Leali fil-Provi
Leali fil-Provi
KMIENI f’April taʼ l-1951, il-gvern Sovjetiku setgħan attakka għal għarrieda grupp taʼ Kristjani innoċenti fil-punent taʼ l-Unjoni Sovjetika—ix-Xhieda taʼ Ġeħova. Eluf taʼ familji—inkluż tfal żgħar, nisa tqal, u xjuħ—ġew mitfugħin fil-vaguni taʼ ferrovija għal vjaġġ iebes taʼ 20 ġurnata lejn is-Siberja. Huma kienu se jiġu eżiljati b’mod permanenti f’kundizzjonijiet ħorox u primittivi.
F’April taʼ l-2001, f’Moska ġie ċelebrat il-50 anniversarju taʼ din il-ġrajja storika, bil-ħruġ taʼ vidjo li jiddokumenta l-oppressjoni li saret fuq ix-Xhieda taʼ Ġeħova għal għexur taʼ snin f’dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika. Fid-dokumentarju, kittieba taʼ l-istorja u wħud li raw dan kollu b’għajnejhom stess jirrakkontaw kif ix-Xhieda rnexxielhom jibqgħu ħajjin u saħansitra ssaħħew minkejja l-pressjoni estrema li sofrew.
Dan id-dokumentarju, Faithful Under Trials—Jehovah’s Witnesses in the Soviet Union (Leali fil-Provi—Ix-Xhieda taʼ Ġeħova fl-Unjoni Sovjetika), issa rawh miljuni taʼ nies fir-Russja u f’postijiet oħra, u ntlaqaʼ tajjeb ħafna mill-pubbliku in ġenerali u mill-kittieba taʼ l-istorja. Dawn li ġejjin huma żewġ kummenti minn studjużi Russi li jgħixu fl-inħawi fejn ġew deportati l-maġġuranza tal-familji tax-Xhieda.
“Ħadt pjaċir ħafna b’dan il-film. Dejjem laqtuni r-rappreżentanti tar-reliġjon tagħkom, imma wara li rajt il-film, l-impressjoni tajba li kelli tagħkom kompliet titjieb. Il-film kien magħmul b’mod tassew professjonali! Għoġobni b’mod partikulari l-mod kif ippreżentajtu kull persuna bħala individwu. Għalkemm jien Ortodoss u m’għandix intenzjoni nibdel ir-reliġjon tiegħi, nieħu pjaċir ħafna bix-Xhieda. Nixtieq li l-fakultà tagħna [fl-università] iżżomm kopja taʼ dan il-film. Jien u l-kollegi tiegħi ddeċidejna li nuruh lill-istudenti tagħna u ninkluduh fil-kurrikulu.”—Il-Professur Sergei Nikolayevich Rubtsov, kap tal-fakultà taʼ l-istorja fl-Università Pedagoġika taʼ l-Istat, f’Irkutsk, ir-Russja.
“Ħadt pjaċir meta ħareġ dan il-film. Meta wieħed ikun qed jagħmel film dwar it-tirannija, dejjem isibha diffiċli ħafna biex jiżviluppa l-istorja b’mod loġiku. Imma intom irnexxielkom tagħmlu dan. Jekk jogħġobkom tiddejqux iġġibuli iktar films minn tagħkom.”—Il-Professur Sergei Ilyich Kuznetsov, kap tal-fakultà taʼ l-istorja fl-Università taʼ l-Istat taʼ Irkutsk, ir-Russja.
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova li jgħixu fis-Siberja wkoll apprezzaw ferm dan id-dokumentarju. Dawn huma ftit mir-reazzjonijiet tagħhom:
“Fiż-żmien meta kienu qed iseħħu l-ġrajjiet deskritti f’dan il-film, ħafna nies fir-Russja kellhom informazzjoni żbaljata dwar l-attivitajiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Imma wara li jaraw
il-film, jistgħu jindunaw li l-organizzazzjoni tagħna m’hijiex xi sempliċi setta, bħalma kienu jaħsbu qabel. Oħrajn li saru Xhieda f’dawn l-aħħar snin qalu: ‘Ma stajniex nimmaġinaw li konna qed ngħixu u naħdmu m’aħwa Kristjani li ssaportew tant!’ Wara li ra l-film, wieħed Xhud esprima x-xewqa tiegħu li jsir pijunier, jew ministru full-time.”—Anna Vovchuk, li ġiet eżiljata fis-Siberja.“Meta fil-film dehru l-pulizija sigrieta jħabbtu l-bieb taʼ dar taʼ familja Xhud, qabadni l-bard. Kien qisu meta ħabbtu fuq il-bieb tagħna, u niftakar lil ommi tgħid: ‘Forsi qabad xi mkien.’ Imma l-film fakkarni wkoll li ħafna Xhieda batew iżjed minni. Din l-informazzjoni kollha tagħtina iktar saħħa u entużjażmu biex inkomplu naqdu lil Ġeħova.”—Stepan Vovchuk, li ġie eżiljat fis-Siberja.
