Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“L-Għaqli Jagħmel Kollox bi Ħsieb”

“L-Għaqli Jagħmel Kollox bi Ħsieb”

“L-​Għaqli Jagħmel Kollox bi Ħsieb”

IL-​GWIDA mill-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, hija “egħżeż mid-​deheb, mid-​deheb l-​aktar fin.” (Salm 19:7-10 [19:8-11, NW]) Għala? Għax “tagħlim l-​għaref [Jehovah] hu għajn il-​ħajja għal min irid jeħles mix-​xibka tal-​mewt.” (Proverbji 13:14) Meta jiġu applikati, il-​pariri mill-​Iskrittura mhux biss itejbu l-​kwalità taʼ ħajjitna imma jgħinuna nevitaw in-​nases li jpoġġuha fil-​periklu. Kemm huwa vitali li nfittxu l-​għarfien taʼ l-​Iskrittura u nżommu maʼ dak li nitgħallmu!

Kif imniżżel fi Proverbji 13:15-25, is-​Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-​qedem ta pariri li jgħinuna naġixxu skond l-​għarfien ħalli nkunu nistgħu ngawdu ħajja aħjar u itwal. * Permezz taʼ proverbji qosra, hu jurina kif il-​Kelma t’Alla tistaʼ tgħinna nintgħoġbu minn oħrajn, nibqgħu leali fil-​ministeru tagħna, ikollna attitudni xierqa lejn id-​dixxiplina, u nagħżlu bil-​għaqal maʼ min nagħmluha. Hu jikkunsidra wkoll kemm hu għaqli li nħallu wirt għal uliedna kif ukoll li niddixxiplinawhom bl-​imħabba.

“Min Hu bil-​Għaqal Jirbaħ l-​Imħabba”

“Min hu bil-​għaqal jirbaħ l-​imħabba,” jgħid Salamun, “min jimxi bil-​qerq jiġġarraf.” (Proverbji 13:15) L-​espressjoni li ntużat fil-​lingwa oriġinali għal “bil-​għaqal,” jew b’“dehen tajjeb” (NW), “tiddeskrivi l-​abbiltà li wieħed ikun prudenti, jieħu deċiżjonijiet tajbin, u jifforma opinjonijiet bi ħsieb,” jgħid xogħol wieħed taʼ referenza. Persuna li jkollha kwalitajiet bħal dawn ma ssibhiex diffiċli biex tirbaħ l-​imħabba t’oħrajn u tingħoġob minnhom.

Ikkunsidra kif l-​appostlu Pawlu ttratta bl-​għaqal u bid-​dehen maʼ Filemon, sieħbu Kristjan, meta bagħatlu lura lill-​qaddej tiegħu Oneżimu, li kien ħarab u li issa kien sar Kristjan. Pawlu talab bil-​ħerqa lil Filemon biex jerġaʼ jilqaʼ lura lil Oneżimu b’qalb tajba, saħansitra daqslikieku kien se jilqaʼ lill-​appostlu nnifsu. Fil-​fatt, Pawlu offra li jħallas hu jekk Oneżimu kellu jagħti xi ħaġa lil Filemon. Iva, Pawlu setaʼ uża l-​awtorità tiegħu u ordna lil Filemon biex jagħmel dak li kien xieraq. Imma l-​appostlu għażel li jittratta s-​sitwazzjoni bit-​tattika u bl-​imħabba. Billi għamel hekk, Pawlu ħassu kunfidenti li kien se jikseb il-​kooperazzjoni taʼ Filemon u kien se jqanqlu jagħmel saħansitra iktar milli kien mitlub. M’għandniex aħna nittrattaw maʼ sħabna fit-​twemmin bl-​istess mod?—Filemon 8-21.

