-​appostlu Pawlu setaʼ jikteb li l-​aħbar tajba kienet ġiet pridkata mhux biss lil-​Lhud imma “lill-​ħlejjaq kollha taħt is-​smewwiet.”—Kolossin 1:23.

11. Liema tkabbir fil-​‘postijiet għas-​sajd’ seħħ mill-​bidu tas-​seklu 20 ’l hawn?

11 Fi żminijiet iktar reċenti, deher tkabbir simili fit-​territorju taʼ l-​ippridkar. Fil-​bidu tas-​seklu20, il-​‘postijiet għas-​sajd’ kienu limitati għal ftit pajjiżi. Madankollu, is-​segwaċi taʼ Kristu lura f’dak il-​perijodu imitaw l-​eżempju tal-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu u b’ħeġġa kabbru t-​territorju taʼ fejn kienu jippridkaw. (Rumani 15:20) Sal-​bidu tas-​snin 30, kienu qed jagħmlu dixxipli f’madwar mitt pajjiż. Illum, il-​‘postijiet għas-​sajd’ tagħna issa jinsabu f’235 pajjiż.—Mark 13:10.

“Mill-​Ilsna Kollha tal-​Ġnus”

12. Liema sfida tenfasizza l-​profezija li tinsab f’​Żakkarija 8:23?

12 Huwa taʼ sfida li nagħmlu dixxipli mill-​ġnus kollha, mhux biss ġeografikament imma wkoll minħabba l-​lingwi differenti li jeżistu. Permezz tal-​profeta Żakkarija, Jehovah bassar: “F’dawk il-​jiem għaxart irġiel mill-​ilsna kollha tal-​ġnus jaqbdu Lhudi u jżommuh minn tarf il-​libsa tiegħu, u jgħidulu: ‘Ħa niġu magħkom, għaliex smajna li Alla magħkom!’” (Żakkarija 8:23, korsiv tagħna.) Fit-​twettiq akbar taʼ din il-​profezija, il-​“Lhudi” jirrappreżenta l-​fdal tal-​Kristjani midlukin, filwaqt li l-​“għaxart irġiel” jirrappreżentaw il-​“kotra kbira.” * (Apokalissi 7:9, 10; Galatin 6:16) Din il-​kotra kbira taʼ dixxipli taʼ Kristu kellhom jinstabu f’ħafna pajjiżi, u bħalma nnota Żakkarija, huma kienu se jkunu jitkellmu b’diversi lingwi. Turi l-​istorja moderna tal-​poplu t’Alla dan l-​aspett taʼ li nagħmlu dixxipli? It-​tweġiba hija ‘Iva.’

13. (a) Liema żvilupp rigward il-​lingwi seħħ fost il-​poplu t’Alla llum? (b) Il-​klassi taʼ l-​ilsir leali kif wieġbet għall-​bżonn li dejjem jikber taʼ ikel spiritwali f’lingwi differenti? (Inkludi l-​kaxxa “Pubblikazzjonijiet għal Dawk b’Nuqqas taʼ Dawl.”)

13 Fl-​1950, il-​lingwa taʼ madwar 3 minn kull 5 Xhieda taʼ Jehovah madwar id-​dinja kienet l-​Ingliż. Sa l-​1980, din ir-​rata nbidlet għal madwar 2 minn kull 5, u llum il-​lingwa taʼ madwar 1 minn kull 5 Xhieda biss hija l-​Ingliż. Il-​klassi taʼ l-​ilsir leali u diskret kif wieġbet għal din il-​bidla lingwistika? Billi pprovdiet ikel b’iktar u iktar lingwi. (Mattew 24:45, NW) Per eżempju, fl-​1950 il-​letteratura tagħna kienet pubblikata f’90 lingwa, imma llum dan in-​numru telaʼ għal madwar 400. Kellha riżultati din iż-​żjieda fl-​interess lejn in-​nies taʼ lingwi differenti? Iva! Medja taʼ xi 5,000 persuna ‘minn kull ilsien’ isiru dixxipli taʼ Kristu kull ġimgħa tas-​sena! (Apokalissi 7:9) U ż-​żjieda għadha għaddejja. F’xi pajjiżi “x-​xbiek” qed jaqbdu ħafna ħut!—Luqa 5:6; Ġwanni 21:6.

