Iż-Żwieġ Jistaʼ Jirnexxi fid-Dinja taʼ Llum
Iż-Żwieġ Jistaʼ Jirnexxi fid-Dinja taʼ Llum
“Ilbsu l-imħabba, għax hi rabta perfetta li tgħaqqad.”—Kolossin 3:14.
1, 2. (a) Liema fatt hu inkuraġġanti dwar il-kongregazzjoni Kristjana? (b) Kif ikun żwieġ li jirnexxi?
META nħarsu lejn il-kongregazzjoni Kristjana, ma jqawwilniex qalbna li naraw tant koppji miżżewġin li ilhom leali lejn xulxin għal 10, 20, 30 sena jew saħansitra iktar? Huma baqgħu maʼ l-imseħbin tagħhom fit-tajjeb u l-ħażin.—Ġenesi 2:24.
2 Ħafna jammettu li ż-żwieġ tagħhom ma kienx mingħajr sfidi. Osservatur wieħed kiteb: “Iż-żwiġijiet hienja m’humiex mingħajr problemi. Ikollhom żminijiet tajbin u żminijiet ħżiena . . . Imma b’xi mod . . . nies henjin fiż-żwieġ tagħhom baqgħu miżżewġin minkejja t-[taqlib] tal-ħajja moderna.” Koppji li rnexxew tgħallmu jkampaw mat-taqlib u l-kriżijiet li jiġu żgur minħabba l-pressjonijiet tal-ħajja, speċjalment jekk rabbew it-tfal. L-esperjenza għallmet lil dawn il-koppji li l-imħabba vera “ma tbatti qatt.”—1 Korintin 13:8.
3. L-istatistiki x’jindikaw dwar iż-żwieġ u d-divorzju, u dan iqajjem liema mistoqsijiet?
3 B’kuntrast, miljuni taʼ żwiġijiet tkissru. Rapport wieħed jgħid: “Nofs iż-żwiġijiet Amerikani llum huma mistennijin li jispiċċaw f’divorzju. U nofs dawk [id-divorzji] se jseħħu [qabel jgħaddu l-ewwel tmien] snin taż-żwieġ . . . Fost il-75 fil-mija min-nies li jerġgħu jiżżewġu, 60 fil-mija se jerġgħu jiddivorzjaw.” Anki pajjiżi li qabel kellhom rata tad-divorzju baxxa meta mqabbla maʼ dik taʼ pajjiżi oħra issa qed jaraw bidla. Per eżempju, fil-Ġappun ir-rata tad-divorzju kważi rdoppjat f’dawn l-aħħar snin. Liema huma xi wħud mill-pressjonijiet li wasslu għal din is-sitwazzjoni, pressjonijiet li kultant jeffettwaw saħansitra lill-membri tal-kongregazzjoni Kristjana? X’hemm bżonn biex iż-żwieġ jirnexxi minkejja l-isforzi taʼ Satana biex idgħajjef dan l-arranġament?
Perikli li Għandek Tevita
4. Liema huma xi fatturi li jistgħu jdgħajfu ż-żwieġ?
4 Il-Kelma t’Alla tgħinna nifhmu l-fatturi li jistgħu jdgħajfu ż-żwieġ. Ikkunsidra, per eżempju, il-kliem taʼ l-appostlu Pawlu dwar il-kundizzjonijiet li kellhom jeżistu f’dawn l-aħħar jiem: “Fl-aħħar jiem ikun hawn żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom. Għax in-nies ikunu jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-flus, minfuħin bihom infushom, suppervi, midgħija, diżubbidjenti lejn il-ġenituri, ingrati, żleali, mingħajr imħabba naturali, ma jkunux iridu jiftiehmu, kalunnjaturi, mingħajr rażna, feroċi, mingħajr imħabba għat-tajjeb, tradituri, rashom iebsa, imkabbrin, iħobbu l-pjaċiri minflok ma jħobbu lil Alla, ikollhom għamla taʼ devozzjoni lejn Alla imma ma jurux bil-fatti l-qawwa tagħha; nies bħal dawn aħrabhom.”—2 Timotju 3:1-5.
