Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġesù Kristu Kif Jinfluwenza l-Ħajja Tiegħek?

Ġesù Kristu Kif Jinfluwenza l-Ħajja Tiegħek?

Ġesù Kristu Kif Jinfluwenza l-​Ħajja Tiegħek?

META nqisu dak li kkunsidrajna fl-​artiklu taʼ qabel, jibqgħalna xi dubju li t-​tagħlim taʼ Ġesù kellu effett qawwi madwar id-​dinja kollha? Iżda, l-​iktar mistoqsija importanti hi, “It-​tagħlim taʼ Ġesù kemm jinfluwenzani personalment?”

It-tagħlim taʼ Ġesù kien jittratta dwar diversi suġġetti. Il-​lezzjonijiet prezzjużi li jagħti jistgħu jeffettwaw kull aspett taʼ ħajtek. Ejja niffokaw fuq dak li għallem Ġesù dwar li nagħmlu prijoritajiet fil-​ħajja, nikkultivaw ħbiberija m’Alla, nistabbilixxu relazzjonijiet tajbin m’oħrajn, insolvu l-​problemi, u ma nagħmlux atti vjolenti.

Agħmel Prijoritajiet f’Ħajtek

Id-​dinja mgħaġġla taʼ llum tant tieħu mill-​ħin u l-​enerġija tagħna li spiss ma jibqgħalniex ħin għall-​affarijiet spiritwali. Ikkunsidra l-​każ taʼ raġel fuq l-​20 sena li se nsejħulu Jerry. Għalkemm Jerry jieħu pjaċir jitkellem dwar suġġetti spiritwali u japprezza dak li jitgħallem minn dawn il-​konversazzjonijiet, hu jilmenta: “Ma nsibx ħin biex niddedikah għal dawn l-​affarijiet b’mod regulari. Naħdem sitt ijiem fil-​ġimgħa. Il-​Ħadd biss ma naħdimx. U wara li nagħmel dak li jkolli bżonn, inkun għajjien wisq.” Jekk issib ruħek fl-​istess sitwazzjoni, tistaʼ tibbenefika minn dak li għallem Ġesù fil-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja.

Ġesù qal lill-​folla li kienet inġabret biex tisimgħu: “Tibqgħux tkunu ansjużi dwar ħajjitkom rigward x’se tieklu jew x’se tixorbu, jew dwar ġisimkom rigward x’se tilbsu. Ma tiswiex il-​ħajja iktar mill-​ikel u l-​ġisem mill-​ilbies? Osservaw bir-​reqqa l-​għasafar tas-​sema, għax huma la jiżirgħu, la jaħsdu, u lanqas jiġbru fl-​imħażen; imma Missierkom tas-​sema xorta waħda jitmagħhom. Ma tiswewx intom iktar minnhom? . . . Għalhekk, qatt tkunu ansjużi u tgħidu, ‘X’se nieklu?’ jew, ‘X’se nixorbu?’ jew, ‘X’se nilbsu?’ Għax dawn kollha huma l-​affarijiet li l-​ġnus qed ifittxu bil-​ħerqa. Għax Missierkom tas-​sema jaf li teħtieġu dawn l-​affarijiet kollha. Mela, ibqgħu fittxu l-​ewwel is-​saltna u s-​sewwa tiegħu, u dawn l-​affarijiet l-​oħrajn kollha se jiżdidulkom.” (Mattew 6:​25-​33) X’nitgħallmu minn dan?

Ġesù ma kienx qed jindika li għandna nittraskuraw il-​bżonnijiet fiżiċi tagħna u tal-​membri tal-​familja. “Jekk xi ħadd ma jipprovdix għal tiegħu, u speċjalment għall-​membri taʼ daru,” tgħid il-​Bibbja, “ikun ċaħad il-​fidi u jkun agħar minn bniedem mingħajr fidi.” (1 Timotju 5:8) Madankollu, Ġesù wiegħed li jekk inpoġġu l-​affarijiet importanti l-​ewwel u nagħtu l-​prijorità lill-​affarijiet spiritwali, Alla se jara li jkollna l-​bżonnijiet l-​oħra. It-​tagħlima hawn hi dwar kif għandna nagħmlu l-​prijoritajiet. Jekk insegwu dan il-​parir se nsibu l-​hena, għax “henjin dawk li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom.”​—Mattew 5:3.

