Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Użajna ċ-Ċirkustanzi Differenti Tagħna biex Nagħtu Xiehda f’Postijiet Imbiegħda

Użajna ċ-Ċirkustanzi Differenti Tagħna biex Nagħtu Xiehda f’Postijiet Imbiegħda

Bijografija

Użajna ċ-​Ċirkustanzi Differenti Tagħna biex Nagħtu Xiehda f’Postijiet Imbiegħda

KIF RAKKONTATA MINN RICARDO MALICSI

Meta tlift l-​impjieg minħabba l-​konvinzjoni tiegħi favur in-​newtralità Kristjana, jien u l-​familja tiegħi tlabna lil Ġeħova jgħinna nippjanaw il-​futur tagħna. Fit-​talb tagħna esprimejna xewqitna li nkabbru l-​ministeru tagħna. Ftit wara dan, qbadna stil taʼ ħajja bħal tan-​nomadi li ħadna fi tmien pajjiżi barranin f’żewġ kontinenti. B’hekk, stajna nwettqu l-​ministeru tagħna f’postijiet ’il bogħod.

TWILIDT fil-​Filippini fl-​1933 f’familja msieħba mal-​Knisja Indipendenti Filippina. L-​erbatax-il membru tal-​familja tagħna kollha konna nagħmlu parti minn din il-​knisja. Meta kelli xi 12-il sena tlabt lil Alla jidderiġini lejn il-​fidi vera. Wieħed mill-​għalliema tiegħi kitibni fi klassi biex nitgħallem ir-​reliġjon, u b’hekk sirt Kattoliku devot. Qatt ma tlift il-​qrara taʼ nhar taʼ Sibt jew il-​quddiesa taʼ nhar taʼ Ħadd. Iżda, bil-​mod il-​mod bdew jiġuni d-​dubji u ma kontx sodisfatt. Mistoqsijiet dwar x’jiġri mill-​bniedem wara l-​mewt, in-​nar taʼ l-​infern, u t-​Trinità bdew ikidduni. It-​tweġibiet li tawni xi mexxejja reliġjużi kienu bla sens u ma ssodisfawnix.

Mogħti Tweġibiet Sodisfaċenti

Meta kont għadni nistudja l-​kulleġġ, ngħaqadt maʼ grupp li involvieni fil-​ġlied, fil-​logħob tal-​flus, u f’attivitajiet immorali oħrajn. Darba waħda fil-​għaxija ltqajt maʼ omm wieħed minn sħabi tal-​klassi. Kienet waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Għamiltilha l-​istess mistoqsijiet li kont staqsejt lill-​għalliema tar-​reliġjon. Hi tatni t-​tweġibiet mill-​Bibbja għall-​mistoqsijiet kollha tiegħi, u kont konvint li dak li qalet kien il-​verità.

Xtrajt Bibbja u bdejt nistudjaha max-​Xhieda. Wara ftit kont qed nattendi l-​laqgħat kollha tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Filwaqt li ħadt il-​parir għaqli tal-​Bibbja li “kumpanija ħażina tħassar id-​drawwiet siewja,” tlaqt il-​ħbieb immorali li kelli. (1 Korintin 15:33) Dan għenni nagħmel progress fl-​istudju tiegħi tal-​Bibbja u maż-​żmien iddedikajt lili nnifsi lil Ġeħova. Wara li tgħammidt fl-​1951, qdejt għal xi żmien bħala ministru full-time, jew pijunier. Imbagħad, f’Diċembru taʼ l-​1953 iżżewwiġt lil Aurea Mendoza Cruz li saret is-​sieħba tiegħi għal ħajti kollha u kollega leali fil-​ministeru.

Tweġiba għat-​Talb Tagħna

Tassew xtaqna naqdu bħala pijunieri. Iżda, ix-​xewqa tagħna li naqdu lil Ġeħova iżjed bis-​sħiħ ma saritx realtà mill-​ewwel. Xorta waħda, ma waqafniex nitolbu lil Ġeħova biex jiftħilna l-​bieb għal iktar opportunitajiet fis-​servizz tiegħu. Madankollu, il-​ħajja tagħna kienet iebsa. Xorta waħda, żammejna l-​miri spiritwali tagħna f’moħħna u taʼ 25 sena ġejt maħtur qaddej tal-​kongregazzjoni, l-​indokratur li jippresiedi f’kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Ġeħova.

