L-Indiema tal-Bniedem għad-Dnubiet
L-Indiema tal-Bniedem għad-Dnubiet
L-INDIEMA hija neċessarja minħabba d-dnub, il-fatt li wieħed jonqos li jilħaq il-ħtiġijiet ġusti t’Alla. (1 Ġwanni 5:17) Ladarba Adam biegħ lill-bnedmin kollha fid-dnub, id-dixxendenti tiegħu kollha għandhom bżonn l-indiema. (Salm 51:7 [51:5, NW]; Rumani 3:23; 5:12) Bħalma juri l-artiklu “Reconciliation” (Rikonċiljazzjoni) fl-Insight on the Scriptures, it-Tieni Volum, l-indiema (li warajha tiġi l-konverżjoni) hija ħtieġa neċessarja għall-bniedem li jrid jitħabbeb m’Alla.
L-indiema tistaʼ tkun konnessa mal-ħajja kollha li għex l-individwu, ħajja li kienet kontra l-iskop u r-rieda t’Alla, u minflok kienet fi qbil mad-dinja kontrollata mill-Avversarju t’Alla. (1 Pietru 4:3; 1 Ġwanni 2:15-17; 5:19) Jew tistaʼ tkun konnessa m’aspett partikulari fil-ħajja taʼ dak li jkun, prattika ħażina li tħassar u ttebbaʼ l-ħajja illi mill-bqija kienet tkun aċċettabbli; tistaʼ tkun konnessa m’għemil ħażin wieħed jew saħansitra tendenza, inklinazzjoni, jew attitudni ħażina. (Salm 141:3, 4; Proverbji 6:16-19; Ġakbu 2:9; 4:13-17; 1 Ġwanni 2:1) Għalhekk, il-varjetà tan-nuqqasijiet tistaʼ tkun kbira ħafna jew inkella speċifika mhux ħażin.
Bl-istess mod, wieħed jistaʼ jiżvija mis-sewwa ftit jew ħafna, u loġikament dan għandu jiddispjaċih skond kemm ikun żvija. L-Iżraelin ‘tbiegħdu sewwa’ minn Ġeħova, u n-nuqqasijiet tagħhom kienu qed ‘jifnuhom.’ (Isaija 31:6; 64:4, 5 [64:5, 6 NW]; Eżekjel 33:10) Mill-banda l-oħra, l-appostlu Pawlu jitkellem dwar il-“bniedem [li] jagħmel xi pass falz qabel ma jinduna,” u jagħti l-parir lil dawk li għandhom kwalifiki spiritwali biex ‘jipprovaw jaġġustawh mill-ġdid bi spirtu taʼ ħlewwa.’ (Galatin 6:1) Ladarba Ġeħova jikkunsidra bil-ħniena d-dgħjufijiet tal-laħam tal-qaddejja tiegħu, dawn m’għandhomx għalfejn iħossuhom ħatja kontinwament għall-iżbalji li jagħmlu minħabba l-imperfezzjoni li wirtu. (Salm 103:8-14; 130:3) Jekk qed jagħmlu ħilithom kollha biex jimxu fit-triqat t’Alla, huma jistgħu jkunu ferħanin.—Filippin 4:4-6; 1 Ġwanni 3:19-22.
L-indiema tistaʼ tkun min-naħa taʼ dawk li diġà kienu jgawdu relazzjoni favorevoli m’Alla imma li żvijaw u tilfu l-favur u l-barka t’Alla. (1 Pietru 2:25) Iżrael kien f’patt m’Alla—kien “poplu qaddis” magħżul minn fost il-ġnus kollha (Dewteronomju 7:6; Eżodu 19:5, 6); il-Kristjani wkoll saru ġusti f’għajnejn Alla permezz tal-patt il-ġdid li Kristu kien il-medjatur tiegħu. (1 Korintin 11:25; 1 Pietru 2:9, 10) Fil-każ taʼ dawn l-uħud li żvijaw, l-indiema wasslithom biex jerġaʼ jkollhom relazzjoni xierqa m’Alla u jgawdu l-benefiċċji u l-barkiet li jiġu minn dik ir-relazzjoni. (Ġeremija 15:19-21; Ġakbu 4:8-10) Għal dawk li qabel ma kinux igawdu relazzjoni bħal din m’Alla, bħan-nies pagani tal-ġnus mhux Iżraelin matul iż-żmien li Iżrael kien f’patt m’Alla (Efesin 2:11, 12) u wkoll dawk l-uħud taʼ kwalunkwe razza jew nazzjonalità li huma barra l-kongregazzjoni Kristjana, l-indiema hi pass ewlieni u essenzjali biex jiksbu l-approvazzjoni t’Alla, bil-prospett taʼ ħajja taʼ dejjem.—Atti 11:18; 17:30; 20:21.
L-indiema tistaʼ tintwera minn grupp taʼ nies jew b’mod individwali. B’hekk, l-ippridkar taʼ Ġona ġagħal lin-nies kollha fil-belt taʼ Ninwè, mis-sultan “saż-żgħir,” biex jindmu, għax f’għajnejn Alla lkoll kienu għamlu l-ħażen. (Ġona 3:5-9; qabbel Ġeremija 18:7, 8.) L-Iżraelin kollha li marru lura f’arthom, għamlu bħalma ħeġġiġhom Esdra u rrikonoxxew il-ħtija tagħhom bħala poplu quddiem Alla u esprimew l-indiema tagħhom permezz tar-rappreżentanti tagħhom. (Esdra 10:7-14; qabbel it-2 Kronaki 29:1, 10; 30:1-15; 31:1, 2.) Il-kongregazzjoni taʼ Korintu esprimiet l-indiema tagħha talli kienet ittollerat f’nofsha individwu li kien ipprattika ħażen kbir. (Qabbel it-2 Korintin 7:8-11; 1 Korintin 5:1-5.) Anki l-profeti Ġeremija u Danjel ma ħelsux lilhom infushom għalkollox mill-ħtija meta stqarrew il-ħażen taʼ Ġuda li wassal għall-waqgħa tagħha.—Lamentazzjonijiet 3:40-42; Danjel 9:4, 5.
