Gwida Għaqlija għall-Miżżewġin
Gwida Għaqlija għall-Miżżewġin
“In-nisa ħa jkunu sottomessi lejn żwieġhom bħallikieku lejn il-Mulej. Irġiel, komplu ħobbu lin-nisa tagħkom.”—Efesin 5:22, 25.
1. Liema hi l-ħarsa xierqa lejn iż-żwieġ?
ĠESÙ qal li fiż-żwieġ Alla jgħaqqad raġel u mara biex ikunu “ġisem wieħed.” (Mattew 19:5, 6) Dan jinvolvi li tnejn min-nies b’personalitajiet differenti jitgħallmu jiżviluppaw interessi komuni u jaħdmu flimkien għall-istess miri. Iż-żwieġ hu rabta għall-ħajja kollha, mhux xi ftehim taċ-ċajt li jistaʼ jiġi abbandunat faċilment. F’ħafna pajjiżi, id-divorzju m’huwiex diffiċli biex jinkiseb, imma mill-ħarsa taʼ Kristjan, iż-żwieġ hu qaddis. Dan l-arranġament jispiċċa biss minħabba raġuni serja ħafna.—Mattew 19:9.
2. (a) X’għajnuna hemm disponibbli għall-koppji miżżewġin? (b) Għala hu importanti li nistinkaw biex iż-żwieġ tagħna jirnexxi?
2 Wieħed li jagħti l-pariri dwar iż-żwieġ qal: “Żwieġ tajjeb hu proċess taʼ bidla kontinwa hekk kif jirrifletti kwistjonijiet ġodda, ikampa mal-problemi li jqumu, u juża r-riżorsi disponibbli f’kull fażi tal-ħajja.” Għall-imseħbin Kristjani, dawn ir-riżorsi jinkludu pariri għaqlin mill-Bibbja, għajnuna minn sħabhom il-Kristjani, u relazzjoni mill-qrib u bit-talb maʼ Ġeħova. Żwieġ li jirnexxi jibqaʼ sħiħ minkejja d-diffikultajiet, u matul is-snin, lir-raġel u l-mara jġibilhom il-ferħ u l-kuntentizza. Iktar importanti minn hekk, iġib unur lil Alla Ġeħova, l-Oriġinatur taż-żwieġ.—Ġenesi 2:18, 21-24; 1 Korintin 10:31; Efesin 3:15; 1 Tessalonikin 5:17.
Imita lil Ġesù u lill-Kongregazzjoni Tiegħu
3. (a) Spjega fil-qosor x’kien il-parir taʼ Pawlu lill-koppji miżżewġin. (b) Ġesù liema eżempju mill-aqwa ħallielna?
3 Elfejn sena ilu, l-appostlu Pawlu ta parir għaqli lill-koppji Kristjani meta kiteb: “Bħalma l-kongregazzjoni hi sottomessa lejn il-Kristu, hekk ukoll in-nisa għandhom ikunu sottomessi lejn żwieġhom f’kollox. Irġiel, komplu ħobbu lin-nisa tagħkom, bħalma l-Kristu wkoll ħabb lill-kongregazzjoni u ta lilu nnifsu għaliha.” (Efesin 5:24, 25) X’paraguni mill-aqwa għandna hawnhekk! In-nisa Kristjani li jibqgħu sottomessi bl-umiltà lejn żwieġhom jimitaw il-kongregazzjoni meta jirrikonoxxu u josservaw il-prinċipju taʼ l-istat taʼ kap. L-irġiel li jemmnu u li jkomplu jħobbu lin-nisa tagħhom, sew jekk fi żminijiet tajbin u sew jekk fi żminijiet diffiċli, juru li jimxu mill-qrib fuq l-eżempju taʼ Kristu fil-mod kif iħobb lill-kongregazzjoni u jieħu ħsiebha.