Ikkultiva Ħbiberija m’Alla

Dawk li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom jaraw kemm hu neċessarju li jikkultivaw relazzjoni tajba m’Alla. Kif nistabbilixxu relazzjoni tajba maʼ xi ħadd? Mhux billi nipprovaw insiru nafu lill-​individwu aħjar? Irridu nieħdu l-​ħin biex nitgħallmu dwar l-​opinjonijiet, l-​attitudnijiet, u l-​abbiltajiet tiegħu, dak li għamel, u dak li jogħġbu u ma jogħġbux. L-​istess ħaġa tapplika għal meta niżviluppaw ħbiberija m’Alla. Għandna bżonn għarfien eżatt dwaru. Meta kien qed jitlob lil Alla dwar id-​dixxipli tiegħu, Ġesù qal: “Il-​ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-​uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.” (Ġwanni 17:3) Iva, biex nikkultivaw relazzjoni intima m’Alla hemm bżonn li nsiru nafuh. L-​uniku sors taʼ dan l-​għarfien hu l-​Kelma mnebbħa t’Alla, il-​Bibbja. (2 Timotju 3:​16) Irridu nwarrbu ħin biex nistudjaw l-​Iskrittura.

Madankollu, l-​għarfien waħdu m’huwiex biżżejjed. Fl-​istess talba, Ġesù qal: “Huma [id-dixxipli tiegħu] osservaw kelmtek.” (Ġwanni 17:6) Mhux biss irridu nieħdu għarfien dwar Alla imma rridu wkoll naġixxu fi qbil maʼ dak l-​għarfien. M’hemmx mod ieħor kif insiru ħbieb t’Alla. Nistgħu nistennew li l-​ħbiberija tagħna maʼ xi ħadd tikber jekk minn jeddna naġixxu b’mod u manjiera li tmur kontra l-​ideat u l-​prinċipji tiegħu? Mela, l-​opinjonijiet u l-​prinċipji t’Alla għandhom jiggwidawlna l-​passi kollha f’ħajjitna. Ikkunsidra kif tnejn mill-​prinċipji tiegħu japplikaw għar-​relazzjonijiet tagħna maʼ bnedmin oħra.

Stabbilixxi Relazzjonijiet Tajbin m’Oħrajn

Darba minnhom, Ġesù rrakkonta storja qasira sabiex jgħallem lezzjoni prezzjuża dwar ir-​relazzjonijiet umani. Hu tkellem dwar sultan li ried jirranġa l-​kontijiet mal-​qaddejja tiegħu. Iżda wieħed minnhom kellu dejn kbir ferm u ma kellux il-​mezzi biex iħallsu lura. Is-​sid ordna li jinbiegħu hu, martu, u wliedu biex isir il-​ħlas. L-​ilsir inxteħet fl-​art quddiemu u ssupplikah: “Ħu paċenzja bija u nagħtik kollox lura.” Is-​sid tħassru u ħafirlu d-​dejn tiegħu. Imma dan l-​ilsir ħareġ, sab lil wieħed mill-​ilsiera sħabu li kellu jagħtih somma flus żgħira, u riedu jħallsu bilfors. Għalkemm l-​ilsir sieħbu ssupplikah iħenn għalih, l-​ewwel ilsir tefgħu l-​ħabs sakemm iħallas lura dak kollu li kellu jagħtih. Meta s-​sultan semaʼ b’dan, għadab għalih. “Ma messikx . . . ġietek ħniena mill-​ilsir sieħbek, bħalma jien ukoll ġietni ħniena minnek?” ried ikun jaf hu. U lill-​ilsir li ma kienx lest jaħfer tefgħu l-​ħabs sakemm iħallas lura dak kollu li kellu jagħti. Biex jislet tagħlima mill-​istorja, Ġesù qal: “Hekk ukoll jagħmlilkom Missieri tas-​sema jekk ma taħfrux minn qalbkom kull wieħed lil ħuh.”​—Mattew 18:​23-​35.

Bħala bnedmin imperfetti għandna ħafna nuqqasijiet. Qatt ma nistgħu nħallsu lura lil Alla d-​dejn kbir li ġemmajna minħabba li nonqsuh. Kulma nistgħu nagħmlu hu li nfittxu l-​maħfra tiegħu. U Alla Ġeħova lest li jaħfer in-​nuqqasijiet kollha tagħna, sakemm naħfru lil ħutna għad-​dnubiet li għamlu kontrina. X’lezzjoni effettiva hi din! Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu jitolbu: “Aħfrilna d-​djun tagħna, bħalma aħna wkoll ħfirna lil min kellu d-​dejn magħna.”​—Mattew 6:​12.

Solvi l-​Problemi Billi Taqlagħhom mill-​Għeruq

Ġesù kien espert f’li jifhem kif inhu magħmul il-​bniedem. Il-​pariri tiegħu biex jissolvew il-​problemi kienu jattakkaw l-​għeruq tagħhom. Ikkunsidra ż-​żewġ eżempji li ġejjin.

