Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Id-Digriet tal-Mulej” Ma Jistax Ifalli

“Id-Digriet tal-Mulej” Ma Jistax Ifalli

“Id-​Digriet tal-​Mulej” Ma Jistax Ifalli

“Irrid inxandar id-​digriet tal-​Mulej; hu qalli: ‘Ibni int. . . . Itlobni, u l-​ġnus nagħtik b’wirtek, u truf l-​art bi priża tiegħek.’”—SALM 2:7, 8.

1. Liema kuntrast hemm bejn l-​iskop t’Alla u dak tal-​ġnus?

 ALLA JEHOVAH għandu skop għall-​bnedmin u għall-​art. Il-​ġnus ukoll għandhom skop. Imma kemm huma differenti minn xulxin dawn l-​iskopijiet! Dan għandna nistennewh għaliex Alla jgħid: “Daqs kemm huma ogħla s-​smewwiet mill-​art, daqshekk ieħor huma triqati ’l fuq minn triqatkom, u l-​fehmiet tiegħi mill-​fehmiet tagħkom.” L-​iskop t’Alla żgur se jseħħ għaliex hu jkompli jgħid: “Bħalma x-​xita u s-​silġ jinżlu mis-​smewwiet, u ma jerġgħux lura mnejn ġew bla ma jsaqqu l-​art, imma jġegħluha tnissel u tnibbet, u tagħti ż-​żerriegħa ’l min jiżraʼ u l-​ħobż ’il min jiekol, hekk jiġri minn kelmti: hija toħroġ minn fommi, u ma terġax lura vojta, imma tagħmel dak li jogħġob lili, u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel.”—Isaija 55:9-11.

2, 3. X’jidher ċar mit-​tieni salm, imma liema mistoqsijiet iqumu?

2 It-​tieni salm juri ċar li l-​iskop t’Alla dwar is-​Sultan Messjaniku tiegħu se jseħħ. Il-​wieħed li kkomponieh, is-​Sultan David taʼ Iżrael, kien ispirat b’mod divin biex ibassar li se jkun hemm żmien sinifikanti meta l-​ġnus se jkunu f’rewwixta. Il-​ħakkiema tagħhom se jieħdu waqfa kontra Alla Jehovah u l-​Midluk tiegħu. Madankollu, is-​salmista kanta wkoll: “Irrid inxandar id-​digriet tal-​Mulej; hu qalli: ‘Ibni int, jien illum nissiltek. Itlobni, u l-​ġnus nagħtik b’wirtek, u truf l-​art bi priża tiegħek.’ ”—Salm 2:7, 8.

3 Xi jfisser “id-​digriet tal-​Mulej” għall-​ġnus? Kif jeffettwa lill-​bnedmin in ġenerali? Tabilħaqq, xi jfissru dawn l-​iżviluppi għal dawk kollha li jaqraw it-​tieni salm u li jibżgħu minn Alla?

Il-​Ġnus Jagħmlu Rewwixta

4. Kif tistaʼ tiġbor fil-​qosor il-​punti prinċipali taʼ Salm 2:1, 2?

4 Waqt li jirreferi għall-​għemejjel tal-​ġnus u l-​ħakkiema tagħhom, is-​salmista jibda l-​kompożizzjoni tiegħu billi jgħid: “Għaliex jixxewwxu l-​ġnus, u l-​popli jreddnu għal xejn? Is-​slaten taʼ l-​art iqumu, u l-​kbarat jiftiehmu bejniethom kontra l-​Mulej u l-​Midluk tiegħu.”—Salm 2:1, 2. *

5, 6. Il-​popli dwar xiex komplew “ireddnu għal xejn”?