5. Għala min ‘iħobb lilu nnifsu’ jkun qed jhedded iż-żwieġ tiegħu, u x’inhu l-parir tal-Bibbja dwar dan?
5 Meta neżaminaw il-kliem taʼ Pawlu, naraw li ħafna mill-affarijiet li semma jistgħu jikkontribwixxu għat-tkissir tar-relazzjoni bejn il-miżżewġin. Per eżempju, dawk li “jħobbu lilhom infushom” huma egoisti u ma jurux konsiderazzjoni lejn l-oħrajn. L-irġiel jew nisa li jħobbu biss lilhom infushom huma determinati li tgħaddi tagħhom. M’humiex flessibbli, ma jċedux. Tistaʼ attitudni bħal din tgħin biex iż-żwieġ ikun hieni? Lanqas xejn. L-appostlu Pawlu b’mod għaqli ta l-parir lill-Kristjani, inkluż il-koppji miżżewġin: “[Ma għandkom tkunu qed] tagħmlu xejn bi ġlied jew bi kburija, imma b’umiltà tqisu lill-oħrajn superjuri għalikom. Tfittxux l-interessi persunali tagħkom biss, imma wkoll l-interessi persunali taʼ l-oħrajn.”—Filippin 2:3, 4.
6. Kif tistaʼ l-imħabba għall-flus iddgħajjef ir-relazzjoni bejn il-miżżewġin?
6 L-imħabba għall-flus tistaʼ tifred lir-raġel u l-mara. Pawlu wissa: “Dawk li huma determinati li jsiru għonja jaqgħu f’tentazzjoni u f’nassa u f’ħafna xewqat bla sens li jwasslu għall-ħsara u li jixħtu lill-bnedmin f’qerda u f’rovina. Għax l-imħabba għall-flus hi l-għerq taʼ kull tip taʼ ħsara u, billi rawmu din l-imħabba, xi wħud ġew żvijati mill-fidi u ferew lilhom infushom b’ħafna weġgħat.” (1 Timotju 6:9, 10) B’dispjaċir, it-twissija taʼ Pawlu qed isseħħ f’ħafna żwiġijiet illum. Minħabba li jfittxu l-għana, ħafna mseħbin fiż-żwieġ jinjoraw il-bżonnijiet tal-parti l-oħra, inkluż il-bżonn bażiku għal appoġġ emozzjonali u sħubija regulari kollha mħabba.
7. F’ċerti każi, x’wassal għan-nuqqas taʼ lealtà fiż-żwieġ?
7 Pawlu qal ukoll li xi wħud fl-aħħar jiem kienu se jkunu “żleali, mingħajr imħabba naturali, ma jkunux iridu jiftiehmu.” Il-wegħda taż-żwieġ hija waħda solenni li għandha twassal għal rabta permanenti, mhux għal tradiment. (Malakija 2:14-16) Però, xi wħud bdew jagħtu l-attenzjoni romantika tagħhom lil individwi oħrajn li m’humiex l-imseħbin tagħhom fiż-żwieġ. Mara miżżewġa li għandha fuq it-30 sena u li żewġha telaqha spjegat li anki qabel telaqha hu kien jaġixxi maʼ nisa oħra b’mod familjari żżejjed u b’affezzjoni żejda. Hu naqas li jirrikonoxxi li l-imġiba tiegħu ma kinitx xierqa għal raġel miżżewweġ. Hi ħassitha mweġġgħa ħafna meta rat x’kien qed jiġri u bit-tattika pprovat twissih dwar il-perikli tat-triq li kien qabad. Xorta waħda, hu għamel adulterju. Avolja ngħatawlu twissijiet b’qalb tajba, dak is-sieħeb li għamel il-ħażin ma riedx jagħti kas. Hu malajr waqaʼ fin-nasba.—Proverbji 6:27-29.