Ministeru Premjanti —Tistaʼ Tieħu Sehem Fih?

14. Kif nistgħu ngħinu lil dawk fit-​territorju tagħna li jitkellmu lingwa barranija? (Inkludi l-​kaxxa “L-​Użu tal-​Lingwa tas-​Sinjali biex Nagħmlu Dixxipli.”)

14 F’ħafna pajjiżi tal-​punent, il-​wasla taʼ l-​immigranti ġabet l-​isfida taʼ li nagħmlu dixxipli min-​nies taʼ ‘kull ilsien’ f’pajjiżna stess. (Apokalissi 14:6) Kif nistgħu ngħinu lil dawk fit-​territorju tagħna li jitkellmu lingwa differenti minn tagħna? (1 Timotju 2:4) Nistgħu nużaw l-​apparat għas-​sajd xieraq, biex ngħidu hekk. Offri lil dawn l-​individwi letteratura bil-​lingwa tagħhom. Jekk inhu possibbli, irranġa biex Xhud li jitkellem il-​lingwa tagħhom imur iżurhom. (Atti 22:2) Issa sar iktar faċli biex isiru dawn l-​arranġamenti, ladarba ħafna Xhieda tgħallmu jitkellmu lingwa oħra sabiex jgħinu lill-​barranin isiru dixxipli taʼ Kristu. Rapporti juru li jekk tgħin b’dan il-​mod tgawdi esperjenza premjanti.

15, 16. (a) Liema eżempji juru illi huwa premjanti li tgħin lil dawk li jitkellmu lingwa barranija? (b) Liema mistoqsijiet rigward is-​servizz fil-​qasam tal-​lingwa barranija nistgħu nikkunsidraw?

15 Ikkunsidra żewġ eżempji mill-​Olanda, fejn l-​ippridkar tas-​Saltna qed jiġi organizzat f’34 lingwa. Koppja li huma Xhieda offrew minn jeddhom biex imorru jagħmlu dixxipli fost immigranti li jitkellmu l-​Pollakk. Ir-​reazzjoni għall-​isforzi tagħhom tant kienet kbira li r-​raġel ħass li kellu jnaqqas mix-​xogħol sekulari sabiex ikollu ġurnata oħra fil-​ġimgħa disponibbli biex jistudja maʼ dawk li kienu qed juru interess. Wara ftit taż-​żmien, it-​tnejn li huma kienu qed jikkonduċu iktar minn 20 studju tal-​Bibbja kull ġimgħa. Huma qalu: “Il-​ministeru tagħna jagħmilna ferħanin ħafna.” Dawk li jagħmlu dixxipli jħossuhom ferħanin speċjalment meta dawk li jisimgħu l-​veritajiet tal-​Bibbja bil-​lingwa tagħhom stess jiġu mqanqlin jesprimu l-​apprezzament tagħhom. Per eżempju, waqt laqgħa li nżammet bil-​Vjetnamiż, raġel imdaħħal fiż-​żmien qam bil-​wieqfa u talab permess biex jitkellem. Bid-​dmugħ f’għajnejh, hu qal lix-​Xhieda: “Grazzi taʼ l-​isforzi li qed tagħmlu biex titgħallmu l-​lingwa diffiċli tiegħi. Jien grat ħafna li fi xjuħiti qed nitgħallem tant affarijiet meraviljużi mill-​Bibbja.”

16 Għalhekk, mhix taʼ sorpriża li dawk li jaqdu f’kongregazzjonijiet taʼ lingwa barranija jħossuhom ippremjati bil-​kbir. Koppja mill-​Ingilterra qalet: “Il-​ministeru fil-​qasam tal-​lingwa barranija huwa wieħed mill-​iktar eċċitanti li esperjenzajna waqt l-​40 sena tagħna fis-​servizz tas-​Saltna.” Tistaʼ forsi tirranġa ċ-​ċirkustanzi tiegħek sabiex tieħu sehem f’dan il-​ministeru tant stimulanti? Jekk għadek tattendi l-​iskola, tistaʼ tistudja lingwa barranija bħala preparazzjoni għal dan it-​tip taʼ ministeru? Il-​fatt li tagħmel dan jistaʼ jiftaħlek it-​triq għal ħajja sodisfaċenti mimlija barkiet. (Proverbji 10:22) Għala ma tiddiskutix dan mal-​ġenituri tiegħek?