Min jimxi bil-​qerq, min-​naħa l-​oħra, jiġġarraf, jew inkella triqtu tkun “ħarxa.” () F’liema sens? Skond wieħed studjuż, il-​kelma użata hawn tfisser “saħħa jew sodizza, u tirreferi għall-​imġiba bla mogħdrija tan-​nies il-​ħżiena. . . . Min jibqaʼ għall-​modi ħżiena tiegħu, b’qalb iebsa u indifferenti għat-​tagħlim għaqli taʼ ħaddieħor, qiegħed fi triqtu biex jiġġarraf.”

Salamun ikompli: “L-​għaqli jagħmel kollox bi ħsieb, imma l-​iblah juri fil-​beraħ bluhitu.” (Proverbji 13:16) L-​għaqal hawnhekk għandu x’jaqsam maʼ l-​għarfien u huwa assoċjat maʼ persuna prudenti, li taħseb l-​affarijiet qabel tagħmilhom. Meta xi ħadd għaqli jiġi kritikat inġustament jew saħansitra insultat, dan jikkontrolla kliemu. Hu jitlob lil Alla biex jgħinu juri l-​frott taʼ l-​ispirtu qaddis ħalli ma jirritax ruħu żżejjed. (Galatin 5:22, 23) Min ikun prudenti ma jħallix lill-​persuna l-​oħra jew is-​sitwazzjoni tikkontrollah. Minflok, jibqaʼ jżomm il-​kontroll u jevita l-​ġlied li ħafna drabi jinqalaʼ meta persuna tiġi mweġġgħa u jitlgħalha malajr.

L-​għaqli jaġixxi wkoll skond l-​għarfien meta jieħu deċiżjonijiet. Hu jaf li azzjonijiet għaqlin ma jsirux skond dak li wieħed ifettillu, skond azzjonijiet ibbażati fuq l-​emozzjonijiet, jew sempliċement billi jagħmel bħalma jagħmel ħaddieħor. Għalhekk, jieħu l-​ħin biex jgħarbel is-​sitwazzjoni li tinqalaʼ. Hu jiġbor il-​fatti kollha u jara x’għażliet għandu. Imbagħad ifittex fl-​Iskrittura u jiddeċiedi liema liġijiet jew prinċipji Bibliċi japplikaw. It-​triqat taʼ persuna bħal din jibqgħu dritti.—Proverbji 3:5, 6.

‘Messaġġier Leali Jġib il-​Kwiet’

Bħala Xhieda taʼ Jehovah, ġejna fdati bix-​xandir taʼ messaġġ mogħti minn Alla. Il-​kliem tal-​proverbju li jmiss jgħinna nibqgħu leali fit-​twettiq taʼ l-​inkarigu li għandna. Dan jgħid: “Ambaxxatur ħażin jaqlaʼ l-​inkwiet, messaġġier [“leali,” “NW”] iġib il-​kwiet.”—Proverbji 13:17.

Hawnhekk l-​enfasi qiegħda fuq il-​kwalitajiet tal-​messaġġier. Xi ngħidu jekk il-​messaġġier, b’ħażen, jgħawweġ jew ibiddel il-​messaġġ? Ma jirċivix dan ġudizzju kontrih? Ftakar f’Geħażi, il-​qaddej taʼ Eliżew, li b’regħba wassal messaġġ falz lill-​kmandant taʼ l-​eżerċtu Sirjan Nagħman. Il-​ġdiem li telaq minn fuq Nagħman mar fuq Geħażi. (2 Slaten 5:20-27) Xi ngħidu jekk il-​messaġġier ma jibqax leali u jieqaf jiddikjara l-​messaġġ? “Jekk jien [Jehovah] ngħid lill-​midneb: ‘Int tmut żgur,’ u int ma tkellmux u ma twiddbux biex jitlaq triqtu,” tgħid il-​Bibbja, “hu, il-​midneb, imut fi ħżunitu, imma demmu nfittxu minn idejk.”—Eżekjel 33:8.

