Il-Benefiċċji Meta Tagħmel Paċi
Il-Benefiċċji Meta Tagħmel Paċi
ED KIEN qed imut, u Bill kien jobogħdu. Għoxrin sena qabel, Ed kien ħa deċiżjoni li minħabba fiha Bill tilef l-impjieg tiegħu, u b’hekk żewġ persuni li darba kienu ħbieb tal-qalb spiċċaw kisruha maʼ xulxin. Issa Ed kien qed jipprova jitlob maħfra sabiex ikun jistaʼ jmut fil-paċi. Imma Bill ma riedx jismaʼ.
Kważi 30 sena wara, hekk kif kien wiċċ imbwiċċ mal-mewt, Bill spjega għala ma ħafirlux. “Ed ma kellux għalfejn jagħmel dak li għamel lill-akbar ħabib tiegħu. Wara għoxrin sena, ma ridtx nerġaʼ nagħmel ħbieb miegħu. . . . Forsi kont żbaljat, imma hekk ħassejt.” a
Ġeneralment, id-differenzi persunali ma jkollhomx riżultati daqshekk traġiċi, imma spiss iħallu lin-nies iħossuhom imweġġgħin jew fastidjati. Ħu lil xi ħadd li jħossu bħal Ed. Meta jirrealizza li d-deċiżjoni tiegħu kienet taʼ ħsara, individwu bħal dan għandu mnejn jgħix b’kuxjenza mtaqqla waqt li fl-istess ħin iħoss il-vojt kbir li jkun ħalla warajh il-ħabib tiegħu. Madankollu, hu jħossu mweġġaʼ meta jaħseb kif sieħbu qabad u warrab il-ħbiberija taʼ bejniethom bħallikieku ma kienet tiswa xejn iktar minn skart.
Mill-banda l-oħra, wieħed li jħossu bħal Bill iqis lilu nnifsu bħala vittma innoċenti u għandu mnejn ikun fastidjat u rrabjat ħafna. Għalih, dak li qabel kien ħabib tiegħu kien jaf x’inhu jagħmel u setaʼ għamillu l-ħsara apposta. Ħafna drabi, meta tqum xi problema bejn
tnejn min-nies, kull wieħed minnhom ikun konvint li hu għandu raġun u li l-ieħor għandu t-tort taʼ kollox. Għaldaqstant, tnejn li qabel ikunu ħbieb jispiċċaw, biex ngħidu hekk, fi gwerra.Huma jkomplu l-ġlieda b’armi silenzjużi—idawru wiċċhom meta jaraw lil xulxin, u jinjoraw wieħed lill-ieħor meta jiltaqgħu fi grupp. Meta jkunu ’l bogħod, joqogħdu josservaw lil xulxin bis-serqa jew inkella għajnejhom jiltaqgħu f’ħafna ħars ikrah u mimli mibegħda. U meta jitkellmu, jaħtfu lil xulxin jew ifajru insulti li jkunu jinfdu daqs stallett.
Iżda minkejja li donnhom huma kompletament kontra xulxin, x’aktarx li jaqblu fuq xi affarijiet. Għandhom mnejn jaqblu li għandhom problemi serji u li l-fatt li tiksirha maʼ ħabib tal-qalb hu xi ħaġa taʼ niket. X’aktarx li kull wieħed minnhom iħoss l-uġigħ tal-ferita li tkun għadha miftuħa, u t-tnejn li huma jafu li jridu jagħmlu xi ħaġa biex jagħlquha. Imma min se jagħmel l-ewwel pass biex isewwi r-relazzjoni u jagħmel paċi? Ħadd minnhom ma jkun lest li jagħmel dan.