5 Dwar xiex ’komplew “ireddnu għal xejn” il-​popli taʼ llum? Minflok ma aċċettaw il-​Midluk t’Alla—il-​Messija, jew Kristu—il-​ġnus komplew “ireddnu,” jew jimmeditaw, fuq kif se jippreservaw l-​awtorità tagħhom stess. Dan il-​kliem tat-​tieni salm kellu wkoll twettiq fl-​ewwel seklu E.K. meta l-​awtoritajiet Lhud u Rumani ħadmu id f’id biex joqtlu s-​Sultan-Nominat t’Alla, Ġesù Kristu. Madankollu, l-​akbar twettiq beda fl-​1914 meta Ġesù tqiegħed bħala Sultan fis-​sema. Minn dakinhar ’l hawn, ebda organizzazzjoni politika fuq l-​art ma aċċettat is-​Sultan maħtur t’Alla.

6 X’ried ifisser is-​salmista meta staqsa ‘għala l-​popli jreddnu għal xejn’? Huwa l-​iskop tagħhom li hu għalxejn; hu fieragħ u kundannat biex ifalli. Ma jistgħux iġibu paċi u għaqda fuq dan il-​globu. Madankollu, jibqgħu għaddejjin bl-​għemejjel tagħhom tant li jaslu biex jopponu l-​ħakma divina. Fil-​fatt, ilkoll flimkien ħadu pożizzjoni ostili u nġemgħu kontra l-​Iktar Għoli u l-​Midluk tiegħu. Xi bluha!

Is-​Sultan Rebbieħ taʼ Jehovah

7. Is-​segwaċi tal-​bidu taʼ Ġesù kif applikaw Salm 2:1, 2 meta kienu qed jitolbu?

7 Is-​segwaċi taʼ Ġesù applikaw il-​kliem taʼ Salm 2:1, 2 għalih. Meta kienu qed jiġu persegwitati minħabba l-​fidi tagħhom, talbu: “O Sid [Jehovah], int li għamilt is-​sema, l-​art, il-​baħar, u kull ma fihom; int li nebbaħt bl-​Ispirtu s-​Santu lil David missierna, qaddej tiegħek, u b’fommu għedt, ‘Għaliex ixxewwxu l-​ġnus u l-​popli ngħaqdu konfoffa waħda għalxejn? Qamu s-​slaten taʼ l-​art, u l-​kbarat inġemgħu flimkien kontra l-​Mulej u l-​Messija tiegħu.’ Għax, tabilħaqq, f’din il-​belt Erodi [Antipa] u Ponzju Pilatu ngħaqdu flimkien mal-​pagani u n-​nies taʼ Iżrael kontra l-​qaddej qaddis tiegħek Ġesù, li int ikkonsagrajt.” (Atti 4:24-27; Luqa 23:1-12) * Iva, fl-​ewwel seklu kien hemm konfoffa kontra Ġesù, il-​qaddej midluk t’Alla. Madankollu, dan is-​salm kien se jkollu twettiq ieħor sekli wara.

8. Salm 2:3 kif japplika għall-​ġnus taʼ llum?

8 Meta Iżrael tal-​qedem kellu sultan fuq l-​art, bħal David, il-​ġnus u l-​ħakkiema pagani ngħaqdu flimkien kontra Alla u s-​sultan midluk tiegħu. Imma xi ngħidu għal żmienna? Il-​ġnus taʼ llum ma jridux jimxu mal-​ħtiġijiet taʼ Jehovah u tal-​Messija. Għalhekk, huma jiġu rappreżentati bħala li qed jgħidu: “Ħa nkissru l-​ktajjen tagħhom, u ntajjru minn fuqna l-​irbit tagħhom!” (Salm 2:3) Il-​ħakkiema u l-​ġnus kienu se jopponu kull restrizzjoni li jagħmlu Alla u l-​Midluk tiegħu. M’għandniex xi ngħidu, kull sforz li jagħmlu biex ikissru dawn il-​ktajjen u jtajru l-​irbit minn fuqhom se jkun għalxejn.

Jehovah Jiħodhom biċ-​Ċajt

9, 10. Jehovah għala jiħodhom biċ-​ċajt lill-​ġnus?