Invarjaw il-​Metodi Tagħna

17. Kif nistgħu forsi nilħqu iktar nies fit-​territorju tal-​kongregazzjoni tagħna stess?

17 Aħna nifhmu li minħabba ċ-​ċirkustanzi, il-​maġġuranza minna ma nistgħux nitfgħu “x-​xbiek” tagħna fit-​territorji taʼ lingwa barranija. Madankollu, forsi nistgħu nilħqu iktar nies milli qed nilħqu issa fit-​territorju tal-​kongregazzjoni tagħna stess. Kif? Billi invarjaw, mhux il-​messaġġ tagħna, imma l-​metodi tagħna. F’ħafna postijiet hemm numru li dejjem qed jiżdied taʼ wħud li jgħixu f’bini b’sigurtà kbira. Ħafna oħrajn ma jkunux id-​dar meta nżuruhom waqt il-​ministeru tagħna minn dar għal dar. Għalhekk forsi hemm bżonn li nitfgħu “x-​xbiek” tagħna f’ħinijiet differenti u f’postijiet differenti. B’hekk inkunu qed nimitaw lil Ġesù. Hu sab modi kif jitkellem man-​nies f’diversi sitwazzjonijiet.—Mattew 9:9; Luqa 19:1-10; Ġwanni 4:6-15.

18. L-​ippridkar f’sitwazzjonijiet differenti kif wera li hu effettiv? (Inkludi l-​kaxxa “Nagħmlu Dixxipli min-​Nies tan-​Negozju.”)

18 F’xi partijiet tad-​dinja, l-​ippridkar kulfejn hemm in-​nies huwa metodu importanti biex nagħmlu dixxipli. Uħud esperjenzati f’li jagħmlu dixxipli qed jagħtu iktar attenzjoni għall-​ippridkar f’postijiet differenti. Minbarra li jieħdu sehem fil-​ministeru minn dar għal dar, xi pubblikaturi issa qed jippridkaw fl-​ajruporti, fl-​uffiċċji, fil-​ħwienet, f’postijiet fejn jipparkjaw il-​karozzi, fejn in-​nies jistennew il-​karozzi tal-​linja, fit-​toroq, fil-​ġonna, fejn il-​baħar, u f’postijiet oħra. Numru mhux ħażin taʼ Xhieda li m’ilhomx li tgħammdu fil-​Ħawajj ġew kuntattjati għall-​ewwel darba f’postijiet bħal dawn. Li invarjaw il-​metodi tagħna jgħinna nwettqu bis-​sħiħ il-​kmand taʼ Ġesù biex nagħmlu dixxipli.—1 Korintin 9:22, 23.

19. Liema aspetti tal-​kmand li tana Ġesù se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

19 L-​inkarigu taʼ Ġesù biex nagħmlu dixxipli inkluda dettalji mhux biss dwar għala u fejn għandna nagħmlu dan ix-​xogħol, imma wkoll dwar xiex nippridkaw u sa meta għandna nkomplu nwettquh. Dawn iż-​żewġ aspetti tal-​kmand li tana Ġesù se jiġu kunsidrati fl-​artiklu li jmiss.

[Noti taʼ taħt]

^ par. 2 Se nikkunsidraw l-​ewwel żewġ mistoqsijiet f’dan l-​artiklu. L-​aħħar żewġ mistoqsijiet se jiġu kunsidrati fl-​artiklu li jmiss.

^ par. 12 Għal iktar informazzjoni dwar it-​twettiq taʼ din il-​profezija, ara t-​Torri taʼ l-​Għassa tal-​15 taʼ Mejju, 2001, paġna 12, u l-​Profezija taʼ Isaija—Dawl għall-​Bnedmin Kollha, it-​Tieni Volum, paġna 408, pubblikati mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

Tiftakar Int?

• Għal liema raġunijiet u b’liema motiv nieħdu sehem fl-​ippridkar tas-​Saltna u li nagħmlu dixxipli?

• Il-​qaddejja taʼ Jehovah illum sa liema punt wettqu l-​inkarigu taʼ Ġesù biex jagħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha?

