Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

‘Sajf u Xitwa Ma Jonqsu Qatt’

‘Sajf u Xitwa Ma Jonqsu Qatt’

Il-​Meravilja tal-​Ħolqien Taʼ Jehovah

‘Sajf u Xitwa Ma Jonqsu Qatt’

IX-​XEMX tikwi fuq id-​deżert. F’partijiet oħra taʼ l-​art issaħħan l-​arja wara l-​kesħa tax-​xitwa. Iva, is-​sħana tax-​xemx hija waħda mill-​fatturi ewlenin li jikkaġunaw il-​klima u l-​istaġuni.

Il-kundizzjonijiet f’dawn l-​istaġuni jvarjaw madwar il-​globu. Imma l-​istaġuni kif jeffettwawk? Ma tiħux gost bl-​arja friska tar-​rebbiegħa meta tara s-​siġar u l-​fjuri jerġgħu jieħdu l-​ħajja? Kif tħossok dwar il-​lejliet sbieħ tas-​sajf? Ma tiħux gost bil-​ġranet bnazzi u friski tal-​ħarifa u b’dawk ix-​xeni sbieħ taʼ weraq kull kulur? Ġieli rajt foresta sħiħa miksija bis-​silġ u tħoss dik iċ-​ċerta kalma taqaʼ fuqek?

X’jikkaġuna l-​istaġuni? Ir-​risposta hi, ix-​xaqlib taʼ l-​art. L-​assi li ddur fuqu d-​dinja hu mxaqleb madwar 23.5 grad f’relazzjoni mal-​pjanura immaġinarja taʼ l-​orbita taʼ l-​art madwar ix-​xemx. Kieku l-​assi taʼ l-​art ma kienx imxaqleb, kieku ma kienx ikollna staġuni. Il-​klima kienet tkun dejjem l-​istess. Dan kien jeffettwa l-​ħxejjex u ċ-​ċiklu involut fit-​tkabbir tal-​prodotti tar-​rabaʼ.

Jidher ċar li kien il-​Ħallieq li għamel l-​istaġuni b’tali mod li dejjem jiġu wara xulxin. Is-​salmista kien qed jindirizza lil Alla Jehovah meta għamel din l-​istqarrija xierqa: “Int ħażżejt it-​truf kollha taʼ l-​art; is-​sajf u x-​xitwa inti ħlaqthom.”—Korsiv tagħna; Salm 74:17. *

Għal xi ħadd li jħares mill-​art, l-​oġġetti ċelestjali, bħalma huma x-​xemx, il-​qamar, u l-​kwiekeb, iservu bħala fatturi ovvji li jindikaw l-​istaġuni. Meta Alla ħalaq is-​sistema solari tagħna, hu ordna: “Ħa jkun hemm imnariet fil-​firxa tas-​sema . . ., u jkunu sinjali għat-​tqassim taż-​żminijiet [“staġuni,” ], tal-​jiem u tas-​snin.” (Ġenesi 1:14) Fi żmien sena, l-​art tasal f’żewġ punti fl-​orbita tagħha fejn ix-​xemx f’nofsinhar tkun eżatt fuq rasek fl-​ekwatur. Dawn jissejħu ekwinozji, u f’ħafna pajjiżi jindikaw il-​bidu tar-​rebbiegħa u tal-​ħarifa. Matul l-​ekwinozji, il-​perijodi tad-​dawl u tad-​dlam huma kważi kollha ndaqs madwar il-​globu.

L-eżistenza u l-​bidu taʼ l-​istaġuni ma jinvolvux sempliċement iċ-​ċaqliq u l-​pożizzjoni t’oġġetti ċelestjali. L-​istaġuni, il-​klima, u t-​temp huma kollha konnessi maʼ xulxin f’sistema komplikata li ssostni l-​ħajja. Meta l-​appostlu Kristjani Pawlu u sieħbu Barnaba kellmu lin-​nies fl-​Asja Minuri—li ħafna minnhom kienu midħla taʼ l-​agrikultura u l-​produzzjoni taʼ l-​ikel—huma stqarrew li kien Alla li ‘jagħtihom ix-​xita mis-​sema u l-​frott fi żmienu, u hekk ixebbagħhom bl-​ikel u jimlielhom qalbhom bl-​hena.’—Atti 14:14-17.

