“Sabiex Tagħmlu Isem Jehovah Magħruf”
“Sabiex Tagħmlu Isem Jehovah Magħruf”
MAD-DINJA kollha, ir-rivisti It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ!, li joħorġu flimkien, huma apprezzati għall-kontenut spiritwali u l-valur informattiv tagħhom. Dan jidher ċar minn dak li kitbet waħda qarrejja minn Franza f’din l-ittra:
“Proprjament, jien żagħżugħa mill-Afrika u ma tantx naf skola. M’ilux wisq bdejt naqra r-rivisti tagħkom. Is-suġġetti tant jolqtuni li qed niskopri l-valur tal-qari. Grazzi għalikom, tejjibt il-vokabolarju tiegħi u nistaʼ nikteb ittra b’inqas żbalji.
“Niskanta kif tippubblikaw artikli fuq kull ħaġa li għandha x’taqsam mal-bniedem, il-pjaneta, u l-Ħallieq. Dawn l-artikli tant huma faċli biex tifhimhom li jġagħluk tkun trid issir qarrej ħerqan. M’hemm ħadd iktar li għandu l-abbiltà li jgħallem fl-istess ħin lil kull tip taʼ nies.
“Niskanta wkoll meta nara li dan kollu ma jsirx għall-qligħ tal-flus, imma sempliċement sabiex tagħmlu isem Jehovah magħruf. Naf li għandkom l-approvazzjoni tiegħu, u nirringrazzjakom. Jekk jogħġobkom, komplu strieħu fuq il-Ħallieq sabiex jagħtikom is-saħħa li tgħallmu.”
Ix-Xhieda taʼ Jehovah bħalissa qed ikomplu bix-xogħol edukattiv tagħhom minn fuq il-Bibbja f’235 pajjiż. It-Torri taʼ l-Għassa huwa pubblikat b’148 lingwa u Stenbaħ! b’87 lingwa. Dawn ir-rivisti m’humiex stampati biex ifaħħru lil xi bniedem. Il-pariri bbażati fuq il-Bibbja u l-informazzjoni aġġornata misjuba fihom għandhom l-iskop li jonoraw lill-Ħallieq, li jgħid: “Jien [Jehovah] . . . ngħallmek għall-ġid tiegħek.” (Isaija 48:17) Jalla tagħmel il-ġid lilek innifsek billi taqra l-Iskrittura Mqaddsa regolarment flimkien maʼ dawn l-għajnuniet għall-istudju tal-Bibbja.