4. L-irġiel miżżewġin kif jistgħu jsegwu l-eżempju taʼ Ġesù?
4 L-irġiel Kristjani huma l-kapijiet tal-familji tagħhom, imma huma wkoll għandhom kap, lil Ġesù. (1 Korintin 11:3) Għalhekk, bħalma Ġesù ħa ħsieb il-kongregazzjoni tiegħu, hekk ukoll għandhom l-irġiel miżżewġin jieħdu ħsieb il-familji tagħhom bl-imħabba kemm spiritwalment kif ukoll fiżikament, saħansitra jekk ikun hemm bżonn sagrifiċċju persunali. Huma jpoġġu l-kuntentizza tal-familja tagħhom qabel ix-xewqat u l-preferenzi tagħhom. Ġesù qal: “Kulma tridu li l-bnedmin jagħmlulkom, intom tridu tagħmluh lilhom ukoll.” (Mattew 7:12) Il-prinċipju japplika b’mod speċjali fiż-żwieġ. Pawlu wera dan meta qal: “L-irġiel . . . għandhom iħobbu lin-nisa tagħhom, bħal ġisimhom stess. . . . Ebda bniedem qatt ma bagħad lil ġismu stess; imma jitimgħu u jgħożżu.” (Efesin 5:28, 29) Raġel għandu jitmaʼ u jgħożż lil martu bl-istess ħerqa li jitmaʼ u jgħożż lilu nnifsu.
5. Kif jistgħu n-nisa miżżewġin jimitaw il-kongregazzjoni Kristjana?
5 Nisa miżżewġin devoti lejn Alla jħarsu lejn il-kongregazzjoni Kristjana bħala eżempju. Meta Ġesù kien fuq l-art, is-segwaċi tiegħu abbandunaw minn qalbhom dak li kienu jagħmlu qabel u segwewh. Wara mewtu, huma baqgħu sottomessi lejh, u matul kważi dawn l-aħħar 2,000 sena, il-kongregazzjoni Kristjana vera baqgħet sottomessa lejn Ġesù u segwiet it-tmexxija tiegħu f’kollox. In-nisa Kristjani bl-istess mod ma jistmerrux lil żwieġhom jew jipprovaw inaqqsu l-importanza taʼ l-arranġament Skritturali taʼ l-istat taʼ kap fiż-żwieġ. Minflok, huma jappoġġaw lil żwieġhom u huma sottomessi lejhom, jikkooperaw magħhom, u għalhekk jinkuraġġuhom. Meta kemm ir-raġel u kemm il-mara jaġixxu b’mod daqshekk taʼ mħabba, iż-żwieġ tagħhom tassew se jirnexxi u t-tnejn li huma se jsibu l-ferħ f’din ir-relazzjoni.
Komplu Għammru Magħhom
6. L-appostlu Pietru liema parir ta lill-irġiel miżżewġin, u għala hu importanti?
6 L-appostlu Pietru wkoll kellu parir għall-koppji miżżewġin, u l-kliem tiegħu lill-irġiel miżżewġin kien tassew qawwi. Hu qal: “Komplu għammru man-nisa tagħkom skond l-għarfien, billi tonoraw lill-mara bħala reċipjent iktar dgħajjef, ladarba intom ukoll werrieta magħhom tal-favur mhux mistħoqq tal-ħajja, sabiex ma jkunx hemm tfixkil għat-talb tagħkom.” (1 Pietru 3:7) Nistgħu naraw kemm hu serju l-kliem taʼ Pietru minn dak li qal fl-aħħar tal-vers. Jekk raġel jonqos li jonora lil martu, ir-relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova se tiġi effettwata. It-talb tiegħu se jiġi mfixkel.
7. Raġel kif għandu jonora lil martu?
7 Allura, l-irġiel kif jistgħu jonoraw lin-nisa tagħhom? Biex dak li jkun jonora lil martu jrid jittrattaha bl-imħabba, bir-rispett, u bid-dinjità. Għal ħafna, li wieħed jittratta lil martu b’qalb tajba bħal din setaʼ deher xi ħaġa stramba. Wieħed studjuż Grieg jikteb: “Fil-liġi Rumana l-mara ma kellha ebda dritt. Għal-liġi hi kienet tibqaʼ dejjem tifla. . . . Hi kienet sottomessa għalkollox lejn żewġha, u kompletament taħt il-kontroll tiegħu.” X’kuntrast mat-tagħlim Kristjan! Ir-raġel Kristjan kien jonora lil martu. Il-mod kif jittrattaha kien kontrollat minn prinċipji Kristjani, mhux minn xewqat persunali taʼ dak il-ħin. Iktar minn hekk, hu kien jieħu ħsiebha “skond l-għarfien,” waqt li jiftakar li hi reċipjent iktar dgħajjef.