9 Jehovah ma jiġi effettwat mill-​ebda sforz li jagħmlu l-​ħakkiema tal-​ġnus biex jistabbilixxu s-​sovranità tagħhom stess. It-​tieni salm ikompli: “Dak li hu fis-​smewwiet jidħak bihom, il-​Mulej biċ-​ċajt jeħodhom.” (Salm 2:4) Alla jibqaʼ għaddej bl-​iskop tiegħu daqslikieku dawn il-​ħakkiema m’huma xejn. Hu jidħaq bit-​tustaġni tagħhom u jiħodhom biċ-​ċajt. Ħallihom jiftaħru b’dak li jridu jagħmlu. Għal Jehovah huma xi ħaġa tad-​daħq. Hu jidħaq bl-​oppożizzjoni fiergħa tagħhom.

10 Drabi oħra fis-​salmi tiegħu, David jirreferi għall-​ġnus u għall-​bnedmin li huma għedewwa u jkanta: “Imma int, Mulej taʼ l-​eżerċti, Alla taʼ Iżrael, stenbaħ biex tħallas il-​ġnus kollha; la tħennx għal min jagħmel il-​ħażin bil-​qerq. Jersqu kull filgħaxija, jinbħu bħal klieb, jiġġerrew ’l hawn u ’l hemm mal-​belt. Arahom, kliemhom ibaqbaq fuq fommhom, kliem li jniggeż fuq xufftejhom. ‘Min se jismagħna?’ huma jgħidu. Imma int, Mulej, tidħak bihom, il-​ġnus kollha biċ-​ċajt teħodhom.” (Salm 59:6a-8 [59:5-8, NW]) Jehovah jidħaq bil-​ftaħir u l-​konfużjoni tal-​ġnus hekk kif fil-​bluha tagħhom ikomplu jiħduha kontra tiegħu.

11. X’jiġri meta l-​ġnus jipprovaw jaħdmu kontra l-​iskop t’Alla?

11 Il-​kliem taʼ Salm 2 isaħħilna l-​fidi tagħna li Alla jistaʼ jsolvi kwalunkwe problema. Nistgħu nkunu konvinti li hu dejjem iwettaq ir-​rieda tiegħu u qatt ma jabbanduna lill-​qaddejja leali tiegħu. (Salm 94:14) Imma allura, x’jiġri meta l-​ġnus jagħmlu sforz biex jaħdmu kontra l-​iskop taʼ Jehovah? Skond dan is-​salm, Alla “mbagħad ikellimhom bil-​herra,” bħallikieku bil-​ħoss qawwi taʼ ragħad iriegħed. Iktar minn hekk, “bil-​qilla tiegħu,” bħal sajjetta qawwija, se “jkexkixhom.”—Salm 2:5.

Is-​Sultan t’Alla Jitqiegħed f’Postu

12. Għal liema ħatra taʼ sultan japplika Salm 2:6 ?

12 Dak li Jehovah ikompli jgħid permezz tas-​salmista żgur li jirrabja lill-​ġnus. Alla jiddikjara: “Għax jien għamiltu s-​sultan tiegħi, fuq Sijon, l-​għolja mqaddsa tiegħi!” (Salm 2:6) Il-​Muntanja Sijon kienet għolja f’Ġerusalemm, fejn David inħatar bħala sultan fuq Iżrael kollu. Imma s-​Sultan mhux se jpoġġi fuq tron f’dik il-​belt jew f’xi post ieħor fuq l-​art. Fil-​fatt, Jehovah diġà ħatar lil Ġesù Kristu bħala s-​Sultan Messjaniku magħżul tiegħu fuq il-​Muntanja Sijon tas-​sema.—Apokalissi 14:1.

13. Jehovah liema patt għamel maʼ Ibnu?

13 Issa jitkellem is-​Sultan Messjaniku. Hu jgħid: “Irrid inxandar id-​digriet tal-​Mulej [li għamel patt għal Saltna maʼ Ibnu]; hu [Alla Jehovah] qalli: ‘Ibni int, jien illum nissiltek.’” (Salm 2:7) Kristu rrefera għall-​patt tas-​Saltna meta qal lill-​appostli tiegħu: “Intom, mbagħad, intom dawk li żammejtu sħiħ miegħi fit-​tiġrib kollu li ġie fuqi; u bħalma Missieri ħejja saltna għalija [“għamel patt miegħi,” NW], hekk ukoll jiena nħejji għalikom.”—Luqa 22:28, 29.