“Jien it-tifel taʼ Xhieda li ġew eżiljati. Għalhekk, kien mingħalija li kont diġà smajt ħafna dwar dawk iż-żminijiet. Imma wara li rajt dan il-film, irrealizzajt li fil-fatt ma kont naf xejn. Hekk kif qgħadt nismaʼ l-intervisti, għajnejja mtlew bid-dmugħ. Issa l-esperjenzi m’għadhomx iktar stejjer għalija imma ħajja reali. Il-film saħħaħli r-relazzjoni tiegħi m’Alla u għenni nipprepara ruħi biex nissaporti d-diffikultajiet futuri kollha.”—Vladimir Kovash, Irkutsk.
“Għalija dan il-film kien ferm iżjed effettiv minn xi rakkont miktub. Meta rajt u smajt l-intervisti maʼ l-aħwa, ħassejtni bħallikieku għext magħhom l-esperjenzi kollha li kellhom. L-eżempju tal-ħu li waqt li kien il-ħabs kien joqgħod ipinġi l-kartolini għat-tfal żgħar tiegħu jqanqalni biex anki jien nipprova nilħaq qalb uliedi bil-veritajiet tal-Bibbja. Grazzi! Dan il-film għen lix-Xhieda taʼ Ġeħova fir-Russja jħossuhom parti mill-organizzazzjoni dinjija taʼ Ġeħova iktar minn qatt qabel.”—Tatyana Kalina, Irkutsk.
“Il-qawl, ‘Tara darba hu aħjar milli tismaʼ mitt darba’ żgur li japplika għal dan il-film. Tant hu ħaj, tant hu reali, tant hu simili għas-sitwazzjoni tagħna! Wara li rajtu, kelli bżonn ħafna ħin biex naħseb. Il-film tani ċ-ċans nintilef fil-ħajjiet taʼ dawk ix-Xhieda eżiljati. Issa meta nqabbel iċ-ċirkustanzi tiegħi maʼ tagħhom, nistaʼ nħares b’mod differenti lejn il-problemi li niffaċċjaw illum.”—Lidia Beda, Irkutsk.
Faithful Under Trials s’issa nħareġ b’25 lingwa u qed jiġi milqugħ tajjeb ħafna mad-dinja kollha. a Id-dokumentarju kollu ntwera minn stazzjonijiet televiżivi f’San Pietruburgu, Omsk, u bliet oħra fir-Russja, kif ukoll f’Vynnytsya, Kerch, Melitopol u bliet oħra fir-reġjun taʼ Lʹviv fl-Ukraina. Barra minn hekk, kiseb ukoll xi premjijiet minn kumitati internazzjonali li jeżaminaw il-films.
Il-qawwa tal-messaġġ taʼ dan id-dokumentarju qiegħda fl-eżempji t’eluf taʼ nies komuni li wrew kuraġġ u saħħa spiritwali straordinarji matul snin twal taʼ persekuzzjoni. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova fl-Unjoni Sovjetika wrew li huma tassew leali fil-provi. Jekk tixtieq tara dan id-dokumentarju, ix-Xhieda taʼ Ġeħova jieħdu pjaċir iġibulek wieħed. Jekk jogħġbok ikkuntattja lil xi ħadd minnhom fil-komunità tiegħek.
[Nota taʼ taħt]
a Il-vidjo hu disponibbli bil-Bulgaru, Ċek, Cantonese, Daniż, Finlandiż, Franċiż, Ġappuniż, Ġermaniż, Grieg, Indoneżjan, Ingliż, Korean, Litwan, Mandarin, Norveġiż, Olandiż, Pollakk, Rumen, Russu, Slovakk, Sloven, Spanjol, Svediż, Taljan, u Ungeriż.
[Sors tal-Istampa f’paġna 8]
Stalin: U.S. Army photo
[Sors tal-Istampa f’paġna 9]
Stalin: U.S. Army photo