B’Liema Mod “Reċipjent Iktar Dgħajjef”?
8, 9. B’liema mod huma n-nisa daqs l-irġiel?
8 Meta kien qed jgħid li l-mara hi “reċipjent iktar dgħajjef,” Pietru ma kienx qed ifisser li n-nisa huma iktar dgħajfa mill-irġiel fl-intelliġenza jew spiritwalment. Veru, ħafna rġiel Kristjani għandhom privileġġi fil-kongregazzjoni li n-nisa ma jistennewx li jkollhom, u fil-familja n-nisa huma sottomessi lejn żwieġhom. (1 Korintin 14:35; 1 Timotju 2:12) Minkejja dan, l-istess fidi, sabar, u livelli morali għoljin huma meħtieġa minn kulħadd, kemm irġiel kif ukoll nisa. U bħalma qal Pietru, kemm ir-raġel u kemm il-mara huma “werrieta . . . tal-favur mhux mistħoqq tal-ħajja.” U fejn tidħol is-salvazzjoni, huma ugwali quddiem Alla Ġeħova. (Galatin 3:28) Pietru kien qed jikteb lill-Kristjani midlukin taʼ l-ewwel seklu. Għalhekk, kliemu fakkar lill-irġiel Kristjani li bħala “werrieta bi sħab maʼ Kristu,” huma u n-nisa tagħhom kellhom l-istess tama tas-sema. (Rumani 8:17) Xi darba, ilkoll kienu se jaqdu bħala qassisin u slaten fis-Saltna tas-sema t’Alla!—Rivelazzjoni 5:10.
9 In-nisa Kristjani midlukin bl-ebda mod ma kienu inferjuri għal żwieġhom li kienu Kristjani midlukin. U bħala prinċipju, l-istess għadu jgħodd illum għal dawk li għandhom it-tama taʼ l-art. Kemm l-irġiel u kemm in-nisa tal-“folla kbira” jaħslu lbieshom u jagħmluhom bojod fid-demm tal-Ħaruf. Kemm l-irġiel u kemm in-nisa jieħdu sehem fl-għajta taʼ tifħir li qed issir “lejl u nhar” lil Ġeħova madwar id-dinja. (Rivelazzjoni 7:9, 10, 14, 15) Kemm l-irġiel u kemm in-nisa jħarsu ’l quddiem biex igawdu “l-libertà glorjuża taʼ wlied Alla” meta se jkunu jistgħu jgawdu l-“ħajja vera.” (Rumani 8:21; 1 Timotju 6:19) Kemm jekk huma mill-midlukin u kemm jekk huma min-nagħaġ oħra, il-Kristjani kollha jaqdu lil Ġeħova flimkien bħala “merħla waħda” taħt “ragħaj wieħed.” (Ġwanni 10:16) Kemm għandu dan iqanqal lill-irġiel u n-nisa Kristjani miżżewġin biex jonoraw lil xulxin kif suppost!
10. In-nisa f’liema sens huma ‘reċipjenti iktar dgħajfin’?
10 Allura, b’liema mod huma n-nisa reċipjenti ‘iktar dgħajfin’? Forsi Pietru kien qed jirreferi għall-fatt li ġeneralment in-nisa jkunu magħmulin iżgħar u jkollhom inqas saħħa fiżika mill-irġiel. Barra minn hekk, minħabba l-imperfezzjoni, il-privileġġ meraviljuż li għandhom in-nisa biex ikollhom it-tfal iħalli fuqhom effetti fiżiċi taʼ wġigħ. In-nisa li jkunu fl-età li jistaʼ jkollhom it-tfal jistgħu jsofru regolarment uġigħ fiżiku. Żgur li għandhom bżonn konsiderazzjoni u attenzjoni speċjali meta jgħaddu minn dan l-uġigħ jew jissaportu l-provi li jkidduhom taʼ li jkunu tqal u jildu t-tfal. Raġel li jonora lil martu, billi jkun konxju li għandha bżonn l-appoġġ emozzjonali, se jikkontribwixxi ħafna biex iż-żwieġ jirnexxi.