8. X’jistaʼ jwassal għall-adulterju?
8 Kemm tagħti twissija ċara l-Bibbja kontra l-adulterju! “Hekk min jiżni hu bniedem bla moħħ, jeqred lilu nnifsu min jagħmel hekk.” (Proverbji 6:32) Ġeneralment, l-adulterju ma jkunx spontanju, għemil taʼ dak il-ħin. Bħalma semma Ġakbu, wieħed mill-kittieba tal-Bibbja, dnub bħall-adulterju ġeneralment isir biss wara li dak li jkun jaħseb fih u jibqaʼ jaħseb fuq li jwettqu. (Ġakbu 1:14, 15) L-imseħbin li jagħmlu dan, bil-mod il-mod ma jibqgħux leali lejn il-parti l-oħra li jkunu wegħdulha l-lealtà tagħhom għal ħajjithom kollha. Ġesù qal: “Smajtu li ntqal, ‘Tagħmilx adulterju.’ Imma jien ngħidilkom li kulmin jibqaʼ jħares lejn mara biex jixtieqha jkun diġà għamel adulterju magħha f’qalbu.”—Mattew 5:27, 28.
9. Liema parir għaqli nsibu fi Proverbji 5:18-20?
9 Għalhekk, il-ktieb taʼ Proverbji jinkuraġġixxi t-triq għaqlija u leali: “Tkun imbierka l-għajn tiegħek, mart żgħożitek! Ifraħ biha. Hi bħal ċerva għażiża, bħal għażżiela ħelwa. Jimliek dejjem bl-għaxqa ż-żegħil tagħha, issaħħrek bla heda mħabbitha. Għaliex tiġġennen, ibni, wara mara oħra, u tħaddan miegħek mara żienja?”—Proverbji 5:18-20.
Tgħaġġilx biex Tiżżewweġ
10. Għala hu għaqli li nieħdu l-ħin biex insiru nafu lis-sieħeb jew is-sieħba tagħna tal-futur?
10 Il-problemi fiż-żwieġ jistgħu jinqalgħu meta koppja tiżżewweġ malajr malajr. Huma forsi jkunu għadhom żgħar wisq u bla esperjenza. Jew forsi ma jiħdux iż-żmien biex isiru jafu lil xulxin—dak li jogħġobhom u ma jogħġobhomx, il-miri taʼ ħajjithom, u l-isfond tal-familja. Huwa għaqli li tkun paċenzjuż u tieħu ż-żmien biex issir taf is-sieħeb jew is-sieħba tal-futur tiegħek. Aħseb dwar Ġakobb, bin Iżakk. Hu kellu jaħdem għal dak li kien se jsir il-kunjatu tiegħu sebaʼ snin sħaħ qabel ma setaʼ jiżżewweġ lil Rakel. Hu kien lest jagħmel dan għaliex is-sentimenti tiegħu kienu bbażati fuq l-imħabba vera, mhux sempliċement fuq l-attrazzjoni fiżika.—Ġenesi 29:20-30.
11. (a) X’tgħaqqad flimkien ir-rabta taż-żwieġ? (b) Għala hu importanti li fiż-żwieġ il-kliem jintuża bl-għaqal?
11 Iż-żwieġ hu iktar minn sempliċi relazzjoni romantika. Ir-rabta taż-żwieġ tgħaqqad flimkien lil żewġ persuni minn trobbija differenti, b’personalitajiet u kwalitajiet emozzjonali varjati, u spiss sfond taʼ edukazzjoni differenti. Kultant tinvolvi wkoll li jingħaqdu żewġ kulturi, u saħansitra żewġ lingwi. Mill-inqas, tgħaqqad flimkien żewġ ilħna bl-abbiltà li jesprimu opinjonijiet differenti fuq kull tip taʼ kwistjoni. Dawn iż-żewġ opinjonijiet huma tabilħaqq parti minn rabta taż-żwieġ. Jistgħu joqogħdu dejjem jikkritikaw u jilmentaw inkella jinkuraġġixxu bl-imħabba u jibnu lil xulxin. Iva, bi kliemna nistgħu nweġġgħu jew infejqu lill-imseħbin tagħna. Kliem mhux kontrollat jistaʼ jagħmel pressjoni kbira fuq iż-żwieġ.—Proverbji 12:18; 15:1, 2; 16:24; 21:9; 31:26.