Hekk kif komplejt miexi ’l quddiem fl-​għarfien Bibliku u ksibt fehma aħjar tal-​prinċipji taʼ Ġeħova, irrealizzajt li l-​impjieg li kelli kien imur kontra l-​kuxjenza tiegħi bħala Kristjan newtrali. (Isaija 2:​2-4) Iddeċidejt li nitlaq. Dan kien test tal-​fidi tagħna. Kif kont se nieħu ħsieb il-​bżonnijiet tal-​familja tiegħi? Erġajna morna bit-​talb quddiem Alla Ġeħova. (Salm 65:​3, 4a [65:​2, NW]) Għednielu dwar dak kollu li ridna u li kien qed jinkwetana, imma esprimejna wkoll ix-​xewqa tagħna biex naqduh fejn il-​bżonn għal predikaturi tas-​Saltna kien akbar. (Filippin 4:​6, 7) Qatt m’għaddielna minn moħħna kemm opportunitajiet differenti kellhom jinfetħu quddiemna!

Nibdew il-​Vjaġġ Tagħna

F’April taʼ l-​1965 aċċettajt impjieg fl-​Ajruport Internazzjonali taʼ Vientiane, f’Laos, bħala supervisor fix-​xogħol taʼ salvataġġ meta jikkraxxja xi ajruplan u jieħu n-​nar. Fil-​belt taʼ Vientiane fejn morna noqogħdu, kien hemm 24 Xhud u ħadna pjaċir nippridkaw flimkien mal-​missjunarji u l-​ftit aħwa tal-​post. Imbagħad, intbgħatt fl-​Ajruport taʼ Udon Thani fit-​Tajlandja. Ma kienx hemm Xhieda fil-​belt taʼ Udon Thani. Bħala familja għamilna l-​laqgħat taʼ kull ġimgħa waħedna. Ippridkajna minn dar għal dar, għamilna żjajjar lura, u bdejna studji tal-​Bibbja.

Ftakarna fil-​parir taʼ Ġesù lid-​dixxipli tiegħu li kellhom ‘jibqgħu jagħtu ħafna frott.’ (Ġwanni 15:8) Għalhekk, konna determinati li nieħdu l-​eżempju tagħhom u komplejna nxandru l-​aħbar tajba. Ma domniex ma bdejna naraw ir-​riżultati. Żagħżugħa mit-​Tajlandja aċċettat il-​verità u saret oħtna spiritwali. Żewġt irġiel mill-​Amerika taʼ Fuq aċċettaw il-​verità u maż-​żmien saru anzjani Kristjani. Komplejna nippridkaw l-​aħbar tajba għal iktar minn għaxar snin fit-​tramuntana tat-​Tajlandja. Kemm aħna ferħanin li issa hemm kongregazzjoni f’Udon Thani! Xi ftit miż-​żrieragħ li żrajna għadhom jagħtu l-​frott.

B’sogħba, iżda, kellna nerġgħu mmorru f’pajjiż ieħor, u tlabna “lil Sid il-​ħsad” jgħinna nkomplu nieħdu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. (Mattew 9:​38) Bagħtuna Tehran, il-​belt kapitali taʼ l-​Iran. Dan kien fiż-​żmien meta x-​Xaħ kien fil-​poter.

Nippridkaw f’Territorji Diffiċli

Meta wasalna Tehran, mill-​ewwel sibna lil ħutna spiritwali. Qgħadna maʼ grupp żgħir taʼ Xhieda li kienu ġejjin minn 13-il nazzjon differenti. Kellna nagħmlu xi aġġustamenti biex nippridkaw l-​aħbar tajba fl-​Iran. Għalkemm m’esperjenzajna l-​ebda oppożizzjoni diretta, kellna noqogħdu attenti.

Minħabba l-​iskeda tax-​xogħol taʼ dawk interessati, kultant kellna nikkonduċu l-​istudji tal-​Bibbja f’nofsillejl jew iktar tard​—sas-​sebħ. Madankollu, kemm konna ferħanin li naraw il-​frott taʼ dak ix-​xogħol iebes! Xi familji Filippini u Koreani aċċettaw il-​verità Kristjana u ddedikaw ħajjithom lil Ġeħova.