Min-naħa l-​oħra, messaġġier tajjeb iġib il-​kwiet għalih u għal dawk li jisimgħu minnu. Pawlu ħeġġeġ lil Timotju: “Għasses fuqek innifsek u fuq it-​tagħlim tiegħek; żomm sħiħ f’dawn il-​ħwejjeġ, għax, jekk tagħmel hekk, issalva lilek innifsek u lil dawk li jisimgħuk.” (1 Timotju 4:16) Aħseb dwar il-​kwiet li jġib ix-​xandir bil-​lealtà taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna. Dan iġib f’sensihom lin-​nies li għandhom kundizzjoni tajba tal-​qalb u jiggwidahom lejn il-​verità li tagħtihom il-​ħelsien. (Ġwanni 8:32) Anki jekk in-​nies ma jisimgħux il-​messaġġ, il-​messaġġier leali ‘jkun salva ħajtu.’ (Eżekjel 33:9) Jalla qatt ma nittraskuraw l-​inkarigu li għandna biex nippridkaw. (1 Korintin 9:16) U ejja noqogħdu dejjem attenti biex ‘nippridkaw il-​kelma,’ u qatt ma nagħmlu kompromess fejn jidħol il-​messaġġ tal-​Bibbja billi nagħmluh jidher isbaħ jew inqas offensiv f’għajnejn in-​nies.—2 Timotju 4:2.

“Ġieħ Ikollu Min Jilqaʼ t-​Twiddib”

Għandha persuna prudenti tieħu fastidju jekk tingħata parir t’għajnuna? Proverbji 13:18 jistqarr: “Faqar u għajb fuq min iwarrab it-​tagħlim, imma ġieħ ikollu min jilqaʼ t-​twiddib.” Inkunu għaqlin jekk naċċettaw saħansitra t-​twiddib li ma nkunux staqsejna għalih. Parir tajjeb jistaʼ jagħmel l-​iktar ġid meta ma nirrealizzawx li għandna bżonnu. Jekk nisimgħu minn pariri bħal dawn nistgħu niffrankaw ħafna wġigħ taʼ qalb u nistgħu nevitaw xi traġedja. Jekk ninjoraw it-​twiddib, inġibu fuqna l-​għajb.

It-tifħir, meta jkun xieraq, itellgħalna l-​moral u jkun tassew inkuraġġanti. Però, irridu wkoll nistennew u naċċettaw it-​twiddib. Ikkunsidra ż-​żewġ ittri li l-​appostlu Pawlu kiteb lil Timotju. Filwaqt li f’dawn l-​ittri faħħar lil Timotju għal-​lealtà tiegħu, hu tah ukoll ħafna pariri. Pawlu bla tlaqliq jagħti pariri liż-​żagħżugħ dwar li jibqaʼ jkollu fidi u kuxjenza tajba, kif jittratta m’oħrajn fil-​kongregazzjoni, li jiżviluppa devozzjoni lejn Alla u jkun kapaċi jieħu ħsieb tiegħu nnifsu, li jistruwixxi lil oħrajn, li jirreżisti l-​apostasija, u li jwettaq il-​ministeru tiegħu. Membri iżgħar fil-​kongregazzjoni jagħmlu tajjeb jekk ifittxu u jilqgħu l-​pariri taʼ dawk li għandhom iktar esperjenza.

‘Agħmilha maʼ l-​Għaref’

“Xewqa maqtugħa tferraħ il-​qalb,” jgħid is-​sultan għaref, imma “l-​boloh ma jħobbux jitbiegħdu mill-​ħażin.” (Proverbji 13:19) Dwar it-​tifsir taʼ dan il-​proverbju, ċertu xogħol taʼ referenza jinnota: “Meta tintlaħaq mira jew tiġi maqtugħa xi xewqa, il-​bniedem jimtela b’sodisfazzjon . . . Ladarba li wieħed jilħaq il-​mira tiegħu hija esperjenza daqshekk sabiħa, mela allura li jitbiegħdu mill-​ħażin hija xi ħaġa taʼ mibegħda għall-​boloh. Dak li jixtiequ jagħmlu jistaʼ jintlaħaq biss b’metodi ħżiena, u li kieku jkollhom iħallu l-​ħażin warajhom, ikunu qed jiċċaħħdu mill-​pjaċir li jaqtgħu xewqithom.” Kemm huwa vitali li nikkultivaw xewqat xierqa!