12, 13. Liema ħarsa realistika lejn iż-żwieġ hija inkuraġġita?
12 Għalhekk, hu għaqli li nieħdu l-ħin biex tassew insiru nafu lis-sieħeb jew sieħba prospettiva tagħna. Oħt Kristjana taʼ l-esperjenza darba qalet: “Meta tħares lejn xi ħadd li fil-futur jistaʼ jkun is-sieħeb tiegħek fiż-żwieġ, aħseb dwar forsi għaxar ħtiġijiet li tixtieq tara f’dan l-individwu. Jekk tistaʼ ssib sebgħa biss, staqsi lilek innifsek, ‘Lest jien ngħalaq għajnejja għat-tlieta li huma neqsin? Kapaċi jien nittollera dawn in-nuqqasijiet kuljum?’ Jekk għandek xi dubji, ieqaf ftit u erġaʼ aħsibha.” M’għandniex xi ngħidu, trid tkun realistiku. Jekk trid tiżżewweġ, kun af li qatt m’int se ssib sieħeb jew sieħba perfetta. Imma, fl-istess ħin, lanqas int ma tistaʼ tkun perfett għal min se jiżżewġek!—Luqa 6:41.
13 Iż-żwieġ jinvolvi s-sagrifiċċji. Pawlu semma dan meta qal: “Irridkom tkunu meħlusin mill-ansjetà. Ir-raġel mhux miżżewweġ hu ansjuż għal dak li hu tal-Mulej, kif jikseb l-approvazzjoni tal-Mulej. Imma r-raġel miżżewweġ hu ansjuż għal dak li hu tad-dinja, kif jikseb l-approvazzjoni taʼ martu, u hu maqsum fih innifsu. Jerġaʼ, il-mara mhix miżżewġa, u l-verġni, hi ansjuża għal dak li hu tal-Mulej, sabiex tkun qaddisa kemm f’ġisimha kif ukoll fl-ispirtu tagħha. Madankollu, il-mara miżżewġa hi ansjuża għal dak li hu tad-dinja, kif tikseb l-approvazzjoni taʼ żewġha.”—1 Korintin 7:32-34.
Għala Xi Żwiġijiet Ifallu
14, 15. X’jistaʼ jikkontribwixxi biex ir-rabta taż-żwieġ tiddgħajjef?
14 Mara Kristjana dan l-aħħar għaddiet mit-trawma tad-divorzju meta żewġha telaqha wara li kienu ilhom miżżewġin 12-il sena u beda relazzjoni maʼ mara oħra. Innotat xi sinjali taʼ twissija qabel ma sseparaw? Hi tispjega: “Wasal sal-punt li ma kienx għadu jitlob. Hu kien juża skużi banali biex jitlef il-laqgħat Kristjani u l-attività taʼ l-ippridkar. Kien isostni li kien ikollu wisq x’jagħmel jew li kien ikun għajjien wisq biex iqattaʼ l-ħin miegħi. Lanqas kien ikellimni. Ma baqax jiddiskuti affarijiet spiritwali miegħi. Veru ddispjaċieni għalih. Ma kienx għadu r-raġel li żżewwiġt.”