Imbagħad, messni mmur naħdem f’Dhaka, il-​Bangladexx. Wasalna hemmhekk f’Diċembru taʼ l-​1977. Dan kien pajjiż ieħor fejn l-​attività tagħna taʼ l-​ippridkar kienet diffiċli. Madankollu, il-​ħsieb tagħna dejjem kien li għandna nibqgħu attivi. Bl-​għajnuna taʼ l-​ispirtu taʼ Ġeħova, stajna nsibu ħafna familji li kienu jgħidu li huma Kristjani. Xi wħud minnhom kienu għatxana għall-​ilmijiet rifreskanti tal-​verità misjuba fl-​Iskrittura Mqaddsa. (Isaija 55:1) B’riżultat t’hekk, bdejna ħafna studji tal-​Bibbja.

Żammejna f’moħħna li r-​rieda t’Alla hi li “bnedmin taʼ kull xorta jiġu salvati.” (1 Timotju 2:4) B’ferħ, ħadd ma pprova jaqlgħalna l-​inkwiet. Biex negħlbu kull preġudizzju, għamilna kulma stajna biex inkunu dħulin meta nitkellmu man-​nies. Bħall-​appostlu Pawlu, ipprovajna ‘nsiru kollox għal nies taʼ kull xorta.’ (1 Korintin 9:​22) Meta kienu jistaqsuna r-​raġuni għala żorniehom, konna nispjegawlhom bil-​ħlewwa u sibna li l-​biċċa l-​kbira minnhom kienu dħulin ħafna.

F’Dhaka, sibna Xhud lokali u inkuraġġejnieha tiġi magħna għal-​laqgħat Kristjani u iktar tard fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Imbagħad, marti studjat il-​Bibbja maʼ familja u stidnitha għal-​laqgħat tagħna. Grazzi għall-​qalb tajba bl-​imħabba taʼ Ġeħova, il-​familja kollha ġiet fil-​verità. Iktar tard, iż-​żewġt itfal bniet taʼ din il-​familja għenu fit-​traduzzjoni tal-​letteratura Biblika bil-​Bengali, u ħafna minn qrabathom ukoll tgħallmu dwar Ġeħova. Ħafna studenti oħrajn tal-​Bibbja aċċettaw il-​verità. Il-​biċċa l-​kbira minnhom issa qed jaqdu bħala anzjani jew pijunieri.

Ladarba fil-​belt taʼ Dhaka hemm ħafna nies, stidinna xi wħud mill-​membri tal-​familja tagħna biex jiġu jgħinuna fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Ħafna wieġbu u ngħaqdu magħna fil-​Bangladexx. Kemm aħna ferħanin u grati lejn Ġeħova għall-​opportunità li kellna biex nieħdu sehem fl-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba f’dak il-​pajjiż! Mill-​bidu ċkejken taʼ persuna waħda biss, issa hemm żewġ kongregazzjonijiet fil-​Bangladexx.

F’Lulju taʼ l-​1982 kellna nitilqu mill-​Bangladexx. Bid-​dmugħ f’għajnejna nfridna minn ħutna. Ftit wara dan, ngħatajt impjieg fl-​Ajruport Internazzjonali taʼ Entebbe, fl-​Uganda, fejn konna se nibqgħu għal erbaʼ snin u sebaʼ xhur. X’se nkunu nistgħu nagħmlu biex nonoraw lill-​isem grandjuż taʼ Ġeħova f’din l-​art?

Naqdu lil Ġeħova fl-​Afrika tal-​Lvant

Malli wasalna fl-​Ajruport Internazzjonali taʼ Entebbe, iltaqaʼ magħna xufier li kellu jieħu lili u lil marti fil-​post fejn kellna noqogħdu. Hekk kif konna ħerġin mill-​ajruport, bdejt nagħti xiehda dwar is-​Saltna t’Alla lix-​xufier. Hu staqsieni: “Int wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova?” Meta għedtlu iva, ix-​xufier qalli: “Wieħed minn ħutek jaħdem fit-​torri tal-​kontroll.” Fil-​pront tlabtu jiħodni hemm. Iltqajna mal-​ħu, li kien ferħan ħafna li jarana, u għamilna arranġamenti għal-​laqgħat u s-​servizz taʼ l-​għalqa.