Il-proċess meraviljuż tal-​fotosinteżi jsostni l-​ħxejjex taʼ l-​art u l-​fitoplankton li jinsab fil-​baħar. Minħabba f’dan, il-​katina taʼ l-​ikel li teżisti bħalissa u d-​diversi forom taʼ ħajja jirreaġixxu għat-​temp u għall-​klima b’modi komplikati. Pawlu b’mod xieraq kien qed jgħid li kien hemm id Jehovah involuta f’dan kollu, meta qal: “L-​art tixrob ix-​xita li sikwit taqaʼ fuqha; jekk hi tagħti wċuħ tajba lil dawk li għalihom tinħadem, hi jkollha l-​barka taʼ Alla.”—Lhud 6:7.

Il-kelma “barka” tieħu tifsira ġdida jekk int sempliċement tieqaf ftit u taħseb dwar dak li jiġri f’dawk il-​postijiet li fihom ir-​rebbiegħa ġġib magħha temperaturi moderati, ġranet itwal, iktar xemx, u xita f’waqtha. Il-​fjuri jiftħu u l-​insetti joħorġu mill-​moħba tagħhom tax-​xitwa, lesti biex jibdew il-​proċess tad-​dakkir. L-​għasafar, bħalma hu l-​blue jay li qed tara hawnhekk, jimlew il-​foresta bil-​kuluri u bl-​għana tagħhom, u l-​pajsaġġ jieħu l-​ħajja. Il-​ħajja tqum fuq tagħha, u l-​organiżmi jkomplu ċ-​ċikli tagħhom tal-​ħajja, bit-​twelid, it-​tiġdid, u t-​tkabbir. (L-Għanja taʼ l-​Għanjiet 2:12, 13) Dan iħejji kollox għall-​ħsad fi tmiem is-​sajf jew fil-​ħarifa.—Eżodu 23:15b, 16 (23:16, NW).

L-għemejjel taʼ Jehovah jidhru b’mod taʼ l-​għaġeb mill-​mod kif hu poġġa l-​art f’ċerta pożizzjoni, li tipprovdi l-​jum u l-​lejl, l-​istaġuni, u żmien iż-​żrigħ u l-​ħsad. Aħna ċerti li wara x-​xitwa jiġi s-​sajf. Wara kollox, kien Alla li wiegħed: “Sakemm iddum l-​art, żrigħ u ħsad, bard u għomma, sajf u xitwa, lejl u nhar, ma jonqsu qatt.”—Ġenesi 8:22.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 6 Ara t-​2004 Calendar of Jehovah’s Witnesses, Lulju / Awissu.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 9]

Satellita Kruċjali għall-​Ħajja

Matul iż-​żminijiet, il-​qamar kien taʼ ispirazzjoni u stagħġib għall-​bnedmin. Però, qatt irrealizzajt li l-​qamar jinfluwenza l-​istaġuni? Il-​preżenza tal-​qamar tgħin biex tirregola x-​xaqlib taʼ l-​art, jiġifieri, kemm il-​grad ikun imxaqleb l-​assi li ddur fuqu d-​dinja. Dan għandu “rwol vitali fil-​produzzjoni tal-​kundizzjonijiet fuq l-​Art li jistgħu jsostnu l-​ħajja,” jistqarr Andrew Hill, awtur li jikteb dwar ix-​xjenza. Li kieku ma kienx hemm satellita kbira naturali li tistabbilizza x-​xaqliba taʼ l-​assi tal-​pjaneta tagħna, kieku t-​temperaturi tant jogħlew li jkun impossibbli li jkun hawn il-​ħajja fuq l-​art. B’hekk grupp t’astronomi kkonkluda: “Wieħed jistaʼ jgħid li l-​Qamar jipproteġi l-​Art minn bidliet li jistaʼ jkun hemm fil-​klima tagħha.”—Salm 104:19.

[Sors]

Il-​qamar: U.S. Fish & Wildlife Service, Washington, D.C./Bart O’Gara

[Stampa f’paġna 9]

L-​iġmla, l-​Afrika taʼ Fuq u l-​Peniżola Għarbija