15 Oħrajn jgħidu li nnotaw sinjali simili, inkluż traskuraġni fl-istudju persunali tal-Bibbja, fit-talb, jew fl-attendenza għal-laqgħat Kristjani. Fi kliem ieħor, ħafna individwi li maż-żmien telqu lill-imseħbin tagħhom ħallew ir-relazzjoni tagħhom maʼ Ġeħova tiddgħajjef. Bħala riżultat, ma baqgħux iffokati fuq affarijiet spiritwali. Ma baqgħux jaraw lil Ġeħova bħala l-Alla l-ħaj. Il-wegħda tad-dinja l-ġdida taʼ ġustizzja ma baqgħetx reali għalihom. F’ċerti każi, din l-ispiritwalità bdiet tiddgħajjef saħansitra qabel ma l-imseħbin ifformaw relazzjoni barra ż-żwieġ.—Ebrej 10:38, 39; 11:6; 2 Pietru 3:13, 14.
16. Xi jsaħħaħ iż-żwieġ?
16 B’kuntrast, tnejn li jinsabu verament kuntenti jagħtu l-kredtu għas-suċċess taż-żwieġ tagħhom lir-rabtiet spiritwali b’saħħithom li għandhom. Huma jitolbu u jistudjaw flimkien. Ir-raġel jgħid: “Aħna naqraw il-Bibbja flimkien. Noħorġu fil-ministeru flimkien. Nieħdu gost nagħmlu l-affarijiet flimkien.” It-tagħlima hija ċara: Relazzjoni tajba maʼ Ġeħova se tgħin ħafna biex iż-żwieġ ikun b’saħħtu.
Kun Realistiku u Ikkomunika
17. (a) Liema żewġ affarijiet jgħinu biex iż-żwieġ jirnexxi? (b) Pawlu kif jiddeskrivi l-imħabba Kristjana?
17 Hemm żewġ affarijiet oħra li jgħinu biex żwieġ jirnexxi: l-imħabba Kristjana u l-komunikazzjoni. Meta żewġ individwi jieħdu grazzja maʼ xulxin, ikun hemm it-tendenza li jinjoraw id-difetti taʼ xulxin. Il-koppja tistaʼ tidħol fiż-żwieġ bi stennijiet esaġerati, forsi bbażati fuq dak li jkunu qraw fir-rumanzi jew raw fil-films. Madankollu, maż-żmien, il-koppja jkollha tiffaċċja r-realtà. Imbagħad, dgħjufijiet żgħar jew drawwiet li jirritaw xi ftit jistgħu jsiru problemi kbar. Jekk jiġri hekk, il-Kristjani jridu juru l-frott taʼ l-ispirtu, li wieħed mill-aspetti tiegħu hu l-imħabba. (Galatin 5:22, 23) L-imħabba hija tabilħaqq b’saħħitha—mhux l-imħabba romantika imma l-imħabba Kristjana. Pawlu ddeskriva din l-imħabba Kristjana, billi qal: “L-imħabba tistabar fit-tul u qalbha tajba. . . . Ma tfittixx l-interessi tagħha, ma tiġix provokata. Ma żżommx kont tal-ħsara. . . . Kollox tiflaħ, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti.” (1 Korintin 13:4-7) Jidher ċar li l-imħabba tittollera d-dgħjufijiet umani. B’mod realistiku, ma tistenniex il-perfezzjoni.—Proverbji 10:12.
18. Kif tistaʼ l-komunikazzjoni ssaħħaħ relazzjoni?
18 Il-komunikazzjoni wkoll hija vitali. Ilhom kemm ilhom miżżewġin, l-imseħbin għandhom jitkellmu maʼ xulxin u verament jisimgħu wieħed lill-ieħor. Raġel miżżewweġ jgħid: “Li jkollna ngħidu ngħiduh imma b’qalb tajba.” Bl-esperjenza, l-imseħbin jitgħallmu jisimgħu mhux biss dak li jintqal imma anki dak li ma jintqalx. Fi kliem ieħor, hekk kif jgħaddu s-snin, tnejn li jkunu ferħanin fiż-żwieġ tagħhom jitgħallmu jindunaw xi tkun qed taħseb jew tħoss il-parti l-oħra mingħajr maʼ din tkun qalet jew esprimiet xi ħaġa. Xi nisa jgħidu li l-irġiel tagħhom ma jisimgħuhomx sew. Xi rġiel jilmentaw li n-nisa tagħhom donnhom dejjem ikunu jridu jikkomunikaw fl-iktar ħinijiet inkonvenjenti. Il-komunikazzjoni tinvolvi l-mogħdrija u li tifhem lil dak li jkun. Komunikazzjoni effettiva hija taʼ benefiċċju kemm għar-raġel u kemm għall-mara.—Ġakbu 1:19.