Dak iż-​żmien kien hemm biss 228 pubblikatur tas-​Saltna fl-​Uganda. Flimkien maʼ żewġ aħwa rġiel minn Entebbe, qattajna l-​ewwel sena tagħna niżirgħu ż-​żrieragħ tal-​verità. Minħabba li n-​nies hemmhekk iħobbu jaqraw, stajna nħallu ħafna letteratura inkluż mijiet taʼ rivisti. Stidinna l-​aħwa mill-​belt kapitali Kampala biex jgħinuna nippridkaw fit-​territorju taʼ Entebbe fi tmiem il-​ġimgħa. Fl-​ewwel taħdita pubblika tiegħi, l-​attendenza kienet taʼ ħamsa​—u dan kien jinkludi lili nnifsi.

Fit-tliet snin taʼ wara, esperjenzajna ftit mill-​iktar mumenti sbieħ taʼ ħajjitna meta rajna lil dawk li għallimna jwieġbu għall-​verità u jagħmlu progress mgħaġġel. (3 Ġwanni 4) F’waħda mill-​assembleat tas-​circuit, sitta mill-​istudenti tagħna tal-​Bibbja tgħammdu. Ħafna minnhom qalu li ġew inkuraġġiti jidħlu fis-​servizz full-time minħabba li rawna naqdu bħala pijunieri minkejja li kellna impjieg full-time.

Irrealizzajna li l-​post tax-​xogħol tagħna jistaʼ jkun ukoll territorju li jrendi l-​frott. F’okkażjoni minnhom, avviċinajt pompier taʼ l-​ajruport u qsamt miegħu t-​tama mill-​Bibbja taʼ ħajja fuq art magħmula ġenna. Mill-​Bibbja tiegħu stess urejtu li l-​bnedmin ubbidjenti se jgħixu fil-​paċi u l-​unità, u li qatt iżjed m’huma se jbatu minħabba l-​ġuħ, in-​nuqqas taʼ djar, il-​gwerer, il-​mard, jew il-​mewt. (Salm 46:10 [46:​9, NW]; Isaija 33:24; 65:​21, 22; Rivelazzjoni 21:​3, 4) Il-​fatt li qara dan kollu mill-​Bibbja tiegħu stess qajjimlu l-​interess. Mill-​ewwel inbeda studju tal-​Bibbja. Beda jattendi l-​laqgħat kollha. Ftit wara ddedika lilu nnifsu lil Ġeħova u tgħammed. Iżjed tard ngħaqad magħna fil-​ministeru full-time.

Kemm domna l-​Uganda qam l-​inkwiet ċivili darbtejn, imma dan ma waqqafx l-​attivitajiet spiritwali tagħna. Il-​familji taʼ dawk li jaħdmu għall-​aġenziji internazzjonali ġew trasferiti f’Najrobi, il-​Kenja, għal sitt xhur. Dawk minna li baqgħu l-​Uganda komplew bil-​laqgħat Kristjani u bix-​xogħol taʼ l-​ippridkar, għalkemm kellna nkunu prudenti u attenti ferm.

F’April taʼ l-​1988 spiċċajt ix-​xogħol li kelli nagħmel u rġajna tlaqna. Minħabba l-​progress spiritwali tal-​Kongregazzjoni taʼ Entebbe, tlaqna minn hemm b’sodisfazzjon kbir. F’Lulju taʼ l-​1997 kellna l-​opportunità li nerġgħu nżuru Entebbe. Sa dak iż-​żmien, xi wħud mill-​istudenti tal-​Bibbja li kellna kienu qed jaqdu bħala anzjani. Kemm fraħna li rajna 106 persuni preżenti għal-​Laqgħa Pubblika!

Immorru f’Territorju Ġdid

Stajna nidħlu għal opportunitajiet ġodda? Iva, il-​post fejn intbgħatt naħdem issa kien l-​Ajruport Internazzjonali taʼ Mogadishu, fis-​Somalja. Konna determinati li nużaw tajjeb din l-​opportunità ġdida biex naqdu f’territorju li qatt ma kien għadu nħadem qabel.

L-iżjed li konna nippridkaw kien lin-​nies li jaħdmu fl-​ambaxxati, ħaddiema Filippini, u nies barranin oħrajn. Taʼ spiss konna niltaqgħu magħhom fis-​suq kif ukoll konna nżuruhom fi djarhom b’mod kordjali. Billi użajna moħħna, l-​għaqal, il-​prudenza, u striħajna kompletament fuq Ġeħova, stajna naqsmu l-​veritajiet Bibliċi m’oħrajn u dan ħalla l-​frott fost dawk minn nazzjonijiet differenti. Wara sentejn, tlaqna minn Mogadishu​—eżatt qabel faqqgħet il-​gwerra f’dan il-​post.