F’Dar Maqsuma Reliġjożament
11. F’liema sens jistaʼ żwieġ jirnexxi saħansitra jekk raġel u mara għandhom twemmin differenti?
11 Iżda xi ngħidu jekk l-imseħbin għandhom ħarsa differenti dwar ir-reliġjon, għaliex xi ħadd minnhom aċċetta l-verità Kristjana xi żmien wara li jkunu żżewġu u l-ieħor m’aċċettahiex? Jistaʼ żwieġ bħal dan jirnexxi? L-esperjenza taʼ ħafna twieġeb b’mod pożittiv. Raġel u mara li jkollhom ħarsa reliġjuża differenti xorta jistgħu jirnexxu fiż-żwieġ fis-sens li dan jistaʼ jibqaʼ sħiħ u jġibilhom ferħ it-tnejn. Barra minn hekk, iż-żwieġ għadu jgħodd f’għajnejn Ġeħova; huma għadhom “ġisem wieħed.” Għalhekk, l-imseħbin Kristjani jingħataw il-parir biex jibqgħu mas-sieħeb li ma jkunx jemmen jekk dan ikun irid jibqaʼ. Jekk hemm it-tfal involuti, huma jibbenefikaw minn din il-lealtà taʼ ġenitur Kristjan.—1 Korintin 7:12-14.
12, 13. Fi qbil mal-parir taʼ Pietru, kif jistgħu n-nisa Kristjani jgħinu lil żwieġhom li ma jemmnux?
12 Pietru ta parir b’qalb tajba lin-nisa Kristjani li jgħixu fi djar maqsumin reliġjożament. Il-prinċipju taʼ kliemu jistaʼ japplika wkoll għall-irġiel Kristjani li jkunu fl-istess sitwazzjoni. Pietru jikteb: “Intom in-nisa, kunu sottomessi lejn żwieġkom, sabiex, jekk xi wħud ma jkunux ubbidjenti lejn il-kelma, dawn jintrebħu mingħajr ebda kelma permezz tal-kondotta tan-nisa tagħhom, għax ikunu raw b’għajnejhom stess il-kondotta safja tagħkom flimkien mar-rispett profond.”—1 Pietru 3:1, 2.
13 Jekk mara tistaʼ bit-tattika tispjega ttwemmin tagħha lil żewġha, dan hu tajjeb. Imma xi ngħidu jekk ma jkunx irid jismaʼ? L-għażla hi f’idejh. Xorta waħda, ma jintilifx kollox, ladarba l-imġiba Kristjana wkoll tagħti xiehda qawwija. Ħafna rġiel li għall-ewwel ma kinux interessati jew saħansitra kienu jopponu l-fidi tan-nisa tagħhom inbidlu u kellhom “attitudni xierqa lejn il-ħajja taʼ dejjem” wara li raw l-imġiba mill-aqwa tan-nisa tagħhom. (Atti 13:48) Anki jekk ir-raġel ma jaċċettax il-verità Kristjana, hu għandu mnejn jiġi effettwat b’mod pożittiv mill-imġiba taʼ martu, u għalhekk ikun hemm riżultati tajbin fiż-żwieġ. Wieħed raġel li għandu l-mara Xhud taʼ Ġeħova ammetta li qatt ma jistaʼ jgħix skond il-livelli għoljin tagħha. Xorta waħda, hu sejjaħ lilu nnifsu “r-raġel kuntent taʼ mara ħelwa” u faħħar minn qalbu lilha u lil sħabha x-Xhieda f’ittra li bagħat lill-gazzetta.
