Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Kappadoċja—Fejn in-Nies Kienu Jgħixu fi Djar Skolpiti mir-Riħ u l-Ilma

Il-Kappadoċja—Fejn in-Nies Kienu Jgħixu fi Djar Skolpiti mir-Riħ u l-Ilma

Il-​KappadoċjaFejn in-​Nies Kienu Jgħixu fi Djar Skolpiti mir-​Riħ u l-​Ilma

L-​APPOSTLU Pietru tkellem dwar il-​Kappadoċja. Fost dawk li lilhom indirizza l-​ewwel ittra ispirata tiegħu kien hemm “dawk li qegħdin jgħixu mxerrda bħala pellegrini . . . fil-​Kappadoċja.” (1 Pietru 1:1) X’tip t’art kienet il-​Kappadoċja? L-​abitanti tagħha għala kienu jgħixu fi djar mħaffrin fil-​ġebel? Kif saru jafu bil-​Kristjanità?

“F’daqqa waħda sibna ruħna ġo foresta taʼ blat tawwali u trijangulari,” qal W. F. Ainsworth, vjaġġatur Ingliż li żar il-​Kappadoċja fis-​snin 40 tas-​seklu 19. Illum, il-​pajsaġġ uniku għadu jgħaġġeb lil dawk li jżuru dan ir-​reġjun fit-​Turkija. Miġburin fis-​skiet qalb il-​widien tal-​Kappadoċja hemm “statwi” tal-​ġebel li m’humiex tas-​soltu. Uħud minnhom donnhom xi ċumnija ġganteska u huma għoljin 30 metru jew iktar. Oħrajn jixbhu lil xi kon tal-​ġelat ġgantesk, obelisk, jew faqqiegħ.

Kemm tlibbishom ilwien sbieħ u differenti x-​xemx lil dawn l-​istatwi matul il-​ġurnata! Mas-​sebħ dawn ikunu taʼ lewn roża ċar. Sa nofsinhar isiru bojod kulur l-​avorju, u nżul ix-​xemx jagħtihom il-​kulur kannella fl-​isfar. X’ifforma din il-​“foresta taʼ blat tawwali u trijangulari”? U n-​nies taʼ dan ir-​reġjun għala għamlu d-​djar tagħhom ġo fihom?

Skolpiti mir-​Riħ u l-​Ilma

Il-​Kappadoċja tinsab fil-​qalba tal-​Peniżola Anatoljana, li tgħaqqad l-​Asja maʼ l-​Ewropa. Li kieku ma kienx għaż-​żewġ vulkani li hemm fih, dan ir-​reġjun kien ikun biċċa art wâtja u ċatta. Matul il-​millennji, l-​iżbroffi tal-​vulkani għattew l-​inħawi b’żewġ tipi taʼ ġebel—bażalt iebes u tufa ratba, tip taʼ ġebel abjad li jifforma meta jagħqad l-​irmied mill-​vulkan.

Hekk kif ix-​xmajjar, ix-​xita, u r-​riħ bdew jieklu t-​tufa ratba, bdew jifformaw widien fondi. Maż-​żmien, xi ftit mill-​irdumijiet mal-​ġnub tal-​widien bdew jinqasmu f’eluf taʼ kolonni trijangulari, li żejnu l-​art bi skulturi li ma jinsabu mkien ieħor fid-​dinja. Xi ftit mill-​blat trijangulari tant imtela b’ħofor li sar jixbah lil xehda taʼ l-​għasel. In-​nies li kienu joqogħdu fl-​inħawi ħaffru kmamar fil-​blat artab u, meta l-​familja kienet tikber, kienu jżidu iktar kmamar. Huma sabu wkoll li dawn il-​postijiet iżommu l-​frisk fis-​sajf u s-​sħana fix-​xitwa.

Jgħixu f’Salib it-​Toroq taċ-​Ċivilizzazzjoni

Wisq probabbli, in-​nies li kienu joqogħdu fl-​għerien tal-​Kappadoċja kienu jibqgħu maqtugħin għalihom li kieku ma kinux joqogħdu f’salib it-​toroq importanti taċ-​ċivilizzazzjoni. Il-​famuża Triq il-​Ħarir (Silk Road), triq twila 6,500 kilometru li kienet użata min-​negozjanti u li kienet tgħaqqad l-​Imperu Ruman maċ-​Ċina, kienet tgħaddi mill-​Kappadoċja. Minbarra n-​negozjanti, minn din ir-​rotta għaddew l-​armati Persjani, Griegi, u Rumani. Dawn il-​vjaġġaturi ġabu magħhom ideat reliġjużi ġodda.

Sat-​tieni seklu Q.E.K., fil-​Kappadoċja kienu jeżistu kolonji tal-​Lhud. Il-​Lhud taʼ dan ir-​reġjun kienu preżenti f’Ġerusalemm fis-​sena 33 E.K. Huma kienu hemm biex jiċċelebraw il-​Festa taʼ Pentekoste. B’hekk, l-​appostlu Pietru ppriedka lil-​Lhud mill-​Kappadoċja wara li tferraʼ l-​ispirtu qaddis. (Atti 2:1-9) Milli jidher, xi wħud wieġbu għall-​messaġġ tiegħu u ħadu lura magħhom it-​twemmin ġdid li kienu għadhom kif ħaddnu. Għalhekk, fl-​ewwel ittra tiegħu Pietru indirizza lill-​Kristjani tal-​Kappadoċja.

Hekk kif bdew igerbu s-​snin, però, il-​Kristjani fil-​Kappadoċja bdew jiġu influwenzati minn filosofiji pagani. Tliet mexxejja prinċipali tal-​knisja tal-​Kappadoċja ddefendew kemm felħu d-​duttrina mhux Skritturali tat-​Trinità. Dawn kienu Girgor Nazjanzenu, Bażilju l-​Kbir, u ħuh Girgor taʼ Nissa.

Bażilju l-​Kbir inkuraġġixxa wkoll l-​istil taʼ ħajja monastika, jiġifieri ħajja taʼ ċaħda stretta. Id-​djar sempliċi mħaffrin fil-​ġebel li kien hemm fil-​Kappadoċja kienu ideali għat-​tip taʼ ħajja ħarxa li ssuġġerixxa. Hekk kif il-​komunità monastika bdiet tikber, f’uħud mill-​istrutturi l-​kbar inbnew knejjes sħaħ. Sas-​seklu 13, kien hemm madwar tliet mitt knisja mħaffrin fil-​blat. Ħafna minnhom għadhom preservati sa llum.

Għalkemm il-​knejjes u l-​monasterji ma baqgħux jintużaw, l-​istil taʼ ħajja taʼ min joqgħod hemm ftit li xejn inbidel matul is-​sekli. Ħafna għerien għadhom jintużaw min-​nies biex joqogħdu fihom. Dawk li jżuru l-​Kappadoċja ma jistgħux ma jistagħġbux meta jaraw kif l-​abitanti tas-​sengħa f’dak il-​post biddlu dawn l-​istrutturi naturali fi djar prattiċi.

[Mappa f’paġna 25]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)

IL-​KAPPADOĊJA

IĊ-​ĊINA (Cathay)