Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Titgħaxxaq Int bil-“Liġi tal-Mulej”?

Titgħaxxaq Int bil-“Liġi tal-Mulej”?

Titgħaxxaq Int bil-​“Liġi tal-​Mulej”?

“Hieni l-​bniedem li. . . fil-​liġi tal-​Mulej hi l-​għaxqa tiegħu.”—SALM 1:1, 2.

1. Għala aħna henjin bħala l-​qaddejja taʼ Jehovah?

 JEHOVAH iberikna u jappoġġana bħala l-​qaddejja leali tiegħu. Veru, aħna niffaċċjaw ħafna provi. Imma ngawdu wkoll hena ġenwin. Din m’hijiex xi ħaġa stramba, għaliex aħna naqdu lill-​“Alla l-​hieni,” u l-​ispirtu qaddis tiegħu jipproduċi lhena f’qalbna. (1 Timotju 1:11, NW; Galatin 5:22) L-​hena hu kundizzjoni taʼ ferħ li tiġi meta individwu jkun qed jistenna xi ħaġa tajba jew jiksibha. U Missierna tas-​sema żgur li jagħtina għotjiet tajbin. (Ġakbu 1:17) Mhux taʼ b’xejn li aħna henjin!

2. Liema salmi se niddiskutu?

2 L-​hena jispikka ħafna fil-​ktieb tas-​Salmi. Per eżempju, dan hu minnu dwar Salmi 1 u 2. Is-​segwaċi tal-​bidu taʼ Ġesù indikaw li t-​tieni salm inkiteb mis-​Sultan David taʼ Iżrael. (Atti 4:25, 26) Il-​kittieb taʼ l-​ewwel salm, li ma nafux x’jismu, jibda l-​għanja ispirata tiegħu bil-​kliem: “Hieni l-​bniedem li ma jimxix fuq il-​parir tal-​ħżiena.” (Salm 1:1) F’dan l-​artiklu u f’dak li jmiss, ejja naraw kif Salmi 1 u 2 jagħtuna raġuni għalxiex nifirħu.

Is-​Sigriet taʼ l-​Hena

3. Skond Salm 1:1, x’inhuma xi raġunijiet għala min josserva l-​liġijiet t’Alla hu hieni?

3 Salm 1 juri għala individwu li josserva l-​liġijiet t’Alla hu hieni. Is-​salmista jagħti xi raġunijiet għal dan l-​hena u jkanta: “Hieni l-​bniedem li ma jimxix fuq il-​parir tal-​ħżiena, li ma jiqafx fi triq il-​ħatjin, li ma joqgħodx fil-​laqgħat taż-​żeblieħa.”—Salm 1:1.

4. Liema ħajja eżemplari għexu Żakkarija u Eliżabetta?

4 Sabiex inkunu verament henjin, irridu nimxu fi qbil mal-​ħtiġijiet ġusti taʼ Jehovah. Żakkarija u Eliżabetta, li kellhom il-​privileġġ li jsiru l-​ġenituri taʼ Ġwanni l-​Għammied, “kienu nies ġusti quddiem Alla u jimxu bla nuqqas taʼ xejn skond il-​preċetti u l-​kmandamenti kollha tal-​Mulej.” (Luqa 1:5, 6) Aħna nistgħu nkunu henjin jekk infittxu li ngħixu ħajja bħal din u nirrifjutaw b’mod sod ‘li nimxu fuq il-​parir tal-​ħżiena’ jew li nħalluhom jiggwidawna bil-​pariri ħżiena tagħhom.