14. Għala nistgħu ngħidu li Ġesù bla dubju għandu d-​dritt li jkun sultan?

14 Bħalma hu mbassar f’Salm 2:7, Jehovah irrikonoxxa lil Ġesù bħala Ibnu fil-​magħmudija tiegħu u billi rxoxtah għall-​ħajja bħala spirtu. (Mark 1:9-11; Rumani 1:4; Lhud 1:5; 5:5) Iva, is-​Sultan tas-​Saltna tas-​sema hu l-​Iben uniġenitu t’Alla. (Ġwanni 3:16) Bħala d-​dixxendent irjali tas-​Sultan David, Ġesù bla dubju għandu d-​dritt li jkun sultan. (2 Samwel 7:4-17; Mattew 1:6, 16) Skond dan is-​salm, Alla jgħid lil Ibnu: “Itlobni, u l-​ġnus nagħtik b’wirtek, u truf l-​art bi priża tiegħek.”—Salm 2:8.

15. Ġesù għala jitlob il-​ġnus b’wirt?

15 Is-​Sultan—l-​Iben t’Alla nnifsu—għandu l-​iktar pożizzjoni għolja wara Jehovah. Għal Jehovah, Ġesù hu l-​wieħed li għadda mill-​prova, il-​wieħed leali li hu taʼ min joqgħod fuqu. Iktar minn hekk, Ġesù għandu l-​wirt bħala l-​Ewwel Imwieled t’Alla. Tabilħaqq, Ġesù Kristu hu “x-​xbieha taʼ Alla li ma jidhirx, il-​kbir fost il-​ħlejjaq kollha.” (Kolossin 1:15) Kulma jrid jagħmel hu li jistaqsi u Alla jagħtih ‘il-​ġnus b’wirt u truf l-​art bi priża.’ Ġesù jitlob dan bħala wieħed li ‘jitgħaxxaq b’ulied il-​bnedmin’ u għaliex għandu xewqa kbira li jwettaq ir-​rieda taʼ Missieru għall-​art u għall-​bnedmin.—Proverbji 8:30, 31.

Id-​Digriet taʼ Jehovah Kontra l-​Ġnus

16, 17. Skond Salm 2:9, x’hemm lest għall-​ġnus?

16 Peress li t-​tieni salm qed jitwettaq bħalissa, matul il-​preżenza inviżibbli taʼ Ġesù Kristu, x’hemm lest għall-​ġnus? Is-​Sultan dalwaqt se jwettaq id-​dikjarazzjoni t’Alla: “B’virga [“xettru,” Saydon] tal-​ħadid int tkissirhom [lill-ġnus], bħal ġarra tal-​fuħħar frak tagħmilhom.”—Salm 2:9.

17 Ix-​xettri tas-​slaten taʼ l-​antik kienu simbolu t’awtorità rjali. Xi xettri kienu tal-​ħadid, bħal dak li jissemma f’dan is-​salm. Il-​lingwa figurattiva li tintuża hawn tindika l-​faċilità li biha Kristu s-​Sultan se jeqred lill-​ġnus. Daqqa qawwija b’xettru tal-​ħadid żgur li tkissirha ġarra tal-​fuħħar, b’tali mod li tfarrakha għalkollox.

18, 19. Xi jridu jagħmlu s-​slaten taʼ l-​art biex jiksbu l-​approvazzjoni t’Alla?

18 Il-​ħakkiema tal-​ġnus bilfors iridu jaraw qerda sħiħa bħal din? Le, għaliex is-​salmista jagħmlilhom appell b’dan il-​kliem: “Issa, slaten, ifhmu sewwa; twiddbu, intom li taħkmu l-​art.” (Salm 2:10) Hawnhekk is-​slaten huma mitluba biex jagħtu kas, jifhmu x’inhu jiġri. Huma għandhom jikkunsidraw kemm huma vojta l-​pjanijiet tagħhom, b’kuntrast maʼ dak li se tagħmel is-​Saltna t’Alla għall-​ġid tal-​bnedmin.