14. L-irġiel kif jistgħu jgħinu lin-nisa tagħhom li ma jemmnux?
14 Bl-istess mod, l-irġiel Kristjani li applikaw il-prinċipji tal-kliem taʼ Pietru rebħu lin-nisa tagħhom permezz taʼ l-imġiba tagħhom. In-nisa li ma jemmnux innotaw li żwieġhom saru iktar responsabbli, billi ma baqgħux jaħlu l-flus fis-sigaretti, ix-xorb, u l-logħob, u ma baqgħux jużaw kliem insolenti. Xi wħud minn dawn in-nisa ltaqgħu maʼ membri oħra tal-kongregazzjoni Kristjana. Huma baqgħu impressjonati mill-imħabba tal-fratellanza Kristjana, u dak li raw fost l-aħwa ġibidhom lejn Ġeħova.—Ġwanni 13:34, 35.
“Il-Persuna minn Ġewwa, fil-Qalb”
15, 16. B’liema mġiba tistaʼ mara Kristjana tirbaħ lir-raġel tagħha li ma jemminx?
15 Liema mġiba tistaʼ tirbaħ lir-raġel? Tabilħaqq, hija l-imġiba li tiġi kultivata b’mod naturali min-nisa Kristjani. Pietru jgħid: “Tħallux it-tiżjin tagħkom ikun dak minn barra, l-immaljar tax-xagħar u l-ilbis t’ornamenti tad-deheb jew taʼ ħwejjeġ, imma ħa jkun dak tal-persuna minn ġewwa, fil-qalb, imżejna bi spirtu kwiet u ġwejjed li ma jitħassarx u li hu taʼ valur kbir f’għajnejn Alla. Għax hekk ukoll qabel kienu jiżżejnu n-nisa qaddisa li kienu jittamaw f’Alla, billi jissottomettu ruħhom lejn żwieġhom, bħalma Sara kienet tobdi lil Abraham u ssejjaħlu ‘sidi.’ U intom sirtu wliedha, dment li tibqgħu tagħmlu t-tajjeb u ma tibżgħu minn ebda twerwir.”—1 Pietru 3:3-6.
16 Pietru jagħti l-parir lill-mara Kristjana biex ma tistrieħx fuq id-dehra taʼ barra. Minflok, hi għandha tħalli lil żewġha jagħraf l-effett li t-tagħlim tal-Bibbja għandu fuq il-persuna tagħha minn ġewwa. Għandha tħallih jara ċar li l-personalità l-ġdida qed taħdem fiha. Forsi se jinduna kemm hi differenti mill-personalità l-qadima li kellha martu. (Efesin 4:22-24) Hu żgur se jsib li l-“ispirtu kwiet u ġwejjed” tagħha se jserrħu u jiġbdu lejha. Spirtu bħal dan mhux biss jogħġob lil żewġha imma “hu taʼ valur kbir f’għajnejn Alla.”—Kolossin 3:12.
17. Sara kif inhi eżempju mill-aqwa għal mara Kristjana?
17 Sara tissemma bħala eżempju, u hi tassew eżempju taʼ min jinnotah għal mara Kristjana miżżewġa, kemm jekk żewġha hu wieħed li jemmen u kemm jekk le. Sara ma kellhiex l-iċken dubju li Abraham kien il-kap tagħha. Saħansitra f’qalbha, hi kienet issejjaħlu “sidi.” (Ġenesi 18:12) Però, dan il-fatt ma kienx ibaxxiha. Jidher ċar li hi kienet mara b’saħħitha spiritwalment li kellha fidi soda f’Ġeħova. Tabilħaqq, hi tagħmel parti mis-“sħaba hekk kbira taʼ xhieda” li l-eżempju tal-fidi tagħhom għandu jqanqalna “niġru bis-sabar it-tiġrija li tqiegħdet quddiemna.” (Ebrej 11:11; 12:1) Mara Kristjana ma tkunx qed tnaqqas ir-rispett lejha nfisha meta tkun bħal Sara.