Dak li Teħtieġ l-Indiema Vera
L-indiema tinvolvi kemm il-moħħ u kemm il-qalb. Wieħed irid jirrikonoxxi l-ħażen t’għemilu jew taʼ ħajtu, u għal dan hemm bżonn li hu jagħraf li l-livelli u r-rieda t’Alla huma ġusti. Jekk l-individwu jinsa jew ma jkunx jaf dwar ir-rieda u l-livelli Tiegħu jkun qed ifixkel l-indiema. (2 Slaten 22:10, 11, 18, 19; Ġona 1:1, 2; 4:11; Rumani 10:2, 3) Għal din ir-raġuni Ġeħova bil-ħniena kollha bagħat lill-profeti u lill-predikaturi biex jistiednu lin-nies jindmu. (Ġeremija 7:13; 25:4-6; Marku 1:14, 15; 6:12; Luqa 24:27) Bix-xandir taʼ l-aħbar tajba permezz tal-kongregazzjoni Kristjana, u speċjalment miż-żmien tal-konverżjoni taʼ Kornelju ’l quddiem, Alla baqaʼ “jgħid lill-bnedmin kullimkien li għandhom jindmu lkoll.” (Atti 17:22, 23, 29-31; 13:38, 39) Il-Kelma t’Alla—kemm jekk miktuba u kemm jekk mitkellma—hija l-mezz biex ‘jipperswadihom,’ biex jikkonvinċihom li t-triqat t’Alla huma ġusti u li t-triqat tagħhom huma ħżiena. (Qabbel Luqa 16:30, 31; 1 Korintin 14:24, 25; Ebrej 4:12, 13.) Il-liġi t’Alla hi “perfetta, u tagħti l-ħajja.”—Salm 19:8 (19:7, NW).
Is-Sultan David jitkellem dwar li ‘jgħallem lill-midinbin it-triqat t’Alla sabiex jerġgħu lura lejh’ (Salm 51:15 [51:13, NW]); dawn il-midinbin żgur li kienu Iżraelin sħabu. Timotju ngħata l-parir biex ma jiġġilidx meta jittratta mal-Kristjani fil-kongregazzjonijiet li kien jaqdi, imma biex “jistruwixxi bil-ħlewwa lil dawk li ma jurux attitudni favorevoli” għaliex Alla jistaʼ jagħtihom “indiema li twassalhom għal għarfien eżatt dwar il-verità, u jerġgħu jiġu f’sensihom u joħorġu min-nassa tax-Xitan.” (2 Timotju 2:23-26) Għaldaqstant, l-istedina għall-indiema tistaʼ tingħata kemm ġewwa kif ukoll barra l-kongregazzjoni tan-nies t’Alla.
L-individwu jrid jirrikonoxxi li hu dineb kontra Alla. (Salm 51:5, 6 [51:3, 4, NW]; Ġeremija 3:25) Dan jistaʼ jidher ċar ħafna meta jkun hemm involut dagħa dirett jew espliċitu, użu ħażin taʼ l-isem t’Alla fid-diskors, jew qima t’allat oħra, bħal bl-użu tax-xbihat. (Eżodu 20:2-7) Imma anki f’dik li wieħed jistaʼ jikkunsidraha bħala “kwistjoni privata” jew xi ħaġa bejnu u bejn bniedem ieħor, il-ħażen li jsir irid jiġi rikonoxxut bħala dnub kontra Alla, nuqqas taʼ rispett lejn Ġeħova. (Qabbel it-2 Samwel 12:7-14; Salm 51:6 [51:4, NW]; Luqa 15:21.) Anki individwu li jagħmel il-ħażen fl-injoranza jew bi żball irid jirrikonoxxi li dan jagħmlu ħati quddiem il-Ħakkiem Sovran, Alla Ġeħova.—Qabbel Levitiku 5:17-19; Salm 51:7, 8 (51:5, 6, NW); 119:67; 1 Timotju 1:13-16.
Ix-xogħol tal-profeti fil-biċċa l-kbira kien li jikkonvinċu lill-Iżraelin mid-dnub tagħhom (Isaija 58:1, 2; Mikea 3:8-11), kemm jekk dan kien l-idolatrija (Eżekjel 14:6), l-inġustizzja, il-moħqrija taʼ sħabhom (Ġeremija 34:14-16; Isaija 1:16, 17), l-immoralità (Ġeremija 5:7-9), jew il-fatt li naqsu li jafdaw f’Alla Ġeħova u minflok fdaw fil-bniedem u fil-qawwa militari tal-ġnus. (1 Samwel 12:19-21; Ġeremija 2:35-37; Hosegħa 12:7 [12:6, NW]; 14:2-4 [14:1-3, NW]) Il-messaġġ taʼ Ġwanni l-Għammied u dak taʼ Ġesù Kristu kienu stedina għal-Lhud biex jindmu. (Mattew 3:1, 2, 7, 8; 4:17) Ġwanni u Ġesù kixfu l-ipokrisija tal-poplu u tal-mexxejja reliġjużi tagħhom, li kienu josservaw it-tradizzjonijiet tal-bnedmin u kienu jqisu lilhom infushom ġusti, u wrew fil-beraħ l-istat midneb tal-ġens.—Luqa 3:7, 8; Mattew 15:1-9; 23:1-39; Ġwanni 8:31-47; 9:40, 41. it-2-E 771-2