X’effett qawwi għandhom dawk li nagħmluha magħhom fuq ħsibijietna, dak li jogħġobna, u dak li ma jogħġobniex! Salamun jistqarr verità dejjiema meta jgħid: “Min jagħmilha maʼ l-​għaref, isir għaref, min imur mal-​boloh, jaqaʼ fl-​hemm.” (Proverbji 13:20) Iva, dawk li nagħmluha magħhom, anki permezz tad-​divertiment, l-​Internet, u dak li naqraw, għandhom effett fuq dak li aħna u dak li se nsiru. Kemm hu importanti li nagħżlu bil-​għaqal maʼ min nagħmluha!

‘Għaddi Wirt’

“Il-​midinbin riżqhom ħażin,” jgħid is-​sultan taʼ Iżrael, “u l-​ġusti jitħallsu bil-​ġid.” (Proverbji 13:21) Min ifittex dak li hu ġust jiġi premjat, għaliex Jehovah jieħu ħsieb il-​ġust. (Salm 37:25) Madankollu, irridu nirrikonoxxu li “f’kollox jidħol iż-​żmien u ċ-​ċirkustanzi.” (Koħèlet 9:11) Nistgħu nagħmlu xi ħaġa biex inkunu preparati għall-​affarijiet li jistgħu jinqalgħu?

“Ġid it-​tajjeb jgħaddi b’wirt għal ulied uliedu,” jgħid Salamun. (Proverbji 13:22a) X’wirt prezzjuż iħallu l-​ġenituri lil uliedhom meta jgħinuhom jieħdu għarfien dwar Jehovah u jikkultivaw relazzjoni tajba miegħu! Imma ma jkunx għaqli wkoll li, jekk ikun possibbli, isiru arranġamenti biex il-​familja jkollha l-​bżonnijiet materjali f’każ li xi ħadd mill-​ġenituri jmut ħabta u sabta? F’ħafna postijiet, il-​kapijiet tal-​familja forsi jkunu jistgħu jirranġaw għal assigurazzjoni, jagħmlu testment legali, u jfaddlu xi ħaġa.

X’jistaʼ jingħad dwar il-​wirt tal-​ħżiena? “Ġid il-​midneb jirtuh il-​ġusti,” ikompli Salamun. (Proverbji 13:22b) Minbarra kwalunkwe benefiċċju li jistaʼ jkollna issa, dan se jseħħ meta Jehovah iwettaq il-​wegħda tiegħu biex joħloq “smewwiet ġodda u art ġdida” fejn “tgħammar il-​ġustizzja.” (2 Pietru 3:13) Il-​ħżiena mbagħad se jitneħħew min-​nofs, u ‘l-​ġwejdin jirtu l-​art.’—Salm 37:11.

Persuna prudenti taġixxi bl-​għarfien anki meta ma jkollhiex ħafna affarijiet. “L-​art mhix maħduma tistaʼ tgħajjex lill-​fqir,” jgħid Proverbji 13:23, “imma dan ma jsirx minħabba l-​inġustizzja.” Il-​ftit jistaʼ jsir ħafna b’ħidma bieżla u bil-​barka t’Alla. Madankollu, meta ma jkunx hemm ġustizzja, ġudizzju inġust jistaʼ jtellef ħafna ġid.

“Jieħu Ħsieb Iwiddbu”

Nies imperfetti għandhom bżonn id-​dixxiplina, u għandhom bżonnha mit-​tfulija ’l quddiem. “Min iżomm lura l-​bastun jobgħod lil ibnu,” jgħid is-​sultan taʼ Iżrael, “imma min iħobbu jieħu ħsieb iwiddbu.”Proverbji 13:24.

