Il-Ġlied bil-Kliem—Għala Jweġġaʼ?
Il-Ġlied bil-Kliem—Għala Jweġġaʼ?
“Minfejn ġejjin il-gwerer u minfejn ġej il-ġlied fostkom?”—ĠAKBU 4:1.
IL-KITTIEB Bibliku Ġakbu m’għamilx din il-mistoqsija lis-suldati tal-leġjuni Rumani, li dak iż-żmien kienu għaddejjin bil-gwerer tagħhom biex ikomplu jikkonkwistaw; lanqas ma ried ikun jaf x’kienu l-motivi għall-ġlied ribelluż tas-Sikarji Lhud, jew l-Irġiel Armati bis-Skieken, fl-ewwel seklu E.K. Ġakbu kellu f’moħħu l-ġlied li jkun jinvolvi żewġ persuni biss. Għala? Għax bħall-gwerer, il-ġlied persunali huwa qerriedi. Innota dawn ir-rakkonti Bibliċi.
Ulied il-patrijarka Ġakobb tant kienu jobogħduh lil ħuhom Ġużeppi li bigħuh fil-jasar. (Ġenesi 37:4-28) Iktar tard, is-Sultan Sawl taʼ Iżrael ipprova joqtol lil David. Għala? Għax kien jgħir għal David. (1 Samwel 18:7-11; 23:14, 15) Fl-ewwel seklu, żewġ nisa Kristjani, Evodja u Sintike, fixklu l-paċi taʼ kongregazzjoni sħiħa bl-argumenti tagħhom.—Filippin 4:2.
Fi żminijiet iktar reċenti, l-irġiel solvew id-differenzi tagħhom fid-dwellijiet, billi kkonfrontaw lil xulxin bix-xwabel jew bil-pistoli. Taʼ spiss, wieħed mid-dwellisti kien jinqatel jew jiġi mmankat għal għomru. Illum, dawk li jiġġieldu ġeneralment jillimitaw l-armi tagħhom għal kliem iebes li jweġġaʼ. Għalkemm forsi ma jixxerridx demm, l-attakki verbali jfieru l-emozzjonijiet u r-reputazzjonijiet. Taʼ sikwit huma l-innoċenti li jbatu f’dawn il-“gwerer.”
Ikkunsidra x’ġara ftit tas-snin ilu meta qassis Anglikan akkuża lil qassis ieħor li uża ħażin il-flus tal-knisja. Il-ġlieda tagħhom saret xi ħaġa pubblika, u l-kongregazzjoni li kienu jaqdu fiha nqasmet. Xi membri rrifjutaw li jattendu s-servizzi reliġjużi mmexxijin mill-qassis li kienu jopponu. Tant kienet qawwija l-istmerrija bejn il-membri li meta kienu jkunu l-knisja għall-qima lanqas biss kienu jħarsu lejn xulxin. Meta l-qassis li għamel l-akkuża ġie akkużat hu stess bi mġiba sesswali ħażina, il-qiegħa kompliet tisħon sew.
L-Arċisqof taʼ Canterbury talab bil-ħrara liż-żewġ membri tal-kleru biex iwaqqfu din is-sitwazzjoni, waqt li sejjaħ il-ġlied tagħhom “kankru” u “skandlu li jiddiżonora l-isem tal-Mulej Tagħna.” Fl-1997, wieħed mill-qassisin aċċetta li jirtira. L-ieħor żamm il-kariga tiegħu sakemm kellu jitlaq bilfors minħabba li kien laħaq l-età li jirtira. Madankollu, dam kemm setaʼ u rtira meta għalaq is-70 sena, fis-7 t’Awissu, 2001. The Church of England Newspaper qalet li dakinhar li rtira kienet il-festa taʼ “San” Vittriċju. Min kien “San” Vittriċju? Isqof li għex fir-rabaʼ seklu u li jingħad li ġie msawwat bil-frosta għax irrifjuta li jiġġieled f’armata. Sabiex tikkummenta fuq il-kuntrast bejn iż-żewġ attitudnijiet, il-gazzetta qalet: “[Il-qassis li rtira] ma kellux il-karatteristika li jirrifjuta li jiġġieled fi gwerra ekkleżjastika.”
Dawn il-qassisin setgħu evitaw li jweġġgħu lilhom infushom u lil oħrajn li kieku applikaw il-kliem taʼ Rumani 12:17, 18: “Troddu lil ħadd ħsara bi ħsara. Agħmlu t-tajjeb quddiem il-bnedmin kollha. Jekk inhu possibbli, sakemm jiddependi minnkom, żommu l-paċi mal-bnedmin kollha.”
Xi ngħidu għalik? Jekk xi ħadd joffendik, se ġġagħlek il-korla taqlaʼ ġlieda verbali? Jew inkella tevita l-kliem iebes u tkun lest li tagħmel paċi mill-ewwel? Jekk toffendi lil xi ħadd, tara kif tagħmel biex tevitah u tittama li maż-żmien jinsa l-problema? Jew tkun pront u titolbu skuża minnufih? Kemm jekk titlob maħfra u kemm jekk taħfer, il-fatt li tipprova tagħmel paċi jagħmlek iktar ferħan. Il-pariri tal-Bibbja jistgħu jgħinuna nsolvu saħansitra konflitti li jkunu ilhom ħafna snin, bħalma jurina l-artiklu li jmiss.