19 Is-​slaten taʼ l-​art iridu jbiddlu triqathom biex jiksbu l-​approvazzjoni t’Alla. Huma jingħataw it-​twissija biex ‘jaqdu lill-​Mulej bil-​biżaʼ u bir-​rogħda.’ (Salm 2:11) X’jiġri kieku kellhom jagħmlu dan? Minflok ma jkunu f’konfużjoni, jew fi stat taʼ taħwid mentali, ikunu jistgħu jifirħu bil-​prospetti li s-​Sultan Messjaniku jqiegħed quddiemhom. Ikun neċessarju li l-​ħakkiema taʼ l-​art jabbandunaw il-​kburija u l-​arroganza li juru fil-​ħakma tagħhom. Iktar minn hekk, iridu jinbidlu malajr u jifhmu li s-​superjorità tas-​sovranità taʼ Jehovah ma tistaʼ titqabbel maʼ xejn u li ma jistgħux jirreżistu l-​qawwa t’Alla u tas-​Sultan Messjaniku tiegħu.

“Busu lill-​Iben”

20, 21. Xi jfisser li ‘jbusu lill-​Iben’?

20 Salm 2 issa jagħmel stedina kollha ħniena lill-​ħakkiema tal-​ġnus. Minflok ma jinġemgħu flimkien kontra Jehovah, huma jingħataw il-​parir: “[“Busu lill-​Iben,” ], li ma jagħdabx [Alla Jehovah] u intom tinqerdu, għax malajr tixgħel il-​qilla tiegħu.” (Salm 2:12a) Il-​Mulej Sovran Jehovah għandu jingħata widen meta joħroġ digriet. Meta Alla qiegħed lill-​Ibnu fuq it-​tron, il-​ħakkiema taʼ l-​art kellhom jieqfu “jreddnu għal xejn.” Huma kellhom jagħrfu lis-​Sultan mill-​ewwel u jobduh għalkollox.

21 Għala għandhom ‘ibusu lill-​Iben’? Meta nkiteb dan is-​salm, il-​bews kien espressjoni taʼ ħbiberija u kien jintuża biex wieħed jilqaʼ l-​mistidnin f’daru, fejn setgħu jgawdu l-​ospitalità tiegħu. Il-​bews jistaʼ wkoll ikun att taʼ fedeltà, jew lealtà. (1 Samwel 10:1) F’dan il-​vers tat-​tieni salm, Alla qed jordna lill-​ġnus biex ibusu, jew jagħtu merħba, lill-​Ibnu bħala s-​Sultan midluk tiegħu.

22. Il-​ħakkiema tal-​ġnus għandhom jagħtu kas taʼ liema twissija?

22 Dawk li jirrifjutaw li jirrikonoxxu l-​awtorità tas-​Sultan magħżul t’Alla, ikunu qed joffendu lil Jehovah. Huma jiċħdu s-​sovranità universali t’Alla Jehovah kif ukoll l-​awtorità u l-​abbiltà li għandu biex jagħżel Sultan li hu l-​aqwa ħakkiem għall-​bnedmin. Il-​ħakkiema tal-​ġnus se jirrealizzaw li l-​qilla t’Alla se tiġi fuqhom f’ħakka t’għajn, meta jkunu qed jipprovaw iwettqu l-​pjanijiet tagħhom stess. “Malajr tixgħel il-​qilla tiegħu,” jew titqanqal malajr u bla ma tkun tistaʼ titwaqqaf. Il-​ħakkiema tal-​ġnus għandhom jaċċettaw din it-​twissija bi gratitudni u jaġixxu fi qbil magħha. Jekk jagħmlu hekk ikun ifisser li jibqgħu ħajjin.

