Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġesù Jinfluwenza lin-Nies Madwar id-Dinja Kollha

Ġesù Jinfluwenza lin-Nies Madwar id-Dinja Kollha

Ġesù Jinfluwenza lin-​Nies Madwar id-​Dinja Kollha

“DAK kollu li qal Ġesù, fil-​privat u fil-​pubbliku, kif inhu rapportat fl-​evanġelji setaʼ qalu f’sagħtejn,” kiteb it-​traduttur tal-​Bibbja Edgar Goodspeed. “Madankollu, dak il-​ftit tant qanqal u effettwa lin-​nies li nistgħu ngħidu bil-​libertà kollha li ħadd ma influwenza lid-​dinja daqsu.”

Meta Ġesù Kristu temm il-​ministeru tiegħu fuq l-​art fis-​sena 33 E.K., kien hemm minn taʼ l-​inqas xi 120 raġel u mara li kienu segwaċi tiegħu. (Atti 1:​15) Illum, iktar minn żewġ biljun ruħ jgħidu li huma Kristjani. Mijiet taʼ miljuni oħrajn jaċċettaw lil Ġesù bħala profeta. It-​tagħlim tiegħu tassew influwenza lill-​bnedmin b’mod taʼ l-​għaġeb.

Anki mexxejja li m’humiex Kristjani ammettew li Ġesù influwenza lin-​nies madwar id-​dinja kollha. Per eżempju, ir-​rabbi Lhudi Hyman Enelow kiteb: “Ġesù sar l-​iktar persunaġġ popolari, l-​iktar studjat, u l-​iktar li influwenza lil oħrajn fl-​istorja reliġjuża tal-​bnedmin.” Enelow qal ukoll: ‘Min jistaʼ jikkalkula kemm Ġesù influwenza lill-​bnedmin? L-​imħabba li qanqal, il-​faraġ li ta, il-​ġid li għamel, it-​tama u l-​ferħ li nissel—ħadd fl-​istorja tal-​bniedem m’għamel dan kollu. Fost in-​nies famużi u tajbin li qatt għexu, ħadd qatt ma ħabbatha maʼ Ġesù fil-​mod kif effettwa u laqat lin-​nies. Hu sar l-​iktar persunaġġ interessanti fl-​istorja.’ U l-​mexxej Ħindu Mohandas K. Gandhi qal: “Ma naf b’ebda persuna oħra li għamlet iktar ġid għall-​bnedmin minn Ġesù. Fil-​fatt, m’hemm xejn ħażin fil-​Kristjanità.” Madankollu, hu żied: “Il-​problema hija intom il-​Kristjani. Lanqas xejn ma tgħixu fi qbil mat-​tagħlim tagħkom.”

Il-Kristjaneżmu ilu żmien twil jonqos li jgħix fi qbil mat-​tagħlim taʼ Ġesù. Cecil John Cadoux, storjografu tal-​Kristjanità, innota li l-​mexxejja Kristjani kien ilhom sa mis-​sena 140 A.D. li nnotaw li bil-​mod il-​mod u kontinwament il-​morali fil-​Knisja kienu qed isiru iktar laxki. Hu osserva li l-​fatt li l-​moralità ma baqgħetx tinżamm b’mod strett bħalma kien isir fil-​Kristjanità tal-​bidu ovvjament wassal għall-​qbil maʼ l-​istili tad-​dinja.

Fir-rabaʼ seklu, meta l-​Imperatur Ruman Kostantinu ħaddan il-​Kristjanità, il-​morali komplew sejrin lura. “L-​istorjografi ma naqsux li jinnotaw, u f’xi każi jiddispjaċihom,” kiteb Cadoux, “li l-​Knisja għamlet kompromess immens bl-​alleanza tagħha maʼ Kostantinu.” Matul is-​sekli taʼ wara, l-​hekk imsejħin Kristjani għamlu ħafna affarijiet mill-​agħar li jiddiżonoraw l-​isem taʼ Kristu.

Mela l-​mistoqsijiet li jinteressawna huma: Ġesù x’għallem fir-​realtà? U t-​tagħlim tiegħu kif għandu jinfluwenzana?

[Stampa f’paġna 3]

“Ma naf b’ebda persuna oħra li għamlet iktar ġid għall-​bnedmin minn Ġesù.”—Mohandas K. Gandhi

[Stampa f’paġna 3]

“Ħadd ma influwenza lid-​dinja daqsu.”—Edgar Goodspeed

[Sors]

Culver Pictures