5. X’jistaʼ jgħinna nevitaw “triq il-​ħatjin”?

5 Jekk niċħdu l-​mod taʼ ħsieb tal-​ħżiena, mhux se noqogħdu “fi triq il-​ħatjin.” Fil-​fatt, żgur li mhux se nkunu fejn spiss ikunu huma—f’postijiet taʼ divertiment immorali jew taʼ fama ħażina. Imma xi ngħidu jekk nitħajru ningħaqdu mal-​midinbin fl-​imġiba mhux skritturali tagħhom? F’dak il-​każ, ħa nitolbu lil Alla għall-​għajnuna tiegħu fi qbil mal-​kliem taʼ l-​appostlu Pawlu: “La tintrabtux mal-​pagani taħt madmad wieħed li ma jiġikomx. X’għandhom x’jaqsmu bejniethom il-​ġustizzja u l-​ħażen? X’xirka hemm bejn id-​dawl u d-​dlam?” (2 Korintin 6:14) Jekk nistrieħu fuq Alla u aħna ‘safja f’qalbna,’ niċħdu l-​ispirtu u l-​mod taʼ ħajja tal-​midinbin u jkollna motivi u xewqat nodfa, flimkien maʼ “fidi sinċiera.”—Mattew 5:8; 1 Timotju 1:5.

6. Għala għandna noqogħdu attenti minn dawk li jwaqqgħu għaċ-​ċajt?

6 Żgur li ‘ma rridux noqogħdu fil-​laqgħat taż-​żeblieħa’ jekk irridu nogħġbu lil Jehovah. Xi wħud iwaqqgħu għaċ-​ċajt il-​fatt stess li wieħed josserva l-​liġijiet t’Alla stess, imma f’dawn “l-​aħħar jiem,” dawk li qabel kienu Kristjani u li issa saru apostati spiss jagħmlu dan b’disprezz. L-​appostlu Pawlu wissa lil sħabu fit-​twemmin: “Ħuti għeżież . . . tafu, l-​ewwelnett: li fl-​aħħar jiem jiġu nies kollhom tmaqdir u jwaqqgħu kollox għaż-​żuffjett, nies li jaġixxu skond ix-​xewqat ħżiena tagħhom; u jibdew jgħidu: ‘Fejn hi l-​wegħda tal-​miġja tiegħu? Għax sa minn meta mietu missirijietna, kollox baqaʼ miexi kif kien sa mill-​bidu tal-​ħolqien.’ ” (2 Pietru 3:1-4) Jekk qatt ma ‘noqogħdu fil-​laqgħat taż-​żeblieħa,’ nevitaw id-​diżastru li żgur se jiġi fuqhom.—Proverbji 1:22-27.

7. Għala għandna nieħdu bis-​serjetà l-​kliem li nsibu f’Salm 1:1?

7 Jekk ma niħdux bis-​serjetà l-​kliem li jiftaħ bih Salm 1 nistgħu nitilfu l-​ispiritwalità li ksibna permezz taʼ l-​istudju taʼ l-​Iskrittura. Fil-​fatt, imbagħad nistgħu mmorru mill-​ħażin għall-​agħar. It-​triq għan-​niżla nistgħu naqbduha billi nsegwu l-​pariri tal-​ħżiena. Imbagħad forsi nibdew nissieħbu magħhom fuq bażi regulari. Maż-​żmien, nistgħu saħansitra nsiru apostati bla fidi li jwaqqgħu l-​affarijiet għaċ-​ċajt. M’għandniex xi ngħidu, sħubija maʼ nies ħżiena tistaʼ tkebbes fina spirtu li ma jkunx fi qbil mar-​rieda divina, u dan jistaʼ jkisser ir-​relazzjoni tagħna m’Alla Jehovah. (1 Korintin 15:33; Ġakbu 4:4) Jalla qatt ma nħallu dan jiġri lilna!

8. X’se jgħinna nżommu moħħna ffokat fuq affarijiet spiritwali?

8 It-​talb se jgħinna nżommu moħħna ffokat fuq l-​affarijiet spiritwali u nevitaw is-​sħubija maʼ wħud li huma ħżiena. Pawlu kiteb: “Tħabbtu raskom b’xejn. Fit-​talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr. U s-​sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-​moħħ jistaʼ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.” L-​appostlu inkuraġġiena naħsbu f’kull ma hu veru, f’kull ma hu xieraq, f’kull ma hu ġust, f’kull ma hu safi, f’kull ma jiġbed l-​imħabba, f’kull ma jistħoqqlu l-​ġieħ, f’kull ma hu virtù, f’kull ma ħaqqu t-​tifħir. (Filippin 4:6-8) Ejja naġixxu fi qbil mal-​parir taʼ Pawlu u ma naqgħu qatt fil-​livell baxx tal-​ħżiena.