Elfejn sena ilu, l-appostli taʼ Ġesù Kristu kultant kien ikollhom xi argument sħun. (Marku 10:35-41; Luqa 9:46; 22:24) Wara wieħed minn dawn l-argumenti, Ġesù staqsa: “Fuqiex kontu qed targumentaw fit-triq?” Bil-mistħija, ħadd minnhom ma felaħ jiftaħ fommu biex iwieġbu. (Marku 9:33, 34) It-tagħlim taʼ Ġesù għenhom jirranġaw id-differenzi taʼ bejniethom. Il-pariri tiegħu, u dawk taʼ wħud mid-dixxipli tiegħu, ikomplu jgħinu lin-nies isolvu l-argumenti u jerġgħu jagħmlu ħbieb. Ejja naraw kif.
Stinka biex Tagħmel Paċi
“Ma rridx inkellimha lil dik. Lanqas biss irrid nerġaʼ naraha quddiem għajnejja.” Jekk għedt kliem bħal dan dwar xi ħadd, għandek bżonn tieħu azzjoni, bħalma juru dawn is-siltiet mill-Bibbja.
Ġesù għallem: “Allura, jekk waqt li tkun qed iġġib l-għotja tiegħek lejn l-artal tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontrik, itlaq l-għotja tiegħek hemmhekk quddiem l-artal, u mur l-ewwel agħmel paċi maʼ ħuk.” (Mattew 5:23, 24) Hu qal ukoll: “Jekk ħuk jagħmel dnub, mur sibu waħdu u widdbu.” (Mattew 18:15) Sew jekk kont int li offendejt lil xi ħadd u sew jekk kien xi ħadd ieħor li offenda lilek, il-kliem taʼ Ġesù jenfasizza l-bżonn li int titkellem dwar il-kwistjoni mal-persuna l-oħra minnufih. Dan għandek tagħmlu “bi spirtu taʼ ħlewwa.” (Galatin 6:1) L-għan taʼ din il-konversazzjoni m’huwiex li tipproteġi l-mod kif ħaddieħor iħares lejk billi tiġġustifika l-azzjonijiet tiegħek, u lanqas m’huwa li ġġiegħel lill-avversarju tiegħek jiskuża ruħu. Minflok, l-għan huwa li tagħmel paċi. Jaħdem dan il-parir Bibliku?
Ernest hu supervisor t’uffiċċju kbir. b Għal ħafna snin, xogħlu kien li jieħu ħsieb kwistjonijiet sensittivi li jinvolvu lil kull tip taʼ nies u li jibqaʼ jżomm relazzjonijiet tajbin magħhom fuq ix-xogħol. Hu nnota kemm huwa faċli li jiżviluppaw konflitti persunali. Hu jgħid: “Ġieli kelli xi nuqqas taʼ qbil maʼ xi ħadd. Imma meta jiġri dan, noqgħod bil-qiegħda maʼ dak li jkun u niddiskutu l-problema. Mur direttament fuqhom. Iffaċċjahom, bil-mira li tagħmel paċi. Dejjem se jkollok riżultati tajbin.”
Alicia għandha ħbieb li ġejjin minn ħafna kulturi differenti. Hi tgħid: “Kultant ngħid xi ħaġa, u mbagħad ninduna li stajt offendejt lil xi ħadd. Għalhekk, immur u niskuża ruħi maʼ dak li jkun. Forsi niskuża ruħi iktar milli jkolli bżonn għaliex anki jekk il-persuna
l-oħra ma ħassithiex offiża, jien inħossni aħjar li nkun skużajt ruħi. Imbagħad inkun naf li m’għandna l-ebda nuqqas taʼ qbil.”Negħlbu l-Ostakli
Madankollu, meta niġu biex nagħmlu paċi fi kwistjonijiet persunali, spiss niltaqgħu maʼ ħafna ostakli. Qatt staqsejt: “Imma għala għandi nkun jien l-ewwel li nagħmel paċi? Mhux hu qalaʼ l-problema?” Jew ġieli mort fuq xi persuna biex tiċċara xi problema u, minflok, din tgħidlek: “M’għandi xejn x’ngħidlek”? Xi nies għandhom mnejn jirreaġixxu hekk għax ikunu mweġġgħin emozzjonalment. Proverbji 18:19 jgħid: “Ħuk imweġġaʼ jsir għalik bħal belt qawwija, u l-ġlied iebes daqs bieb taʼ fortizza.” Għalhekk, ikkunsidra s-sentimenti tal-persuna l-oħra. Jekk din tirrifjutak, stenna ftit u erġaʼ ipprova. Imbagħad, il-“belt qawwija” u l-“bieb” għandhom mnejn jinfetħu għar-rikonċiljazzjoni.