L-​Organizzazzjoni Internazzjonali taʼ l-​Avjazzjoni Ċivili mbagħad bagħtitni f’Yangon, il-​Mjanmar. Għal darb’oħra, kien hemm opportunitajiet mill-​aqwa għalina biex ngħinu wħud taʼ qalb onesta jitgħallmu dwar l-​iskopijiet t’Alla. Wara l-​Mjanmar ġejna mibgħutin Dar es Salaam, it-​Tanzanija. L-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba minn dar għal dar f’Dar es Salaam kien ferm eħfef minħabba li kien hemm komunità taʼ nies li jitkellmu bl-​Ingliż.

Fil-pajjiżi kollha fejn ħdimna, ftit li xejn kellna problemi fit-​twettiq tal-​ministeru tagħna, għalkemm f’ħafna każi kien hemm restrizzjonijiet fuq ix-​xogħol tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Minħabba t-​tip taʼ xogħol li kelli, li normalment kien konness m’aġenziji governattivi jew internazzjonali, in-​nies ma staqsewniex dwar l-​attivitajiet tagħna.

Ix-xogħol sekulari tiegħi kien jeħtieġ li jien u marti ngħixu bħan-​nomadi għal tletin sena. Madankollu, l-​impjieg tiegħi konna nqisuh biss bħala mod kif inwettqu l-​iskop prinċipali tagħna, li dejjem kien biex inġibu ’l quddiem l-​interessi tas-​Saltna t’Alla. Nirringrazzjaw lil Ġeħova talli għenna nużaw tajjeb iċ-​ċirkustanzi differenti tagħna u nieħdu gost bil-​privileġġ meraviljuż tat-​tixrid taʼ l-​aħbar tajba f’postijiet imbiegħda.

Lura Minfejn Beda Kollox

Taʼ 58 sena ddeċidejt li nirtira kmieni mix-​xogħol u nerġaʼ lura l-​Filippini. Meta rġajna lura, tlabna lil Ġeħova jurina x’għandna nagħmlu. Bdejna naqdu f’kongregazzjoni fil-​Belt taʼ Trece Martires, fil-​provinċja taʼ Cavite. Meta wasalna kien hemm biss 19-il proklamatur tas-​Saltna t’Alla. Kuljum kienu jiġu organizzati attivitajiet taʼ l-​ippridkar u nbdew ħafna studji tal-​Bibbja. Il-​kongregazzjoni bdiet tikber. Kien hemm żmien meta marti kellha 19-il studju tal-​Bibbja fid-​djar, u jien kelli 14.

Is-Sala tas-​Saltna malajr saret żgħira wisq u tlabna lil Ġeħova dwar dan. Wieħed mill-​aħwa, ħu spiritwali, u martu ddeċidew li jagħtu biċċa art u l-​uffiċċju tal-​fergħa approva self għall-​bini taʼ Sala tas-​Saltna ġdida. Dan il-​bini ġdid effettwa bil-​kbir ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar u l-​attendenza żdiedet ġimgħa wara l-​oħra. Fil-​preżent nivvjaġġaw għal iżjed minn siegħa ’l hemm u ’l hawn biex ngħinu kongregazzjoni oħra bi 17-il pubblikatur.

Jien u marti ngħożżu l-​privileġġ li gawdejna minħabba li qdejna f’daqstant pajjiżi differenti. Meta nħarsu lura lejn l-​istil taʼ ħajja li qattajna niġġerrew minn post għall-​ieħor, inħossu sens taʼ sodisfazzjon kbir għax nafu li użajna ħajjitna bl-​aħjar mod possibbli​—biex ngħinu lil oħrajn jitgħallmu dwar Ġeħova!

[Mappa f’paġna 24, 25]

Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara publikazzjoni)

TANZANIJA

UGANDA

SOMALJA

IRAN

BANGLADEXX

MJANMAR

LAOS

TAJLANDJA

IL-​FILIPPINI

[Stampa f’paġna 23]

Maʼ marti, Aurea