9. Għalkemm nevitaw prattiċi ħżiena, kif nipprovaw ngħinu lil kull xorta taʼ nies?

9 Għalkemm niċħdu prattiċi ħżiena, aħna nagħtu xiehda bit-​tattika lil oħrajn, bl-​istess mod bħalma l-​appostlu Pawlu tkellem mal-​Gvernatur Ruman Feliċ “fuq il-​ġustizzja, fuq it-​trażżin tal-​passjonijiet u fuq il-​ġudizzju li għad irid jiġi.” (Atti 24:24, 25; Kolossin 4:6) Aħna nippridkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna lil kull xorta taʼ nies, u nittrattawhom b’qalb tajba. Aħna fiduċjużi li dawk li għandhom attitudni xierqa lejn il-​ħajja taʼ dejjem se jemmnu u jitgħaxxqu bil-​liġi t’Alla.—Atti 13:48.

“Fil-​Liġi tal-​Mulej Hi l-​Għaxqa Tiegħu”

10. X’se jgħinna biex il-​ħin li nqattgħu fi studju persunali jħalli effett dejjiemi f’moħħna u f’qalbna?

10 Dwar il-​bniedem hieni s-​salmista jkompli jgħid: “Fil-​liġi tal-​Mulej hi l-​għaxqa tiegħu, lejl u nhar [“jaqra minn taħt l-​ilsien,” NW] fil-​liġi tiegħu.” (Salm 1:2) Bħala l-​qaddejja t’Alla, aħna nsibu ‘l-​għaxqa tagħna fil-​liġi tal-​Mulej.’ Meta jkun possibbli, waqt perijodi taʼ studju persunali u meditazzjoni, aħna nistgħu naqraw “minn taħt l-​ilsien” u nisimgħu l-​kliem li naqraw. Jekk nagħmlu dan meta naqraw kwalunkwe parti mill-​Iskrittura niġu megħjunin biex dak li naqraw iħalli effett dejjiemi f’moħħna u f’qalbna.

11. Għala għandna naqraw il-​Bibbja “lejl u nhar”?

11 “L-​ilsir leali u diskret” iħeġġiġna naqraw il-​Bibbja kuljum. (Mattew 24:45, NW) Minħabba x-​xewqa qawwija li nsiru nafu aħjar il-​messaġġ t’Alla għall-​umanità, ikun tajjeb li naqraw il-​Bibbja “lejl u nhar”—iva, anki meta għal xi raġuni ma nkunux nistgħu norqdu. Pietru ħeġġiġna: “Bħal trabi tat-​twelid, ixxennqu għall-​ħalib safi, il-​ħalib tar-​ruħ [“tal-​kelma,” ], biex bih tikbru sa ma taslu għas-​salvazzjoni.” (1 Pietru 2:1, 2) Titgħaxxaq int bil-​qari tal-​Bibbja kuljum u bil-​meditazzjoni fuq il-​Kelma t’Alla u l-​iskopijiet tiegħu bil-​lejl? Is-​salmista hekk kien jagħmel.—Salm 63:7 (63:6, NW).

12. X’se nagħmlu jekk nitgħaxxqu bil-​liġi taʼ Jehovah?

12 Il-​ferħ etern tagħna jiddependi minn kemm nitgħaxxqu bil-​liġi t’Alla. Hija perfetta u ġusta, u hemm premju kbir għal min jgħix fi qbil magħha. (Salm 19:8-12 [19:7-11, NW]) Id-​dixxiplu Ġakbu kiteb: “Dak li jgħarbel sewwa l-​liġi perfetta tal-​ħelsien, u jżomm sħiħ magħha, ma jkunx wieħed li jismaʼ biss u jinsa, iżda jkun wieħed li jagħmilha; hieni dan fl-​għemil tiegħu.” (Ġakbu 1:25) Jekk aħna verament nitgħaxxqu bil-​liġi taʼ Jehovah, allura kuljum se nwarrbu l-​ħin biex nikkunsidraw l-​affarijiet spiritwali. Tabilħaqq, aħna se niġu mqanqlin biex ‘ngħarblu kollox, sa fil-​qiegħ taʼ Alla’ u nżommu l-​interessi tas-​Saltna l-​ewwel f’ħajjitna.—1 Korintin 2:10-13; Mattew 6:33.