Il-bastun huwa simbolu t’awtorità. Fi Proverbji 13:24, dan jirreferi għall-​awtorità tal-​ġenituri. F’dan il-​kuntest, li tuża l-​bastun tad-​dixxiplina ma jfissirx neċessarjament li ssawwat lit-​tfal. Minflok, dan jirrappreżenta mod taʼ korrezzjoni, fi kwalunkwe forma li tistaʼ tieħu. F’ċerti każi, ċanfira bil-​ħlewwa lit-​tfal tistaʼ tkun biżżejjed biex tikkoreġi mġiba ħażina. Tfal oħra forsi jkollhom bżonn korrezzjoni b’iktar sodizza. “Ċanfira waħda tolqot aktar lill-​għaqli, minn mitt daqqa lill-​iblah,” jgħid Proverbji 17:10.

Id-dixxiplina mill-​ġenituri għandha dejjem tingħata bl-​imħabba u l-​għerf għall-​benefiċċju tat-​tfal. Ġenitur li jħobb ma jinjorax in-​nuqqasijiet taʼ wliedu. Għall-​kuntrarju, hu jara x’inhuma sabiex ikunu jistgħu jitneħħew qabel ikun tard wisq. Ġenitur li jħobb, bla dubju, jieħu bis-​serjetà t-​twissija taʼ Pawlu: “Missirijiet, iġġarrbuhomx iżżejjed lil uliedkom; iżda rabbuhom fid-​dixxiplina u t-​twiddib tal-​Mulej.”—Efesin 6:4.

Xi ngħidu jekk ġenitur ikun permissiv u ma jipprovdix il-​korrezzjoni meħtieġa? Iktar tard, se jaqlaʼ ġenitur bħal dan il-​grazzi talli kien permissiv? Dażgur li le! (Proverbji 29:21) Il-​Bibbja tistqarr: “Tifel mitluq għal riħu jagħmel għajb lil ommu.” (Proverbji 29:15) Jekk iżżomm lura milli teżerċita l-​awtorità bħala ġenitur tkun qed turi indifferenza jew nuqqas taʼ mħabba. Min-​naħa l-​oħra, meta teżerċita l-​awtorità bil-​ħlewwa imma b’mod sod, tkun qed tirrifletti interess kollu mħabba.

Persuna prudenti u retta li taġixxi skond l-​għarfien veru se tiġi mbierka. Salamun jaċċertana: “Il-​ġust jiekol u jixbaʼ, imma l-​ħżiena jibqgħu bil-​ġuħ.” (Proverbji 13:25) Jehovah jaf x’inhu tajjeb għalina f’kull qasam tal-​ħajja—l-​affarijiet familjari tagħna, ir-​relazzjonijiet tagħna maʼ l-​oħrajn, il-​ministeru tagħna, jew meta nkunu qed niġu dixxiplinati. Għaldaqstant, meta nużaw l-​għerf biex napplikaw il-​pariri li jinsabu fil-​Kelma tiegħu, bla ebda dubju se ngawdu l-​aħjar mod taʼ ħajja.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 3 Għal diskussjoni taʼ Proverbji 13:1-14, ara paġni 21-5 tat-​Torri taʼ l-​Għassa tal-​15 taʼ Settembru, 2003.

[Stampa f’paġna 28]

Meta jiġi kritikat inġustament, l-​għaqli jigdem ilsienu

[Stampa f’paġna 29]

Proklamatur leali tas-​Saltna jagħmel ħafna ġid

[Stampa f’paġna 30]

Filwaqt li t-​tifħir huwa inkuraġġanti, aħna rridu nilqgħu l-​korrezzjoni

[Stampa f’paġna 31]

Ġenitur li jħobb ma jinjorax in-​nuqqasijiet taʼ wliedu