19. (a) Għala jistaʼ jkun diffiċli li titlob maħfra? (b) X’se jqanqalna nitolbu maħfra?
19 Il-komunikazzjoni kultant tinkludi li tintalab maħfra. Dan mhux dejjem ikun faċli. Trid tkun umli biex tammetti l-iżbalji tiegħek. Madankollu, x’differenza tagħmel fiż-żwieġ! Apoloġija sinċiera tistaʼ tneħħi kull possibbiltà li jerġaʼ jqum konflitt fil-futur u twitti t-triq għal maħfra sinċiera u għal soluzzjoni għall-problema. Pawlu qal: “Komplu issaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-qalb jekk xi ħadd għandu għalxiex jilmenta kontra ħaddieħor. Bħalma Ġeħova ħafrilkom mill-qalb, agħmlu hekk intom ukoll. Imma, minbarra dawn l-affarijiet kollha, ilbsu l-imħabba, għax hi rabta perfetta li tgħaqqad.”—Kolossin 3:13, 14.
20. Kristjan miżżewweġ kif għandu jittratta lill-parti l-oħra fil-privat u fil-preżenza taʼ l-oħrajn?
20 Fiż-żwieġ huwa vitali wkoll li ż-żewġ naħat jappoġġaw lil xulxin. Il-Kristjani miżżewġin għandhom iħossuhom komdi jafdaw lil xulxin, u jistrieħu fuq xulxin. Ħadd minnhom m’għandu jbaxxi lill-ieħor jew b’modi oħra jtelliflu l-fiduċja tiegħu fih innifsu. Bl-imħabba, aħna nfaħħru lill-imseħbin tagħna fiż-żwieġ u ma nikkritikawhomx bl-aħrax. (Proverbji 31:28b) Żgur li aħna ma nċekknuhomx billi ngħidu ċajt iblah u bla konsiderazzjoni biex indaħħqu lil ħaddieħor bihom. (Kolossin 4:6) Dan l-appoġġ miż-żewġ naħat jissaħħaħ permezz taʼ espressjonijiet regulari t’affezzjoni. Sempliċi karezza jew kelma t’affezzjoni minn taħt l-ilsien tistaʼ tgħid: “Għadni nħobbok. Kuntent li int miegħi.” Dawn huma ftit mill-affarijiet li jistgħu jinfluwenzaw relazzjoni u jgħinu ż-żwieġ biex jirnexxi fid-dinja taʼ llum. Hemm modi oħra, u l-artiklu li jmiss se joffri iktar gwida mill-Iskrittura dwar kif żwieġ jistaʼ jirnexxi. a
[Nota taʼ taħt]
a Għal iktar informazzjoni dettaljata, ara l-pubblikazzjoni Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
Tistaʼ Tispjega?
• X’inhuma xi affarijiet li jistgħu jdgħajfu ż-żwieġ?
• Għala m’huwiex għaqli li wieħed jgħaġġel biex jiżżewweġ?
• L-ispiritwalità kif teffettwa ż-żwieġ?
• Liema affarijiet jgħinu biex żwieġ ikun stabbli?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 12]
Iż-żwieġ hu iktar minn sempliċi relazzjoni romantika
[Stampi f’paġna 14]
Relazzjoni b’saħħitha maʼ Ġeħova tistaʼ tgħin lil koppja biex tirnexxi fiż-żwieġ