“Hu bħal Siġra”

13-15. F’liema sens nistgħu nkunu bħal siġra mħawla ħdejn sors abbundanti taʼ ilma?

13 Is-​salmista jkompli jiddeskrivi bniedem sewwa u jgħid: “Hu bħal siġra mħawwla ħdejn nixxigħat taʼ l-​ilma li tagħmel il-​frott fi żmienha, u l-​weraq tagħha ma jidbielx; hu jirnexxi f’kull ma jagħmel.” (Salm 1:3) Bħall-​bnedmin imperfetti kollha, aħna li naqdu lil Jehovah ngħaddu minn diffikultajiet f’ħajjitna. (Ġob 14:1) Nistgħu nbatu minħabba l-​persekuzzjoni u diversi provi oħra konnessi mal-​fidi tagħna. (Mattew 5:10-12) Madankollu, bl-​għajnuna t’Alla jirnexxilna nifilħu għall-​provi, l-​istess bħalma siġra b’saħħitha tiflaħ għal irwiefen li jkunu qawwijin iktar mis-​soltu.

14 Siġra li tinżeraʼ fejn sors taʼ ilma li ma jieqaf qatt ma tinxifx f’temp sħun jew waqt xi nixfa. Jekk aħna wħud li nibżgħu minn Alla, is-​saħħa tagħna tiġi minn Sors li ma jieqaf qatt—Alla Jehovah. Pawlu kien idur lejn Alla għall-​għajnuna u setaʼ jgħid: “Għal kollox niflaħ bis-​saħħa taʼ dak [Jehovah] li jqawwini.” (Filippin 4:13) Meta niġu gwidati u sostnuti spiritwalment mill-​ispirtu qaddis taʼ Jehovah, aħna ma nidbilux, ma nsirux bla frott u mmutu spiritwalment. Aħna nagħmlu l-​frott fis-​servizz t’Alla u nuru wkoll il-​frott taʼ l-​ispirtu tiegħu.—Ġeremija 17:7, 8; Galatin 5:22, 23.

15 Billi juża l-​kelma Ebrajka li tiġi tradotta “bħal,” is-​salmista jagħmel tixbiha. Hu jxebbah żewġ affarijiet li huma differenti, għalkemm għandhom kwalità partikulari li hi l-​istess. Il-​bnedmin u s-​siġar huma differenti, imma l-​ġmiel taʼ siġra mħawla ħdejn sors abbundanti taʼ ilma milli jidher ifakkar lis-​salmista fil-​prosperità spiritwali taʼ min “fil-​liġi tal-​Mulej hi l-​għaxqa tiegħu.” Jekk aħna nitgħaxxqu bil-​liġi t’Alla, il-​jiem tagħna jistgħu jkunu numerużi bħal dawk taʼ siġra. Fil-​fatt nistgħu ngħixu għal dejjem.—Ġwanni 17:3.

16. Għala u b’liema mod ‘nirnexxu f’kulma nagħmlu’?

16 Hekk kif inkomplu nipprovaw ngħixu ħajja sewwa, Jehovah jgħinna nissaportu l-​provi u d-​diffikultajiet. Aħna nkunu henjin u nagħmlu l-​frott fis-​servizz t’Alla. (Mattew 13:23; Luqa 8:15) ‘Nirnexxu f’kull ma nagħmlu’ minħabba li l-​mira prinċipali tagħna hi li nagħmlu r-​rieda taʼ Jehovah. Peress li l-​iskopijiet tiegħu dejjem jirnexxu u aħna nsibu l-​għaxqa tagħna fil-​kmandamenti tiegħu, nimxu ’l quddiem spiritwalment. (Ġenesi 39:23; Ġożwè 1:7, 8; Isaija 55:11) Dan hu minnu anki meta niffaċċjaw l-​inkwiet.—Salm 112:1-3; 3 Ġwanni 2.