Ostaklu ieħor għall-paċi jistaʼ jkun il-biżaʼ li wieħed jitlef ir-rispett lejh innifsu. Għal xi nies, li titlob skuża jew saħansitra li titkellem maʼ l-avversarju tiegħek huwa umiljanti. Huwa xieraq li wieħed ikun irid iżomm ir-rispett lejh innifsu, imma l-fatt li tirrifjuta li tagħmel paċi se jżid jew se jnaqqas dan ir-rispett? Jistaʼ jkun li dan l-interess biex inżommu r-rispett lejna nfusna fir-realtà jkun qed jaħbi l-kburija?
Il-kittieb Bibliku Ġakbu juri li hemm konnessjoni bejn spirtu ġellied u l-kburija. Wara li jikxef “il-gwerer” u “l-ġlied” li xi Kristjani għandhom bejniethom, hu jkompli jgħid: “Alla jopponi lis-suppervi, imma juri qalb tajba mhix mistħoqqa maʼ l-umli.” (Ġakbu 4:1-3, 6) Kif tistaʼ s-suppervja, jew il-kburija, tkun taʼ tfixkil għall-paċi?
Il-kburija tqarraq bin-nies billi ġġagħalhom jemmnu li huma aħjar minn ħaddieħor. Persuni mkabbrin jidhrilhom li għandhom l-awtorità jiġġudikaw jekk il-bnedmin sħabhom humiex tajbin jew ħżiena. B’liema mod? Meta jkollhom xi nuqqas taʼ qbil, huma spiss iħarsu lejn l-avversarji tagħhom bħala kawża mitlufa u mingħajr tama li jinbidlu għall-aħjar. Il-kburija tqanqal lil xi wħud biex iħarsu lejn dawk li huma differenti minnhom bħala individwi li ma jixirqilhomx jingħataw attenzjoni, aħseb u ara apoloġija sinċiera. Għaldaqstant, dawk li jħallu l-kburija persunali tmexxihom, ħafna drabi jħallu l-argumenti jibqgħu sejrin minflok ma jsolvuhom sew.
Bħalma barrikata twaqqaf it-traffiku f’xi triq prinċipali, il-kburija taʼ spiss twaqqaf l-isforzi li jwasslu għall-paċi. Għalhekk, jekk tara li qed tirreżisti l-isforzi biex tagħmel paċi maʼ xi ħadd, għandek mnejn tkun qed tikkumbatti mal-kburija. Kif tistaʼ tegħlibha l-kburija? Billi tiżviluppa l-kwalità opposta—l-umiltà.
Agħmel Eżattament l-Oppost
Il-Bibbja tirrikkmanda ħafna li wieħed ikun umli. “Min jiċċekken u jibżaʼ mill-Mulej, jieħu bi ħlasu għana, ġieħ u ħajja.” (Proverbji 22:4) F’Salm 138:6 (Karm Żammit) naqraw dwar kif Alla jħares lejn min hu umli u lejn min hu mkabbar: “Fil-għoli l-Mulej, hu jħares lejn min hu umli: iżda lill-imkabbrin jagħrafhom mill-bogħod.”
Ħafna nies jorbtu l-umiltà maʼ l-umiljazzjoni. Il-ħakkiema dinjin hekk donnhom jagħmlu. Għalkemm nazzjonijiet sħaħ joqogħdu għar-rieda tagħhom, il-mexxejja politiċi m’għandhomx il-kuraġġ jammettu umilment l-iżbalji tagħhom. Meta xi ħakkiem jgħid, “Jiddispjaċini” tant tkun xi ħaġa straordinarja li tispiċċa tismaʼ biha fuq l-aħbarijiet. Dan l-aħħar, meta wieħed li qabel kien uffiċjal tal-gvern skuża ruħu għall-falliment tiegħu f’diżastru fatali, kliemu spiċċa fil-paġni ewlenin tal-gazzetti.