• Kif nistgħu invarjaw ‘il-​metodu tas-​sajd’ tagħna, u għala għandna nagħmlu dan?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Kaxxa/Stampi f’paġna 10]

Pubblikazzjonijiet għal Dawk b’Nuqqas taʼ Dawl

Albert huwa anzjan Kristjan u ministru full-time li jgħix fl-​Istati Uniti. Hu nieqes mid-​dawl. Il-​letteratura Biblika bil-​Braille tgħinu jkun iktar effettiv fil-​ministeru tiegħu, kif ukoll biex iwettaq l-​attivitajiet tiegħu bħala indokratur tas-​servizz. Kif qed ikampa maʼ l-​inkarigu tiegħu fil-kongregazzjoni?

“Aħna qatt ma kellna indokratur tas-​servizz effettiv daqs Albert fil-​kongregazzjoni tagħna,” jgħid James, l-​indokratur li jippresiedi. Albert hu wieħed minn madwar 5,000 persuna neqsin mid-​dawl fl-​Istati Uniti li, matul is-​snin, irċivew pubblikazzjonijiet ibbażati mill-​Bibbja bil-​Braille Ingliż u Spanjol. Fil-​fatt, mill-​1912 ’il quddiem, il-​klassi taʼ l-​ilsir leali pprovdiet iktar minn mitt pubblikazzjoni differenti bil-​Braille. Permezz taʼ metodi avanzati, fil-​preżent l-​istamperiji tax-​Xhieda taʼ Jehovah jipproduċu miljuni taʼ paġni bil-​Braille kull sena f’iktar minn għaxar lingwi u jqassmuhom f’iktar minn 70 pajjiż. Taf lil xi ħadd li jistaʼ jibbenefika mill-​pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja għal dawk b’nuqqas taʼ dawl?

[Kaxxa/Stampa f’paġna 11]

L-​Użu tal-​Lingwa tas-​Sinjali biex Nagħmlu Dixxipli

Eluf taʼ Xhieda madwar id-​dinja, inkluż ħafna żgħażagħ żelużi, tgħallmu l-​lingwa tas-​sinjali biex jgħinu lil dawk neqsin mis-​smigħ isiru dixxipli taʼ Kristu. Bħala riżultat, fil-​Brażil biss, 63 individwu neqsin mis-​smigħ tgħammdu f’sena reċenti u 35 Xhud neqsin mis-​smigħ f’dan il-​post jaqdu bħala evanġelizzaturi full-time. Madwar id-​dinja, hemm iktar minn 1,200 kongregazzjoni u grupp tal-​lingwa tas-​sinjali. L-​uniku circuit fir-​Russja tal-​lingwa tas-​sinjali huwa, b’mod ġeografiku, l-​akbar circuit fid-​dinja, għax ikopri r-​Russja kollha!

[Kaxxa f’paġna 12]

Nagħmlu Dixxipli min-​Nies tan-​Negozju

Waqt li kienet qed iżżur lin-​nies tan-​negozju fl-​uffiċċji fejn jaħdmu, Xhud fil-​Ħawajj iltaqgħet maʼ direttur taʼ kumpanija tat-​trasport. Għalkemm kellu ħafna x’jagħmel, ir-​raġel aċċetta li jistudja l-​Bibbja għal 30 minuta kull ġimgħa fl-​uffiċċju tiegħu. Kull nhar t’Erbgħa fil-​għodu, hu jgħid lill-​ħaddiema tiegħu biex ma jtellfuhx bit-​telefonati ħalli b’hekk jikkonċentra għalkollox fuq l-​istudju. Xhud oħra fil-​Ħawajj tistudja l-​Bibbja darba f’ġimgħa maʼ sid taʼ ħanut fejn isewwu ż-​żraben. L-​istudju jinżamm hemmhekk fuq il-​bank tal-​ħanut. Meta jidħol xi klijent, ix-​Xhud tersaq fil-​ġenb. Meta l-​klijent jitlaq, huma jkomplu bl-​istudju.

Kemm id-​direttur u kemm is-​sid tal-​ħanut ġew kuntattjati għaliex ix-​Xhieda ħadu l-​inizjattiva biex jitfgħu “x-​xbiek” tagħhom f’postijiet differenti. Tistaʼ taħseb f’postijiet fit-​territorju tal-​kongregazzjoni tiegħek fejn tistaʼ tikkuntattja nies li huwa diffiċli biex issibhom id-​dar?

[Stampa f’paġna 12]

Tistaʼ taqdi f’qasam taʼ lingwa barranija?