Il-​Ħżiena Donnhom Jirnexxu

17, 18. (a) Is-​salmista maʼ xiex ixebbah lill-​ħżiena? (b) Saħansitra jekk il-​ħżiena jirnexxu materjalment, għala m’għandhom ebda sigurtà dejjiema?

17 Kemm hi differenti l-​ħajja tal-​ħżiena minn dik tat-​tajbin! Il-​ħżiena jistgħu jidhru li qed jirnexxu materjalment għal xi żmien, imma huma mhux qed jirnexxu spiritwalment. Dan jidher ċar mill-​kliem li jkompli jgħid is-​salmista: “Mhux hekk il-​ħżiena, mhux hekk; iżda huma bħal tibna [“karfa,” NW] li jtajjarha r-​riħ. Għalhekk il-​ħżiena ma jifilħux għall-​ħaqq, ma joqogħdux il-​ħatja fil-​ġemgħat tat-​tajbin.” (Salm 1:4, 5) Innota li s-​salmista jgħid, “mhux hekk il-​ħżiena, mhux hekk.” Hu qed jgħid li l-​ħżiena m’humiex bħal dawk li josservaw il-​liġijiet t’Alla u li għadhom kif ġew imqabbla maʼ siġar li jagħmlu l-​frott u li jdumu ħajjin.

18 Anki jekk il-​ħżiena jirnexxu materjalment, huma m’għandhom ebda sigurtà dejjiema. (Salm 37:16; 73:3, 12) Huma bħar-​raġel għani u iblah li semma Ġesù fit-​tixbiha li ta, meta ntalab jagħmel deċiżjoni fi kwistjoni li kienet tinvolvi l-​wirt. Ġesù qal lil dawk li kienu preżenti: “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba, għax imqar jekk wieħed ikollu bir-​radam, ħajtu ma tiddependix mill-​ġid li jkollu.” Ġesù wera dan il-​punt billi qal li r-​rabaʼ taʼ ċertu raġel għani tant ipproduċa li hu ppjana biex iħott l-​imħażen li kellu u jibni oħrajn akbar ħalli jesgħu ġidu kollu. Imbagħad ir-​raġel kiel, xorob, u xxala. Imma Alla qallu: “Iblah li int! Dan il-​lejl stess jitolbuk ruħek lura. U l-​ħwejjeġ li ħejjejt għalik, taʼ min ikunu?” Biex jenfasizza l-​punt tiegħu, Ġesù kompla jżid: “Hekk jiġrilu min jiġmaʼ l-​ġid għalih innifsu bla ma jistagħna quddiem Alla.”—Luqa 12:13-21.

19, 20. (a) Iddeskrivi l-​proċess li kienu jużaw fl-​antik biex jidirsu u jderru. (b) Għala l-​ħżiena jitqabblu mal-​karfa?

19 Il-​ħżiena ma ‘jistagħnux quddiem Alla.’ Għalhekk, huma m’għandhomx sigurtà bħalma m’għandhiex sigurtà l-​karfa, il-​qoxra rqiqa tal-​qamħ. Fl-​antik, wara li jinħasad, il-​qamħ kien jittieħed fil-​qiegħa tad-​dris, post ċatt li ġeneralment kien ikun fl-​għoli. Hemmhekk il-​qamħ kien jiġi mfarrak u separat mill-​karfa permezz taʼ slitti miġbudin mill-​annimali u li minn taħt kien ikollhom snien jaqtgħu tal-​ġebel jew tal-​ħadid. Imbagħad, kienu jużaw il-​midra biex iderru t-​taħlita kollha, billi jiġbruha u jgħolluha fl-​arja kontra r-​riħ. (Isaija 30:24) Iż-​żerriegħa tal-​qamħ kienet taqaʼ lura fuq il-​qiegħa tad-​dris, waqt li ż-​żiffa kienet titfaʼ t-​tiben fil-​ġenb u ttajjar ’l hemm il-​karfa. (Rut 3:2) Wara li ż-​żerriegħa tal-​qamħ kienet tiġi mgħoddija minn għarbiel sabiex jitneħħa l-​ġebel żgħir u affarijiet oħra, kienet tkun lesta biex tiġi maħżuna jew mitħuna. (Luqa 22:31) Imma l-​karfa kienet tkun telqet kollha.