Innota kif ċertu dizzjunarju jiddefinixxi l-umiltà: “Il-kwalità li tkun umli jew li ma taħsibx li int xi ħaġa . . . l-oppost tal-kburija jew tas-suppervja.” Mela l-umiltà tiddeskrivi l-opinjoni li wieħed għandu dwaru nnifsu, mhux li għandu dwaru ħaddieħor. Meta wieħed jammetti li jkun żbalja u jitlob skuża sinċerament, dan ma jkunx t’umiljazzjoni għalih; pjuttost hu jkun qed itejjeb ir-reputazzjoni tiegħu. Il-Bibbja tgħid: “Il-bniedem jitkabbar, sakemm Proverbji 18:12.
ma jaqax, biex tasal għall-ġieħ, trid tiċċekken.”—Rigward il-politikanti li ma jiskużawx ruħhom għall-iżbalji tagħhom, ċertu osservatur qal: “Sfortunatament donnhom jaħsbu li huwa sinjal taʼ dgħjufija jekk wieħed jammetti li jkun żbalja. In-nies dgħajfa li ma jkunux ċerti minnhom infushom rari jgħidu, ‘Jiddispjaċini.’ Huma l-uħud kuraġġużi taʼ qalb kbira li ma jħossuhomx imċekknin meta jgħidu, ‘Għamilt żball.’” Dan jgħodd anki għal dawk li m’humiex fil-politika. Jekk tagħmel sforz biex tħalli l-umiltà tieħu post il-kburija, il-prospett li tagħmel paċi f’xi konflitt persunali se jkun ferm aħjar. Innota kif waħda familja skopriet dan il-fatt.
Julie u ħuha William kellhom nuqqas taʼ ftehim u dan ħoloq tensjoni kbira bejniethom. William tant irrabja għal Julie u żewġha, Joseph, li qataʼ kull kuntatt li kellu magħhom. Saħansitra radd lura lil Julie u lil Joseph ir-rigali kollha li kienu tawh matul is-snin. Hekk kif bdew igerbu x-xhur, l-imrar ħa post ir-relazzjoni mill-qrib li xi darba kellhom dawn iż-żewġ aħwa.
Madankollu, Joseph iddeċieda li japplika Mattew 5:23, 24. Hu pprova javviċina lil ħatnu bil-ħlewwa u kitiblu personalment diversi drabi biex jitolbu jaħfirlu talli offendieh. Joseph ħeġġeġ ukoll lil martu sabiex taħfer lil ħuha. Maż-żmien, William ra li Julie u Joseph kienu jixtiequ sinċerament li jagħmlu paċi, u ma baqax żorr magħhom. William u martu ltaqgħu maʼ Julie u Joseph; huma lkoll skużaw ruħhom, tgħannqu, u reġgħu għamlu ħbieb.
Jekk tixtieq issolvi xi konflitt persunali maʼ xi ħadd, applika t-tagħlim tal-Bibbja bil-paċenzja u stinka biex tagħmel paċi maʼ dak li jkun. Ġeħova se jgħinek. Imbagħad, il-każ tiegħek se juri li dak li Alla qal lill-Iżrael tal-qedem huwa minnu: “Li kieku tajt widen għall-kmandamenti tiegħi, kien ikun bħal xmara sliemek, u sedqek bħal mewġ tal-baħar.”—Isaija 48:18.
[Noti taʼ taħt]
a Ibbażat fuq The Murrow Boys—Pioneers on the Front Lines of Broadcast Journalism, taʼ Stanley Cloud u Lynne Olson.
b Xi ismijiet ġew mibdulin.
[Stampi f’paġna 7]
Taʼ spiss, il-fatt li titlob skuża jerġaʼ jġib il-paċi f’relazzjoni