23. Liema ċans għad għandhom xi individwi?

23 Dan is-​salm drammatiku jikkonkludi: “Hienja dawk kollha li jistkennu fih!” (Salm 2:12b) Għad fadal żmien biex min irid isib is-​sigurtà. Dan jgħodd ukoll għal ħakkiema individwali li appoġġaw il-​pjanijiet tal-​ġnus. Huma jistgħu jaħarbu għand Jehovah, li jipprovdi rifuġju taħt il-​ħakma tas-​Saltna. Imma huma jridu jaġixxu qabel ma s-​Saltna Messjanika teqred il-​ġnus li jopponuha.

24. Kif nistgħu ngħixu ħajja iktar sodisfaċenti saħansitra f’din id-​dinja mimlija inkwiet?

24 Jekk aħna nħabirku biex nistudjaw l-​Iskrittura u napplikaw il-​pariri tagħha f’ħajjitna, nistgħu ngħixu ħajja iktar sodisfaċenti saħansitra minn issa f’din id-​dinja mimlija inkwiet. Meta napplikaw il-​pariri taʼ l-​Iskrittura, ikollna relazzjonijiet fil-​familja iktar hienja u neħilsu mill-​ħafna inkwiet u biżaʼ li jgħakkes lid-​dinja. U l-​fatt li nsegwu l-​gwida tal-​Bibbja jagħmilna fiduċjużi li qed nogħġbu lill-​Ħallieq. Ħadd iktar minbarra s-​Sovran Universali ma jistaʼ jagħtina garanzija “tal-​ħajja taʼ issa u taʼ dik li għad trid tiġi” wara li jnaddaf l-​art minn dawk li jopponu t-​tajjeb billi jiċħdu l-​ħakma tas-​Saltna.—1 Timotju 4:8.

25. Ladarba “d-​digriet tal-​Mulej” ma jistax ifalli, x’nistgħu nistennew li se jiġri fi żmienna?

25 “Id-​digriet tal-​Mulej” ma jistax ifalli. Bħala l-​Ħallieq tagħna, Alla jaf x’inhu l-​aħjar għall-​bnedmin u se jwettaq l-​iskop tiegħu biex ibierek lill-​bnedmin ubbidjenti bil-​paċi, il-​kuntentizza, u s-​sigurtà dejjiema taħt il-​ħakma taʼ l-​Iben għażiż tiegħu. Dwar żmienna, il-​profeta Danjel kiteb: “Fi żmien dawn is-​slaten, Alla tas-​sema jqajjem saltna li ma tinqered qatt. . . . Hija tfarrak u ttemm is-​saltniet l-​oħra kollha, waqt li hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.” (Danjel 2:44) Mela żgur li issa hu żmien vitali li ‘nbusu lill-​Iben’ u naqdu lill-​Mulej Sovran, Jehovah!]

[Noti taʼ taħt]

^ par. 4 Għall-​ewwel, is-​Sultan David kien il-​‘midluk,’ u s-​“slaten taʼ l-​art” kienu l-​ħakkiema Filistin li ġemgħu l-​armati tagħhom kontrih.

^ par. 7 Anki kitbiet oħra taʼ l-​Iskrittura Griega Kristjana juru li Ġesù hu l-​Midluk t’Alla li jirreferi għalih it-​tieni salm. Dan jidher ċar meta tqabbel Salm 2:7 m’Atti 13:32, 33 u Lhud 1:5; 5:5. Ara wkoll Salm 2:9 u Apokalissi 2:27.

Int Kif Twieġeb?

• Il-​popli dwar xiex komplew “ireddnu għal xejn”?

• Jehovah għala jiħodhom biċ-​ċajt lill-​ġnus?

• X’inhu d-​digriet t’Alla kontra l-​ġnus?

• Xi jfisser li ‘tbus lill-​iben’?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 16]

David kanta dwar is-​Sultan Messjaniku rebbieħ

[Stampa f’paġna 17]

Il-​ħakkiema u n-​nies taʼ Iżrael ikkonfoffaw kontra Ġesù Kristu

[Stampa f’paġna 18]

Kristu tqiegħed Sultan fuq il-​Muntanja Sijon tas-​sema