20 Bħalma ż-​żerriegħa tal-​qamħ kienet taqaʼ fl-​art u tiġi preservata waqt li l-​karfa kienet tittajjar mir-​riħ, hekk ukoll il-​ġusti se jibqgħu u l-​ħżiena jitneħħew. Għalhekk, żgur li aħna henjin minħabba li dawn l-​uħud li jagħmlu l-​ħażen dalwaqt se jispiċċaw għal dejjem. Ladarba dawn ikunu tneħħew min-​nofs, min jitgħaxxaq bil-​liġi taʼ Jehovah se jitbierek bil-​kbir. Tabilħaqq, il-​bnedmin ubbidjenti eventwalment se jirċievu r-​rigal t’Alla taʼ ħajja taʼ dejjem.—Mattew 25:34-36; Rumani 6:23.

“Triq it-​Tajbin” Imbierka

21. Kif inhu li Jehovah ‘jaf triq it-​tajbin’?

21 L-​ewwel salm jikkonkludi b’dan il-​kliem: “Għax triq it-​tajbin il-​Mulej jafha; imma triq il-​ħżiena tintemm fix-​xejn.” (Salm 1:6) Alla kif ‘jaf triq it-​tajbin’? Jekk aħna qed ngħixu ħajja ġusta, nistgħu nkunu ċerti li Missierna tas-​sema jinnota kif inħarsu l-​liġijiet tiegħu f’ħajjitna u jqisna bħala l-​qaddejja approvati tiegħu. Min-​naħa tagħna, aħna nistgħu u għandna nitfgħu l-​ansjetà kollha tagħna fuqu bil-​konvinzjoni li hu tassew jimpurtah minna.—Eżekjel 34:11; 1 Pietru 5:6, 7.

22, 23. X’se jiġrilhom il-​ħżiena u t-​tajbin?

22 “Triq it-​tajbin” se tibqaʼ għal dejjem, imma l-​ħżiena li ma jridux jaġġustaw ruħhom se jinqerdu minħabba l-​kundanna taʼ Jehovah. U t-​“triq” tagħhom, jew il-​mod kif jgħixu ħajjithom, se tintemm magħhom. Jistaʼ jkollna fiduċja fit-​twettiq taʼ kliem David: “Ftit ieħor, u l-​ħażin ma jkunx aktar; għad tħares fejn kien u ma ssibux. Imma l-​ġwejdin għad jirtu l-​art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu. Il-​ġusti jirtu l-​art, u jgħammru fiha għal dejjem.”—Salm 37:10, 11, 29.

23 X’ferħ se nesperjenzaw jekk ikollna l-​privileġġ li ngħixu f’ġenna taʼ l-​art meta l-​ħżiena mhux se jibqgħu jeżistu! Il-​ġwejdin u t-​tajbin imbagħad se jgawdu paċi vera għaliex se jitgħaxxqu bil-​“liġi tal-​Mulej” għal dejjem. Madankollu, qabel ma dan iseħħ, irid jitwettaq “id-​digriet tal-​Mulej.” (Salm 2:7a) L-​artiklu li jmiss se jgħinna naraw x’inhu dan id-​digriet u x’se jkun ifisser għalina u għall-​bnedmin kollha.

Int Kif Twieġeb?

• Individwu li josserva l-​liġijiet t’Alla għala hu hieni?

• X’juri li aħna nitgħaxxqu bil-​liġi taʼ Jehovah?

• Individwu kif jistaʼ jkun bħal siġra msoqqija sew?

• Triq it-​tajbin kif inhi differenti minn triq il-​ħżiena?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 11]

It-​talb se jgħinna nevitaw is-​sħubija mal-​ħżiena

[Stampa f’paġna 12]

Individwu tajjeb b’liema mod hu bħal siġra?