18. Liema prinċipji għandu jżomm f’moħħu min ikun f’dar maqsuma?
18 F’dar maqsuma reliġjożament, ir-raġel xorta għadu l-kap. Jekk hu wieħed li jemmen, hu se jirrispetta t-twemmin taʼ martu waqt li ma jagħmilx kompromess fil-fidi tiegħu stess. Jekk il-mara hi waħda li temmen, hi wkoll m’hijiex se tagħmel kompromess fejn tidħol il-fidi tagħha. (Atti 5:29) Xorta waħda, hi mhix se tisfida l-istat taʼ kap taʼ żewġha. Hi se tonora l-pożizzjoni tiegħu u se tibqaʼ taħt “il-liġi taʼ żewġha.”—Rumani 7:2.
Il-Gwida Għaqlija tal-Bibbja
19. Liema huma xi pressjonijiet li jagħmlu l-ħsara lir-rabta taż-żwieġ, imma kif jistgħu jingħelbu dawn il-pressjonijiet?
19 Illum, hemm ħafna affarijiet li jistgħu jagħmlu l-ħsara lir-rabta taż-żwieġ. Xi rġiel jonqsu li jġorru r-responsabbiltajiet tagħhom. Xi nisa ma jkunux iridu jaċċettaw l-istat taʼ kap taʼ żwieġhom. F’ċerti żwiġijiet, xi ħadd mill-imseħbin jiġi abbużat mill-ieħor. Għall-Kristjani, l-istress ekonomiku, l-imperfezzjoni umana, u l-ispirtu tad-dinja bl-immoralità u s-sens mgħawweġ tal-valuri jistgħu jġarrbu l-lealtajiet tiegħu. Xorta waħda, l-irġiel u n-nisa Kristjani li jsegwu l-prinċipji tal-Bibbja, hi x’inhi s-sitwazzjoni li jinsabu fiha, se jiġu mberkin minn Ġeħova. Anki jekk sieħeb wieħed biss fiż-żwieġ japplika l-prinċipji tal-Bibbja, l-affarijiet ikunu aħjar milli kieku ħadd minnhom ma japplikahom. Iktar minn hekk, Ġeħova jħobb u jappoġġa lill-qaddejja tiegħu li jibqgħu leali lejn il-wegħdi taż-żwieġ tagħhom saħansitra meta s-sitwazzjoni tkun diffiċli. Hu ma jinsiex il-lealtà tagħhom.—Salm 18:26 (18:25, NW); Ebrej 6:10; 1 Pietru 3:12.
20. Pietru liema parir jagħti lill-Kristjani kollha?
20 Wara li ta l-parir lill-irġiel u n-nisa miżżewġin, l-appostlu Pietru kkonkluda bi kliem inkuraġġanti u kollu mħabba. Hu qal: “Fl-aħħarnett, intom ilkoll kunu fehma waħda, billi tħossu għal xulxin, turu affezzjoni lejn l-aħwa, tagħdru b’tenerezza, tkunu umli, u tpattux ħsara bi ħsara jew tgħajjir b’tgħajjir, imma, għall-kuntrarju, bierku, għax għal dan kontu msejħin, sabiex tkunu tistgħu tirtu barka.” (1 Pietru 3:8, 9) Parir għaqli tabilħaqq għal kulħadd, speċjalment għall-miżżewġin!
Tiftakar Int?
• L-irġiel Kristjani miżżewġin kif jimitaw lil Ġesù?
• In-nisa Kristjani miżżewġin kif jimitaw lill-kongregazzjoni?
• L-irġiel b’liema mod jistgħu jonoraw lin-nisa tagħhom?
• Liema hi l-aħjar imġiba għal mara Kristjana li żewġha ma jkunx wieħed li jemmen?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 16]
Raġel Kristjan iħobb u jieħu ħsieb lil martu
Mara Kristjana tirrispetta u tonora lil żewġha
[Stampa f’paġna 17]
Kuntrarju għal-liġi Rumana, it-tagħlim Kristjan jeħtieġ li r-raġel jonora lil martu
[Stampa f’paġna 18]
Kemm l-irġiel u kemm in-nisa tal-“folla kbira” jħarsu ’l quddiem lejn il-ħajja taʼ dejjem f’Ġenna taʼ l-art
[Stampa f’paġna 20]
Sara kienet tħares lejn Abraham bħala sidha