“Smajtu li lil dawk taʼ żmien il-​qedem intqalilhom, ‘Toqtolx; imma kulmin joqtol irid jagħti kont lill-​qorti tal-​ġustizzja,’” qal Ġesù. “Madankollu, jien ngħidilkom li kulmin jibqaʼ mgħaddab għal ħuh irid jagħti kont lill-​qorti tal-​ġustizzja.” (Mattew 5:​21, 22) Ġesù hawn wera li l-​għeruq tal-​problema tal-​qtil ma jinsabux fl-​att vjolenti nnifsu imma jinżlu iktar fil-​fond. Jinsabu fl-​attitudni li tikber f’qalb il-​qattiel. Kieku n-​nies ma jħallux l-​istmerrija jew ir-​rabja tiżviluppa fihom, ħadd ma jippjana atti taʼ vjolenza. Kemm jiġi evitat tixrid taʼ demm kieku jiġi applikat dan it-​tagħlim!

Innota kif Ġesù jitkellem dwar l-​għeruq taʼ problema oħra li tikkaġuna ħafna wġigħ taʼ qalb. Hu qal lill-​folla: “Smajtu li ntqal, ‘Tagħmilx adulterju.’ Imma jien ngħidilkom li kulmin jibqaʼ jħares lejn mara biex jixtieqha jkun diġà għamel adulterju magħha f’qalbu. Issa, jekk għajnek il-​leminija qed tfixklek, aqlagħha u armiha ’l bogħod minnek.” (Mattew 5:​27-​29) Ġesù għallem li l-​problema tinsab iktar fil-​fond mill-​imġiba immorali fiha nfisha. Tinsab f’dak li jiġi qabel din l-​imġiba​—ix-​xewqat immorali. Jekk wieħed jirrifjuta li jaħseb fuq xewqat mhux xierqa u ‘jaqlagħhom’ minn moħħu, imbagħad ikun jistaʼ jegħleb il-​problema taʼ mġiba immorali li tistaʼ tqum.

“Erġaʼ Daħħal Sejfek f’Postu”

Fil-​lejl meta Ġesù ġie tradut u arrestat, wieħed mid-​dixxipli tiegħu silet is-​sejf biex jiddefendih. Ġesù ordnalu: “Erġaʼ daħħal sejfek f’postu, għax kulmin jaqbad is-​sejf, bissejf jinqered.” (Mattew 26:52) L-​għada filgħodu, Ġesù qal lil Ponzju Pilatu: “Is-​saltna tiegħi mhix parti minn din id-​dinja. Kieku s-​saltna tiegħi kienet parti minn din id-​dinja, il-​qaddejja tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-​Lhud. Imma, tabilħaqq, is-​saltna tiegħi mhix ġejja minn hawn.” (Ġwanni 18:36) Huwa dan it-​tagħlim nieqes mill-​għaqal?

X’kienet l-​attitudni tal-​Kristjani tal-​bidu lejn dak li għallem Ġesù dwar li ma nużawx il-​vjolenza? Il-​ktieb The Early Christian Attitude to War jgħid: “Billi [t-tagħlim taʼ Ġesù] ipprojbixxa kull użu taʼ vjolenza u ħsara kontra l-​oħrajn, b’mod ċar dan indika li wieħed ma setax jieħu sehem fil-​gwerer . . . Il-​Kristjani tal-​bidu segwew eżatt dak li qal Ġesù, u fehmu li t-​tagħlim tiegħu kien ifisser li kellhom letteralment juru ġentilezza u ma jiġġildux lura. Huma assoċjaw mill-​qrib ir-​reliġjon tagħhom mal-​paċi; il-​gwerra kkundannawha bil-​qawwi minħabba t-​tixrid taʼ demm li kienet tinvolvi.” Kemm kienet tkun differenti l-​istorja tal-​bniedem kieku dawk kollha li qalu li kienu Kristjani fil-​fatt segwew dan it-​tagħlim!

Int Tistaʼ Tibbenefika mit-​Tagħlim Kollu taʼ Ġesù

It-​tagħlim taʼ Ġesù li kkunsidrajna huwa sabiħ, sempliċi, u qawwi. L-​umanità tistaʼ tibbenefika jekk tkun midħla tat-​tagħlim tiegħu u tapplikah. *

Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova fl-​inħawi tiegħek se jieħdu pjaċir jgħinuk tara kif tistaʼ tibbenefika mill-​iktar tagħlim mimli għerf li qatt intqal minn bniedem. Int mistieden kordjalment biex tikkuntattjahom jew tiktbilhom fl-​indirizz li ssib f’paġna 2 taʼ din ir-​rivista.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 22 Jekk tixtieq tikkunsidra t-​tagħlim kollu taʼ Ġesù pass pass, ara L-​Aqwa Bniedem li Qatt Għex, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Stampa f’paġna 5]

‘Missierkom tas-​sema jitmagħhom’

[Stampa f’paġna 7]

It-​tagħlim taʼ Ġesù jistaʼ jeffettwalek ħajtek għat-​tajjeb